Ottubru
Il-Ħamis, 1 taʼ Ottubru
“Jien lil Ġeħova nibqaʼ nfittex.”—Mik. 7:7.
L-anzjani, l-indokraturi li jżur il-kongregazzjonijiet, l-uffiċċju tal-fergħa, u l-Ġemgħa li Tiggverna b’mod regolari jtuna direzzjonijiet biex jgħinuna naqdu lil Ġeħova. Imma kultant ma nifhmux għala jtuna ċerti direzzjonijiet. Forsi nibdew niddubitaw jekk jgħoddux għalina. Jistaʼ jkun ukoll li nibdew niffokaw fuq l-imperfezzjonijiet tal-aħwa li qed ituna d-direzzjoni. Meta ngħixu skont il-fidi, inkunu konvinti li Ġeħova qed imexxi l-organizzazzjoni tiegħu u li jaf x’inhu l-aħjar għalina. Minħabba f’hekk, aħna nkunu lesti li nobdu mill-ewwel u nagħmlu dan b’attitudni tajba. (Lhud 13:17) Dan nagħmluh għax nafu li meta nobdu l-organizzazzjoni, inkunu qed ngħinu biex il-kongregazzjoni tibqaʼ magħquda. (Efes. 4:2, 3) Aħna konvinti li avolja l-aħwa li qed imexxu huma imperfetti, jekk nobdu, Ġeħova se jberikna. (1 Sam. 15:22) U aħna ċerti li jekk ikun hemm bżonn li ssir xi bidla fid-direzzjoni, Ġeħova se jagħmel ċert li ssir. w25.03 23-24 ¶13-14
Il-Ġimgħa, 2 taʼ Ottubru
“Alla . . . hu Dak li jirrivela s-sigrieti.”—Dan. 2:28.
Illum qed ngħixu fi żmien eċċitanti ħafna, għax kuljum naraw ħafna profeziji jitwettqu. Pereżempju, naraw li hemm ġlieda kontinwa bejn “is-sultan tat-tramuntana” u “s-sultan tan-nofsinhar” biex imexxu d-dinja. (Dan. 11:40) Naraw li l-aħbar tajba qed tiġi ppritkata mad-dinja kollha, u miljuni taʼ nies qed jibdew jaqdu lil Ġeħova. (Is. 60:22; Mt. 24:14) Barra minn hekk, aħna għandna ħafna ikel spiritwali “fiż-żmien xieraq.” (Mt. 24:45-47) Ġeħova ħa jkompli jgħinna nifhmu iktar ċar l-affarijiet importanti li se jiġru dalwaqt. (Prov. 4:18) U aħna nistgħu nkunu ċerti li qabel jibda ż-żmien taʼ tbatija kbira ħa nifhmu dak li jkollna bżonn biex inkunu nistgħu nibqgħu leali u magħqudin. Imma hemm xi affarijiet dwar il-futur li għadna ma nafuhomx. w24.05 8 ¶1-2
Is-Sibt, 3 taʼ Ottubru
“Hu ma jimmalafamax.”—Slm. 15:3.
David semma l-kelma malafama. X’inhi malafama? Dan hu meta xi ħadd jigdeb biex jagħmel ħsara jew iweġġaʼ lil xi ħadd apposta. Salm 15:3 jgħid ukoll li xi ħadd mistieden fit-tinda taʼ Ġeħova ma jagħmilx ħsara lil ħaddieħor u ma jaqlax qlajjaʼ fuq sħabu. (Slm. 15:1) X’jiġifieri? Mingħajr ma rridu nistgħu naqilgħu xi qlajjaʼ fuq xi ħadd. Pereżempju: (1) oħt ma tibqax pijuniera, (2) koppja ma jibqgħux jaqdu f’Betel, jew (3) ħu ma jibqax jaqdi bħala anzjan jew qaddej ministerjali. Ma jkunx tajjeb li ngħidu lill-aħwa li naħsbu li waqfu għax għamlu xi ħaġa ħażina, għax jistaʼ jkun hemm raġunijiet oħra li aħna ma nafux bihom. Irridu niftakru li xi ħadd mistieden fit-tinda taʼ Ġeħova “ma jagħmilx ħsara lil ħaddieħor, u ma jaqlax qlajjaʼ fuq sħabu.” w24.06 11 ¶11-13
Il-Ħadd, 4 taʼ Ottubru
“Jien dejjem inżommok f’moħħi, Ġeħova. Peress li int fuq il-lemin tiegħi, jien qatt mhu se nħossni ansjuż.”—Slm. 16:8.
