Hija l-Għotja tal-Ilsna Parti mill-Kristjanità Vera?
“JIEN ħassejt, hekk kif smajtu jitlob bl-ilsna, bħal li kieku kien hemm l-arja kkargata bl-elettriku,” qal Bill wara li hu u sitta min-nies oħra nġabru quddiem il-predikatur ħdejn l-artal fil-knisja. Qegħdin dawn l-esperjenzi jirrepetu l-ħidma tal-ewwel seklu tal-ispirtu qaddis? Jidentifikaw dawn lir-reliġjon tal-Bibbja? Nistgħu nsibu tweġibiet sodisfaċenti billi neżaminaw l-Iskrittura bir-reqqa.
Il-Bibbja tirrivela li meta xi għotja mirakoluża tal-ispirtu ġiet trażmessa, tal-inqas wieħed mit-12-il appostlu jew l-appostlu Pawlu kienu preżenti. L-ewwel minn tliet każi mniżżlin dwar xi ħadd li jitkellem bl-ilsna seħħ fost il-120 dixxiplu taʼ Ġesù miġburin f’Ġerusalemm f’Pentekoste tas-sena 33 E.K. (Atti 2:1-4) Tliet snin u nofs wara, waqt li grupp taʼ Taljani mhux ċirkonċiżi kienu qed jisimgħu lil Pietru jippriedka, huma rċevew l-ispirtu u bdew “jitkellmu bl-ilsna u jfaħħru bil-kbir lil Alla.” (Atti 10:44-48) U 19-il sena wara Pentekoste, madwar is-sena 52 E.K., Pawlu tkellem maʼ grupp f’Efesu u poġġa jdejh fuq 12-il dixxiplu. Huma wkoll “bdew jitkellmu bl-ilsna u jipprofetizzaw.”−Atti 19:6.
Għala l-Għotja tal-Ilsna?
Eżatt qabel ma telaʼ s-sema, Ġesù qal lis-segwaċi tiegħu: “Intom se tirċievu qawwa meta l-ispirtu qaddis jasal fuqkom, u se tkunu xhieda tiegħi kemm f’Ġerusalemm u . . . sal-iktar parti ’l bogħod tal-art.” (Atti 1:8) Innota li hu b’hekk ta ħjiel taʼ kif eżatt kien se jiġi mwettaq dan ix-xogħol monumentali taʼ xiehda—bil-għajnuna tal-ispirtu qaddis.
It-teknoloġija moderna tal-komunikazzjoni li tagħmilna kapaċi nibagħtu messaġġi mad-dinja kollha f’ħafna lingwi ma kinetx teżisti dak iż-żmien. L-aħbar tajba riedet tiġi mifruxa primarjament bil-kelma mitkellma, u f’dan il-għotja mirakoluża taʼ li wieħed jitkellem bl-ilsna barranin kienet se tkun t’għajnuna kbira. Dan kien il-każ hekk kif il-Kristjani tal-ewwel seklu ppridkaw lil Lhud u lil proseliti f’Ġerusalemm f’Pentekoste tas-sena 33 E.K. Partjani, Medi, Elamiti, Kretani, Għarab, abitanti tal-Mesopotamja, tal-Ġudea, tal-Kappadoċja, taʼ Pontus, u tad-distrett tal-Asja, kif ukoll viżitaturi minn Ruma, semgħu “l-affarijiet manjifiċi t’Alla” bil-lingwa tagħhom stess u fehmu dak li ntqal. Tlett elef malajr emmnu.—Atti 2:5-11, 41.
Fatt li taʼ spiss jiġi injorat hu illi li wieħed jitkellem bl-ilsna kien wieħed mid-disaʼ ħidmiet tal-ispirtu qaddis li l-appostlu Pawlu semmaʼ fl-ittra tiegħu lill-Kristjani f’Korintu. Għalkemm li wieħed jitkellem bl-ilsna kien meqjus minn Pawlu bħala għotja żgħira, kien prezzjuż għall-kongregazzjoni bikrija biex ixerred l-aħbar tajba dwar is-Saltna tas-sema t’Alla. Kienet waħda mill-“għotjiet” li kkontribwew għat-tkabbir numeriku u t-tisħiħ tal-kongregazzjoni ġdida taʼ Kristjani.—1 Korintin 12:7-11; 14:24-26.