Biex nirrispettaw iktar lil Ġeħova rridu naħsbu kif nistgħu nagħmluh ferħan f’kull deċiżjoni li nieħdu. Int u taqra rakkonti mill-Bibbja, saqsi, ‘Kieku kont qiegħed hemm, x’kont nagħmel?’ Pereżempju, immaġina li kont wieħed mill-Iżraelin li semgħu lill-ispiji jgħidu li m’għandhomx ċans jirbħu. Kieku kont temminhom u tibżaʼ mill-Kangħanin, jew l-imħabba tiegħek għal Ġeħova kienet tkun iktar b’saħħitha mill-biżaʼ? L-Iżraelin taʼ dak iż-żmien m’emmnux lil Ġożwè u Kaleb u minħabba f’hekk, Ġeħova ma ħallihomx jidħlu fl-Art Imwiegħda.—Num. 14:10, 22, 23. w24.07 10 ¶7
It-Tnejn, 5 taʼ Ottubru
“Ġeħova jeżamina l-qalb tan-nies.”—Prov. 17:3.
Gomer, il-mara tal-profeta Ħosea, ma baqgħetx leali lejh, u telqitu biex tmur maʼ raġel ieħor. Ġeħova x’għamel? Peress li hu jaf kollox dwar kulħadd, qal lil Ħosea: “Erġaʼ ħobb il-mara li jħobbha raġel ieħor u li qed tagħmel adulterju, bħalma jien, Ġeħova, inħobb lill-poplu t’Iżrael waqt li huma jqimu allat oħrajn.” (Ħos. 3:1; Prov. 16:2) Innota li l-mara taʼ Ħosea kienet għadha qed tagħmel dnub serju, imma Ġeħova xorta qal lil Ħosea biex jaħfrilha u jerġaʼ jaċċettaha bħala l-mara tiegħu. Bl-istess mod, Ġeħova ma kienx qataʼ qalbu mill-poplu tiegħu. Avolja kienu għadhom qed jagħmlu dnubiet serji, hu kien għadu jħobbhom, u allura baqaʼ jibagħtilhom il-profeti biex jgħinhom jinbidlu. Dan l-eżempju jurina li Ġeħova jaf kollox dwar kull persuna, u hu se jibqaʼ jipprova jgħin lil xi ħadd li qed jagħmel dnub serju biex jindem u jirranġa. w24.08 10 ¶7
It-Tlieta, 6 taʼ Ottubru
“Il-Liġi hi bħal dell tal-affarijiet tajbin li għandhom jiġu.”—Lhud 10:1.
Il-Lhud li saru Kristjani kellhom jagħmlu bidliet kbar li ma kinux faċli. Pereżempju, fil-passat il-Lhud kienu poplu magħżul minn Ġeħova. Ġerusalemm kienet post importanti ħafna għax ir-re li kien jirrappreżenta lil Ġeħova kien imexxi minn hemm. U kien hemm it-tempju biex iqimu lil Ġeħova. Il-Lhud kienu jimxu mal-Liġi taʼ Mosè u mar-regoli li kienu jgħallmu l-mexxejja reliġjużi. Dawn ir-regoli kienu jikkontrollaw x’kienu jieklu, iċ-ċirkonċiżjoni, u kif kellhom jaġixxu man-nies minn popli oħra. Imma wara li miet Ġesù, Ġeħova ma baqax jaċċetta sagrifiċċji offruti fit-tempju. Dan setaʼ kien taʼ sfida għal-Lhud li saru Kristjani biex ibiddlu l-mod kif kienu jqimu lil Ġeħova. (Lhud 10:1, 4, 10) Anki Kristjani li kellhom fidi b’saħħitha, bħall-appostlu Pietru, sabuhom diffiċli dawn il-bidliet. (Atti 10:9-14; Gal. 2:11-14) U minħabba dan it-twemmin ġdid, dawn il-Kristjani kellhom persekuzzjoni mill-mexxejja tar-reliġjon Lhudija. w24.09 9 ¶4
L-Erbgħa, 7 taʼ Ottubru
“Tinsewx lil dawk li qed imexxu fostkom u li għallmukom il-kelma t’Alla.”—Lhud 13:7.