Id-diversi ħidmiet tal-ispirtu qaddis fl-ewwel seklu, inkluż li wieħed jitkellem bl-ilsna, kienu wkoll evidenza viżibbli li Alla ma kienx għadu qiegħed juża l-kongregazzjoni taʼ Iżrael, li kien ilha 1,600 sena, bħala l-poplu speċjali tiegħu. Bla dubju, l-approvazzjoni tiegħu kienet issa fuq il-kongregazzjoni Kristjana ġdida, stabbilita mill-Iben uniġenitu tiegħu.—Qabbel Ebrej 2:2-4.
Dawn il-manifestazzjonijiet tal-ispirtu kienu blokki prinċipali taʼ bini f’li tiġi stabbilita l-kongregazzjoni Kristjana żagħżugħa u f’li tiġi mgħejjuna biex issir adulta. Pawlu spjega li wara li jkunu qdew l-iskop tagħhom, dawn il-għotjiet mirakolużi kellhom jieqfu: “Kemm jekk hemm għotjiet ta pprofetizzar, dawn se jispiċċaw; kemm jekk hemm ilsna, dawn se jieqfu.”—1 Korintin 13:8.
Iva, il-Bibbja hija ċara li l-għotja tal-ilsna kellha tieqaf. Imma meta? Atti 8:18 jirrivela li l-għotjiet tal-ispirtu kienu mogħtijin “bit-tqegħid tal-idejn tal-appostli.” B’mod evidenti, allura, bil-mewt tal-aħħar appostlu, il-għotjiet tal-ispirtu ma kellhomx jibqgħu jiġu mgħoddijin lil ħaddieħor—inkluż li wieħed jitkellem bl-ilsna. Għalhekk, meta dawk li kienu rċevew dawn il-għotjiet mingħand l-appostli mietu wkoll, il-għotja mirakoluża kellha tieqaf. Sa dak in-nhar il-kongregazzjoni Kristjana kellha ż-żmien biex issir stabbilita sewwa u kellha tkun infirxet maʼ ħafna artijiet.
“Ilsna Mhux Magħrufin” u l-Interpretazzjoni Tagħhom
Il-qawmien mill-ġdid preżenti taʼ li wieħed jitkellem bl-ilsna ġiet “meqjusa minn xi wħud bħala l-imġieba emozzjonali taʼ esibizzjonisti m’humiex stabbli waqt li oħrajn iqisuha bħala identika mal-fenomenu taʼ li wieħed jitkellem bl-ilsna taʼ żminijiet Appostoliċi.” F’laqgħat fil-knisja tal-lum fejn li wieħed jitkellem b’“ilsna mhux magħrufin” iseħħ, dan ġeneralment jinvolvi tfaqqigħa estatika taʼ ħsejjes li ma tistax tifhimhom. Fi qbil maʼ dan, persuna waħda stqarret: “Jien nuża l-għotja tal-ilsna tiegħi fil-biċċa l-kbira fil-privat għall-meditazzjoni tiegħi stess.... Inħossni naqra mbarazzat quddiem nies oħrajn.” Ieħor irrakkonta: “Jien nismat l-kliem tiegħi stess, ma nifhmux, imma nibqaʼ nħoss lil ilsieni mbottat biex jitkellem.”
Liema tagħrif taʼ valur veru huwa mogħti minn dawn l-ilsna mhux magħrufin, u x’ingħidu dwar interpretazzjoni? Dawk li jsostnu li jinterpretaw dan id-diskors offrew spegazzjonijiet differenti taʼ l-istess ħaġa mitkellma li ma tistax tifhimha. Għala differenti? Huma jippruvaw jispjegaw differenza bħal din billi jgħidu li “Alla ta lil persuna waħda interpretazzjoni waħda tad-diskors u lil persuna oħra interpretazzjoni oħra.” Individwu wieħed irrikonoxxa: “Innotajt okkażjonijiet fejn l-interpretazzjoni ma kinetx tat-tip eżatt.” D. A. Hayes, fil-ktieb tiegħu The Gift of Tongues, irrefera għal okkażjoni fejn raġel irrifjuta li jinterpreta d-diskors taʼ mara li tkellmet b’ilsien mhux magħruf għaliex “il-lingwa kienet l-iktar oxxena mill-oxxenità.” X’kuntrast hu dak mal-kliem bl-ilsna li eżista fl-ewwel seklu u li kien attwalment għall-bini tal-kongregazzjoni!—1 Korintin 14:4-6,12, 18.
Xi wħud illum tassew isostnu li semgħu interpretazzjonijiet tal-għaġeb, u huma jistgħu jemmnu sinċerament li Alla juża din il-għotja meta “jixtieq jagħti messaġġ dirett lin-nies.” Imma liema messaġġ mingħand Alla għandna bżonn illum li Ġesù Kristu u l-appostli ma fornewx għalina? Pawlu, li hu nnifsu kellu l-għotja tal-ispirtu qaddis, qal: “L-Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla u taʼ benefiċċju għat-tagħlim, għat-twiddib, biex tiddritta l-affarijiet, biex tiddixxiplina fit-tjieba, biex il-bniedem t’Alla jistaʼ jkun kompetenti għalkollox, imgħammar bis-sħiħ għal kull xogħol tajjeb.”−2 Timotew 3:16, 17.
Il-fatt hu li l-kongregazzjoni Kristjana m’għadhiex fl-infanzja tagħha, u b’hekk rivelazzjonijiet divini jew għotjiet mirakolużi tal-ispirtu m’għadhomx iktar meħtieġa biex jikkonfermaw l-irwol tagħha. Il-Bibbja twissi: “Saħansitra jekk aħna jew xi anglu mis-sema kellna niddikjarawlkom bħala aħbar tajba xi ħaġa iktar lil hinn [ “mhux fi qbil ma’, ” The New English Bible] minn dak li ddikjarajnielkom bħala aħbar tajba, ħa jkun misħut.”−Galatin 1:8.
Li wieħed jitkellem b’mod mirakoluż bl-ilsna m’għadux iktar bżonnjuż, u m’hemm ebda bażi Biblika biex wieħed jemmen li dan huwa parti mill-vera Kristjanità llum. Issa li l-Bibbja hija sħiħa u disponibbli kullimkien, għandna dak li neħtieġu fil-Kelma t’Alla. Din tħallina niksbu għarfien eżatt dwar Jehovah u dwar Ibnu li jwassal għall-ħajja taʼ dejjem.—Ġwann 17:3; Rivelazzjoni 22:18, 19.
Saħansitra fl-ewwel seklu, l-appostlu Pawlu kien imġiegħel jikteb lill-kongregazzjoni f’Korintu biex jirranġaw il-ħarsa tagħhom dwar il-għala l-għotja tal-ilsna kienet mogħtija lil Kristjani bikrin. Milli jidher, xi wħud kienu msaħħrin bil-għotja tal-ilsna, u kienu qed iġibu rwieħhom bħal tfal ċkejknin, immaturi spiritwalment. Importanza żejda ġiet mogħtija lill-“ilsna.” (1 Korintin 14:1-39) Pawlu enfasizza li mhux il-Kristjani kollha fl-ewwel seklu kienu jitkellmu b’ilsna mirakolużi. Ma kienx neċessarju għas-salvazzjoni tagħhom. Saħansitra lura f’dak iż-żmien meta kienet teżisti, il-għotja tal-ilena kienet sekondarja għall-ipprofetizzar mirakoluż. Li wieħed jitkellem bl-ilsna ma kienx, u ma hux, xi ħtieġa għal Kristjani biex jaqilgħu l-ħajja taʼ dejjem.—1 Korintin 12:29, 30; 14:4, 5.
Il-Forza wara Ilsna Mhux Magħrufin Illum
Xi wħud jemmnu li l-forza li timbotta lil dawk li jitkellmu bl-ilsna llum hija l-mexxejja reliġjużi kariżmatiċi li jħeġġu lill-membri tal-merħla tagħhom biex jiksbu din l-abbiltà. F’xi każi tiġi minħabba l-emozzjonaliżmu u l-iżbilanċ. Cyril G. Williams, f’Tongues of the Spirit, igħid li saret “f’ħafna każi tikketta taʼ l-ipprivileġġjati ġewwa l-grupp” u tagħti lil dak li jkun “statura u awtorità f’għajnejn il-grupp kif ukoll f’għajnejhom stess.” Il-motivazzjoni, għalhekk, tistaʼ tkun xewqa li tappartjeni lill-grupp superjuri tal-ilsna mhux magħrufin.