Ġeħova jrid li meta jagħti xi xogħol lin-nies tiegħu, dawn jagħmluh b’mod organizzat. (1 Kor. 14:33) Pereżempju, hu jrid li n-nies kollha fid-dinja jsiru jafu l-aħbar tajba. (Mt. 24:14) Minħabba f’hekk, Ġeħova ta r-responsabbiltà lil Ġesù biex imexxi dan ix-xogħol, u Ġesù qed jara li jsir b’mod organizzat. Fil-fatt fi żmien il-Kristjani tal-bidu, meta bdew jiżdiedu l-kongregazzjonijiet, kien hemm l-anzjani li ngħataw ix-xogħol biex imexxu u jagħtu d-direzzjonijiet. (Atti 14:23) U f’Ġerusalemm kien hemm grupp t’anzjani u appostli li kienu jieħdu ċerti deċiżjonijiet importanti. Meta dawn kienu jieħdu d-deċiżjonijiet, il-kongregazzjonijiet kienu jobduhom. (Atti 15:2; 16:4) U minħabba li l-aħwa obdew, huma “komplew jissaħħu fil-fidi u jiżdiedu jum wara jum.”—Atti 16:5. w24.04 8 ¶1
Il-Ħamis, 8 taʼ Ottubru
“Marija l-Maddalena marret għand id-dixxipli u qaltilhom li rat lill-Mulej.”—Ġw. 20:18.
Kmieni filgħodu fis-16 taʼ Nisan, xi nisa marru ħdejn il-qabar fejn kien hemm Ġesù. (Lq. 24:1, 10) Waħda minnhom kienet Marija l-Maddalena. Meta waslet, rat li l-ġisem taʼ Ġesù ma kienx fil-qabar. Allura malajr marret tgħid lil Pietru u lil Ġwanni. Huma marru jiġru lejn il-qabar u hi marret warajhom. Xħin raw li l-qabar veru kien vojt, huma marru lura d-dar. Imma Marija baqgħet hemmhekk tibki. Hi ma kinitx taf li Ġesù kien qed jaraha. Hu nnota li kienet qed tibki u ried jinkuraġġiha. Allura dehrilha, kellimha, u taha inkarigu importanti. Hi kellha tmur għand l-aħwa u tgħidilhom li Ġesù kien ġie rxoxtat.—Ġw. 20:17, 18. w24.10 14 ¶7
Il-Ġimgħa, 9 taʼ Ottubru
“Nagħmel ħafna sinjali u mirakli fl-art tal-Eġittu.”—Eżo. 7:3.
Mosè kien profeta, imħallef, mexxej, u kittieb. Hu għadda minn ħafna esperjenzi, u allura żgur li tgħallem minnhom! Pereżempju, hu ħareġ lill-Iżraelin mill-Eġittu u ra lil Ġeħova jagħmel ħafna mirakli. Ġeħova użah ukoll biex jikteb l-ewwel ħames kotba tal-Bibbja, Salm 90, u x’aktarx Salm 91. Jistaʼ jkun li Mosè kiteb ukoll il-ktieb taʼ Ġob. Mosè miet meta kellu 120 sena. Imma qabel, hu kellem lill-Iżraelin kollha u fakkarhom f’dak kollu li raw lil Ġeħova jagħmel. Huma kienu raw il-mirakli taʼ Ġeħova u kif kien iġġudika lill-Eġizzjani. (Eżo. 7:4) Pereżempju, huma raw lil Ġeħova jiftaħ il-Baħar l-Aħmar u għaddew minnu. Imbagħad rawh jeqred l-armata tal-Fargħun. (Eżo. 14:29-31) Meta kienu fid-deżert, Ġeħova ħa ħsiebhom u pproteġiehom. (Dewt. 8:3, 4) Issa kienu waslu biex jidħlu fl-Art Imwiegħda. Allura Mosè, qabel miet, xtaq jinkuraġġihom. w24.11 8-9 ¶3-4
Is-Sibt, 10 taʼ Ottubru
“Jekk xi ħadd jiekol [minn dan il-ħobż] jgħix għal dejjem . . . Il-ħobż li se nagħti hu ġismi li se noffrih biex in-nies ikunu jistgħu jgħixu.”—Ġw. 6:51.