Donald P. Merrifield, dak li darba kien president tal-Universita taʼ Loyola, innota li “l-ilsna jistgħu jkunu esperjenza isterika, jew, skond xi wħud, waħda dijabolika.” Il-membru tal-kleru Todd H. Fast qal: “Din tal-ilsna hi ħaġa kontroversjali. Ix-xitan għandu ħafna modi kif jaħdem fuqna.” Il-Bibbja nfisha twissina li Satana u d-demonji tiegħu kapaċi jinfluwenzaw lin-nies u jikkontrallawlhom kliemhom. (Atti 16:17, 18) Ġesù aġixxa kontra spirtu demoniku li kien qanqal lil wieħed raġel biex igħajjat u jaqaʼ minn tulu fl-art. (Luqa 4:33-35) Pawlu wissa li ‘Satana kellu jittrasforma lilu nnifsu f’anġlu tad-dawl.’ (2 Korintin 11:14) Dawk illum li jfittxu l-għotja tal-ilsna li Alla m’għadux isawwab fuq il-poplu tiegħu huma tabilħaqq qegħdin jinfetħu għall-qerq taʼ Satana, li, aħna mwissijin, kellu juża “kull xogħol taʼ qawwa u sinjali giddibin u għeliem.”−2 Tessalonkin 2:9, 10.
L-Ilsna—U l-Kristjanità Vera
Il-Kristjani tal-ewwel seklu li rċevew l-għotja taʼ li jitkellmu bl-ilsna wżawha biex jispjegaw l-affarijiet manjifiċi t’Alla. Pressjoni ġiet magħmula fuq il-ħtieġa li jinterpretaw ċar u tond il-messaġġ imwassal bl-ilsna sabiex jistaʼ jiġi mifhum minn kulħadd u jirriżulta f’istruzzjoni għal ħafna. (1 Korintin 14:26-33) Pawlu wissa: “Jekk permezz tal-ilsien ma tlissnux diskors mifhum faċilment, kif se jkun magħruf x’inhu jintqal? Se tkunu, fil-fatt, qegħdin titkellmu fl-arja.”−1 Korintin 14:9.
Waqt li l-ispirtu t’Alla ta lill-Kristjani bikrin il-għotja tal-ilsna, ma ġagħlhomx jitkellmu geġwiġija taʼ kliem li ma jiftihemx jew li ma tistax tittraduċih. Fi qbil mal-parir taʼ Pawlu, l-ispirtu qaddis ipprovda kliem li rriżulta f’li l-aħbar tajba tiġi b’iktar ħeffa “ppridkata fil-ħolqien kollu li hu taħt is-sema.”−Kolossin 1:23.
Dwar dawn l-aħħar jiem tas-sistema preżenti, Ġesù Kristu kkmanda: “Fil-ġnus kollha l-aħbar tajba [tas-Saltna stabbilita] trid tiġi ppridkata l-ewwel.” (Mark 13:10) Bħal fl-ewwel seklu, il-ħolqien kollu jrid jismaʼ l-messaġġ tas-Saltna. Dan huwa possibbli għaliex il-Bibbja issa ġiet tradotta, sħiħa jew parti minnha, fi kważi 2,000 lingwa. L-istess spirtu li mela lill Kristjani bikrin biex jitkellmu bi qlubija u bil-kuraġġ huwa issa qed jappoġġja x-xogħol kbir u tal-għaġeb tal-ippridkar fil-kongregazzjoni tal-ġurnata tal-lum tax-Xhieda taʼ Jehovah. Bil-fomm u billi jużaw it-teknoloġija moderna tal-istampar biex iwasslu verità Skritturali permezz tal-paġni stampati, huma jitkellmu l-“lingwa pura.” Il-messaġġ qiegħed jasal għand ’il fuq minn 200 pajjiż u gżira tal-baħar. Ix-Xhieda taʼ Jehovah jispikkaw bħala poplu li huwa mqanqal mill-ispirtu t’Alla biex jagħmel magħruf maʼ kulħadd l-affarijiet manjifiċi t’Alla.—Sofonija 3:9; 2 Timotew 1:13.