Dak li Ġesù qal fl-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej kien japplika għal grupp żgħir taʼ nies biss. Imma dak li qal lill-folla fil-Galilija kien japplika għal ħafna iktar nies. Ħafna mil-Lhud fil-Galilija li Ġesù kien qed jitkellem magħhom, kulma riedu kien li Ġesù jtihom l-ikel. Imma Ġesù ried jgħinhom jifhmu li hemm xi ħaġa aħjar mill-ikel u li tistaʼ ttihom ħajja taʼ dejjem. Hu qal ukoll li dawk li mietu setgħu jiġu rxoxtati fl-aħħar jum u jgħixu għal dejjem. Ġesù ma kienx qed jitkellem dwar xi ħaġa li se jibbenefikaw minnha ftit nies biss, bħalma għamel fl-Ikla taʼ Filgħaxija tal-Mulej. Minflok, tkellem dwar xi ħaġa tal-għaġeb li n-nies kollha jistgħu jgawdu minnha. w24.12 11 ¶10-11
Il-Ħadd, 11 taʼ Ottubru
“Irġiel, ibqgħu ħobbu lill-mara tagħkom.”—Kol. 3:19.
Ġeħova jobgħod lil kull min hu vjolenti. (Slm. 11:5) Hu ma jiħux pjaċir speċjalment b’raġel li jkun vjolenti maʼ martu. (Mal. 2:16) Jekk raġel ma jittrattax lill-mara sew, se jagħmel ħsara lill-ħbiberija tiegħu m’Alla. Jistaʼ jkun ukoll li Ġeħova jieqaf jismaʼ t-talb tiegħu. (1 Pt. 3:7) Xi rġiel miżżewġin ġieli jitkellmu b’mod vera rrabjat mal-mara tagħhom u jgħidu xi affarijiet li jweġġgħuha. Imma Ġeħova jgħid li m’għandniex inkunu ‘rrabjati, inkorlati, inwerżqu, jew ngħajru.’ (Efes. 4:31, 32) Raġel li jitkellem bl-aħrax mal-mara tiegħu jagħmel ħsara kemm lir-relazzjoni tiegħu mal-mara u anki lill-ħbiberija tiegħu maʼ Ġeħova. (Ġak. 1:26) Anki raġel li jara l-pornografija jagħmel ħsara lill-ħbiberija tiegħu maʼ Ġeħova u ma jkunx qed juri rispett lill-mara tiegħu. Ġeħova jistenna li raġel jibqaʼ leali lejn il-mara tiegħu. Raġel leali qatt mhu se jagħmel xi ħaġa immorali maʼ mara oħra u lanqas biss jaħseb dwarha. Fil-fatt, Ġesù qal li raġel li “jibqaʼ jħares lejn mara u jkun jixtieq ikollu relazzjoni sesswali magħha, ikun diġà għamel adulterju magħha f’qalbu.”—Mat. 5:28, 29. w25.01 9 ¶6-8
It-Tnejn, 12 taʼ Ottubru
Xi ħadd jiġi ddikjarat ġust għax ikollu fidi f’Ġesù Kristu.—Gal. 2:16.
Il-Bibbja tgħid li Alla jqis lill-qaddejja tiegħu ġusti. Dan ifisser li m’hemmx għalfejn inħallsu għad-dnubiet tagħna. Imma Ġeħova xorta jżomm il-livelli għoljin tiegħu. Hu jqisna ġusti mhux għax ħaqqna jew għax jinjora d-dnubiet li nagħmlu. Imma hu jaħfrilna għax aħna nuru fidi fis-sagrifiċċju taʼ Ġesù. (Rum. 3:24) Aħna kif nibbenefikaw meta Ġeħova jqisna ġusti? Xi wħud jibbenefikaw għax intgħażlu biex imexxu maʼ Ġesù fis-sema u saru t-tfal t’Alla. (Titu 3:7; 1 Ġw. 3:1) Ġeħova diġà ħafrilhom u qisu qatt m’għamlu dnub. B’hekk huma jistgħu jkunu fis-Saltna t’Alla. (Rum. 8:1, 2, 30) Oħrajn tqiesu ġusti billi Ġeħova ħafrilhom id-dnubiet tagħhom. B’hekk huma saru l-ħbieb tiegħu u għandhom it-tama li jgħixu għal dejjem fuq l-art.—Ġak. 2:21-23. w25.02 5 ¶17, 18
It-Tlieta, 13 taʼ Ottubru
“M’intix taħseb bħalma jaħseb Alla imma bħalma jaħsbu n-nies.”—Mat. 16:23.
Darba l-appostlu Pietru ma ħasibx bħal Ġeħova. Ġesù kien qal lill-appostli li kellu jmur Ġerusalemm u hemm il-mexxejja reliġjużi kienu se jarrestawh, jittorturawh u joqtluh. (Mat. 16:21) Pietru kien jaf li Ġesù kien il-Messija mwiegħed allura forsi sabha diffiċli jemmen li Ġeħova se jħallih ibati u jmut. (Mat. 16:16) Pietru ħa lil Ġesù fil-ġenb u qallu: “Toqgħodx tgħid hekk Mulej. Żgur li mhux se jiġrilek dan.” (Mat. 16:22) Pietru ma kienx qed jaħseb bħal Ġeħova u b’hekk ma qabilx maʼ Ġesù. Jistaʼ jkun li Pietru ried jgħin lil Ġesù, imma Ġesù kien jaf li biex jobdi lil Ġeħova kellu jbati u jmut, allura m’aċċettax il-parir tiegħu. Dan għallem lil Pietru li anki hu kellu jibda jaħsibha bħal Ġeħova u din hi lezzjoni importanti għalina wkoll. w25.03 9 ¶5-6
L-Erbgħa, 14 taʼ Ottubru
“Ġeħova hu qrib dawk li għandhom qalbhom maqsuma; hu jsalva lil dawk li huma mdejqin.”—Slm. 34:18.
Int qed tħossok imdejjaq u mweġġaʼ għax xi ħadd li kont tafda ttradiek u weġġgħek ħafna? Avolja xi ħadd trattak ħażin, Missierek tas-sema jħobbok ħafna. Jekk tradiek xi ħadd, il-kliem taʼ David fl-iskrittura tal-lum jistaʼ jinkuraġġik ħafna. Il-frażi “dawk li huma mdejqin” tistaʼ tirreferi għal xi ħadd li jħossu bla tama. Ġeħova kif jgħin lil nies li jħossuhom hekk? Bħala Missier li jħobb, Ġeħova “hu qrib” tagħna. Hu qisu ġenitur li qed iżomm it-tarbija tiegħu u jikkalmaha għax qed tibki. Meta nkunu mweġġgħin għax xi ħadd ikun tradiena jew telaqna, Ġeħova jħoss l-uġigħ tagħna u jgħinna mill-ewwel. Hu jixtieq ħafna jgħinek tħossok aħjar jekk int qalbek maqsuma u tħossok li m’int tajjeb għal xejn. U hu jtina ħafna affarijiet biex jgħinna nħarsu ’l quddiem għalihom u niffokaw fuqhom. B’hekk, inkunu nistgħu nkomplu nissaportu.—Isa. 65:17. w24.12 23 ¶13-14
Il-Ħamis, 15 taʼ Ottubru
“Mingħand Ġeħova se tirċievu l-wirt bħala rigal.”—Kol. 3:24.
L-anzjani llum jistgħu jkunu ċerti li Ġeħova jara x-xogħol li jagħmlu u japprezzah. Apparti li jieħdu ħsieb l-aħwa, jagħmlu t-taħditiet, u jmorru s-service, ħafna anzjani jgħinu fi proġetti taʼ kostruzzjoni u meta jkun hemm xi diżastru. Xi anzjani oħra jaqdu fil-Kumitati taʼ Koordinazzjoni mal-Isptarijiet (HLC) jew fil-Gruppi li Jżuru lill-Pazjenti. Dawn l-anzjani jafu li l-kongregazzjoni hi taʼ Ġeħova. Huma jaħdmu iebes u jafu li Ġeħova se jippremjahom. (Kol. 3:23, 24) Mhux kulħadd jistaʼ jkun anzjan, imma kollha kemm aħna nistgħu nagħtu xi ħaġa lil Ġeħova. Hu japprezza meta ntuh l-aħjar tagħna. Pereżempju, Ġeħova jara d-donazzjonijiet li nagħtu, anki jekk ma nistgħux nagħtu ħafna. U nagħmluh ferħan meta naħfru lil xi ħadd li jkun weġġagħna. Kun ċert li hu xorta japprezza ħafna dak li tagħmel u jħobbok.—Lq. 21:1-4. w24.06 23 ¶12-13
Il-Ġimgħa, 16 taʼ Ottubru
“Tħallihiex twaqqgħek fit-tentazzjoni. Tmurx warajha.”—Prov. 7:25.
Dan ir-rakkont juri x’jistaʼ jiġri lil kull wieħed u waħda minna. Xi ħadd jistaʼ jagħmel dnub u wara jħoss li ġara kollox “f’daqqa waħda.” Jew forsi jgħid li mingħajr ma kien qed jistennieha ġiet tentazzjoni u waqaʼ. Imma jekk joqgħod jaħseb dwar x’ġara, wisq probabbli jinduna li kien għamel xi affarijiet jew ħa ċertu deċiżjonijiet li wassluh għad-dnub. Forsi jistaʼ jkun li kellu ħbieb li ma jħobbux lil Ġeħova jew mar f’xi postijiet jew f’xi websites li mhumiex tajbin għall-Kristjani. Jistaʼ jkun ukoll li waqaf jitlob, jaqra l-Bibbja, jattendi l-laqgħat, u jitkellem m’oħrajn dwar Ġeħova. Allura meta jagħmel dnub, forsi ma jkunx ġara f’daqqa waħda imma minħabba ħafna deċiżjonijiet ħżiena li jkun ħa. X’nistgħu nitgħallmu? Aħna ma rridux nevitaw id-dnub biss, imma rridu nevitaw li nagħmlu affarijiet li jistgħu jwassluna biex nagħmlu d-dnub.—Mt. 5:29, 30. w24.07 16 ¶10-11
Is-Sibt, 17 taʼ Ottubru
“Għalkemm aħna sempliċement bħal ġarar tal-fuħħar, għandna dan it-teżor.”—2 Kor. 4:7.
X’inhu t-teżor? Dan hu x-xogħol li nistgħu nsalvaw lin-nies bih billi ngħidulhom il-messaġġ tas-Saltna. (2 Kor. 4:1) X’inhuma r-reċipjenti tal-fuħħar? Dawn jirrappreżentaw lin-nies t’Alla li jgħidu l-aħbar tajba lill-oħrajn. Fi żmien Pawlu, kienu jġorru l-ikel, il-flus, u l-inbid f’ġarar tal-fuħħar. Bl-istess mod, Ġeħova jafdana b’xi ħaġa taʼ valur kbir, jiġifieri l-aħbar tajba li naqsmu man-nies. Aħna nistgħu nibqgħu ngħidu dan il-messaġġ lin-nies bl-għajnuna li jtina Ġeħova. Xi kultant forsi nibżgħu minn x’jistgħu jgħidulna jew jagħmlulna n-nies. Kif nistgħu negħlbu din il-biżaʼ? Aħseb dwar x’talbu l-appostli meta ordnawlhom biex ma jippritkawx. Minflok ma waqfu jippritkaw minħabba l-biżaʼ, huma talbu lil Ġeħova biex jgħinhom ‘jibqgħu jippritkaw bil-kuraġġ.’ Ġeħova mill-ewwel wieġeb it-talba tagħhom. (Atti 4:18, 29, 31) Jekk tibżaʼ, itlob lil Ġeħova jgħinek tħobb iktar lin-nies ħalli ma tibżax tgħidilhom l-aħbar tajba. w24.04 16 ¶8-9
Il-Ħadd, 18 taʼ Ottubru
“Missierna tas-sema, ħa jitqaddes ismek.”—Mat. 6:9.
L-imħabba li għandna għal Ġeħova timmotivana biex nirrispettaw lil ismu. Aħna nixtiequ ngħidu lil kulħadd li l-affarijiet ħżiena li Satana jgħid dwar Ġeħova huma gideb. (Ġen. 3:1-5; Ġob 2:4; Ġw. 8:44) Meta mmorru service, inkunu nixtiequ ngħidu lin-nies min hu Ġeħova u dwar il-kwalitajiet sbieħ tiegħu. Aħna nixtiequ ngħidu lil kulħadd li l-ikbar kwalità tiegħu hi l-imħabba. Nixtiequ ngħidulhom ukoll li Ġeħova jmexxi b’mod ġust, u kif is-Saltna tiegħu dalwaqt se tneħħi t-tbatija kollha u ġġib il-paċi. (Salm 37:10, 11, 29; 1 Ġw. 4:8) Meta nitkellmu man-nies dwar dawn l-affarijiet, inkunu qegħdin inqaddsu, jiġifieri nirrispettaw lil ismu. Aħna nkunu ferħanin ukoll għax inkunu nafu li qed nagħmlu x-xogħol li qabbadna nagħmlu bħala Xhieda taʼ Ġeħova. w24.05 18 ¶12
It-Tnejn, 19 taʼ Ottubru
“Meta tagħmel ikla kbira, stieden lil dawk li huma foqra, izappu, ma jarawx, jew għandhom xi diżabbiltà oħra. B’hekk tkun ferħan, għax huma m’għandhomx biex ipattulek lura. Int se tiġi ppremjat meta jkun hemm l-irxoxt tan-nies sewwa.”—Luqa 14:13, 14.
Int turi li int “ospitabbli” meta tagħmel it-tajjeb ma’ oħrajn, anki ma’ dawk li ma tkunx tafhom ħafna. (1 Pt. 4:9) Dizzjunarju tal-Bibbja jgħid li raġel ikun ospitabbli meta jkun qalbu tajba ma’ nies li ma jafx u anki jkun lest li jistidinhom id-dar. Allura, saqsi lilek innifsek, ‘In-nies jarawni bħala xi ħadd li nuri qalb tajba ma’ dawk li jżuru l-kongregazzjoni?’ (Lhud 13:2, 16) Xi ħadd ospitabbli jaqsam dak li jkollu ma’ oħrajn. Pereżempju, ma’ dawk li m’għandhomx ħafna flus, ma’ dawk li jiġu jagħmlu t-taħditiet minn kongregazzjonijiet oħra, u ma’ dawk li jaħdmu iebes biex jgħinu lil oħrajn, bħall-indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet.—Ġen. 18:2-8; Prov. 3:27; Atti 16:15; Rum. 12:13. w24.11 21 ¶6
It-Tlieta, 20 taʼ Ottubru
“Il-verġni li kienu lesti daħlu miegħu għall-festa tat-tieġ.”—Mat. 25:10.
Fl-eżempju tal-verġni, Ġesù tkellem dwar 10 verġni li marru jiltaqgħu maʼ għarus. (Mat. 25:1-4) Huma kollha xtaqu jidħlu fil-festa tat-tieġ miegħu. Ġesù qal li kien hemm ħamsa minnhom “għaqlin” u ħamsa “boloh.” L-għaqlin kienu preparati u kienu lesti jistennew kemm hemm bżonn, anki jekk jiġi tard. Allura, ġabu l-lampi taż-żejt magħhom biex ikollhom id-dawl u ġabu żejt żejjed f’każ li l-għarus idum biex jiġi. Dan juri li huma kienu preparati sew biex iżommu l-lampi mixgħulin. (Mat. 25:6-10) Meta wasal l-għarus, il-verġni li kienu għaqlin daħlu miegħu għall-festa tat-tieġ. Bl-istess mod, il-Kristjani magħżulin li juru li huma lesti billi jibqgħu leali sakemm wasal l-Għarus, jiġifieri Ġesù, se jiġu ppremjati billi jidħlu fis-Saltna t’Alla.—Riv. 7:1-3. w24.09 21 ¶6
L-Erbgħa, 21 taʼ Ottubru
“Rajt folla kbira . . . minn kull ġens.”—Riv. 7:9.
Li naħsbu kif ix-xogħol tal-ippritkar qed jgħin lin-nies madwar id-dinja kollha jagħtina kuraġġ biex inkomplu nippritkaw. Kull sena, miljuni taʼ wħud interessati jattendu t-Tifkira u jistudjaw il-Bibbja magħna. Mijiet t’eluf jitgħammdu u jingħaqdu magħna fix-xogħol tal-ippritkar. Veru ma nafux kemm fadal nies li se jisimgħu, imma li nafu hu li Ġeħova qed jiġbor folla kbira li se ssalva fiż-żmien taʼ tbatija kbira. (Riv. 7:9, 14) Bħala s-Sid tal-ħsad, Ġeħova għadu qed jara li hemm iktar nies li se jaċċettaw l-aħbar tajba, allura aħna għandna nibqgħu nippritkaw. (Lq. 10:2) Id-dixxipli veri taʼ Ġesù dejjem jintgħarfu miż-żelu tagħhom għax-xogħol tal-ippritkar. Pereżempju, meta n-nies semgħu lill-appostli jitkellmu b’kuraġġ u mill-qalb, “huma rrealizzaw li dawn kienu jkunu maʼ Ġesù.” (Atti 4:13) Aħna wkoll, jekk nippritkaw b’żelu, in-nies se jindunaw li qed nimitaw lil Ġesù. w25.03 18 ¶15; 19 ¶17-18
Il-Ħamis, 22 taʼ Ottubru
“Ġeħova, x’inhu l-bniedem biex jimpurtak minnu?”—Slm. 144:3.
Il-Bibbja tgħidilna li Ġeħova jinnota n-nies li għal oħrajn mhumiex importanti. Pereżempju, Ġeħova kien bagħat lill-profeta Samwel biex jagħżel lir-re li jmiss taʼ Iżrael. Ġesse qal lil sebgħa mit-tfal tiegħu biex joħorġu jiltaqgħu ma’ Samwel imma ma qalx lil David, li kien iż-żgħir. Imma Ġeħova għażel lil David għax ra li kien iħobbu ħafna. (1 Sam. 16:6, 7, 10-12) Aħseb dwar kif Ġeħova diġà juri li jimpurtah minnek. Hu jagħtik l-aħjar pariri skont dak li tkun għaddej minnu. (Slm. 32:8) Dan juri li jafek sew u jaf eżatt x’għandek bżonn. (Slm. 139:1) Imbagħad, meta tobdi l-pariri tiegħu u tara kif għenek, se tkun konvint li hu jimpurtah minnek. (1 Kron. 28:9; Atti 17:26, 27) Ġeħova jinnota kulma tagħmel biex taqdih u biex tibqaʼ tobdih. Jara wkoll il-kwalitajiet sbieħ li għandek. Hu jixtieq ikun il-ħabib tiegħek.—Ġer. 17:10. w24.10 25-26 ¶7-9
Il-Ġimgħa, 23 taʼ Ottubru
“Tħassarhom, għax kienu bħal nagħaġ mingħajr ragħaj.”—Mrk. 6:34.
Int żgur li tħobbu ħafna lil Ġeħova u tixtieq tgħin lil oħrajn. Kif tistaʼ tkabbar din ix-xewqa? Aħseb dwar kemm tistaʼ tkun ferħan int u taqdi lill-aħwa. Ġesù qal: “Se tkunu iktar ferħanin meta tagħtu milli meta tirċievu.” (Atti 20:35) Ġesù għamel dak li qal. Hu kien ferħan għax qeda lil oħrajn. Aħseb dwar l-eżempju li nsibu f’Marku 6:31-34. Ġesù u l-appostli tiegħu kienu għajjenin u kienu sejrin f’post għall-kwiet biex jistrieħu. Imma kien hemm folla nies li ndunaw u marru hemm qabilhom, għax xtaqu li Ġesù jgħallimhom xi ħaġa. Ġesù setaʼ ma aċċettax għax wara kollox hu u l-appostli tiegħu “ma kellhomx ċans jistrieħu u jieklu.” Jew kieku ried setaʼ għallimhom xi ħaġa żgħira u bagħathom id-dar. Imma peress li kien iħobbhom, “beda jgħallimhom” sakemm “sar ħafna ħin.”—Mrk. 6:35. w24.11 16 ¶9-10
Is-Sibt, 24 taʼ Ottubru
“Se tiġu ppremjati għal dak li qed tagħmlu.”—2 Kron. 15:7.
Ġenituri, inkuraġġixxu lit-tfal isibu modi kif jitkellmu m’oħrajn dwar il-Bibbja. (Rum. 10:10) Tistaʼ tqabbel l-isforzi li jridu jagħmlu mal-isforzi li jrid jagħmel xi ħadd li jkun jixtieq jitgħallem idoqq strument. Għall-ewwel, dak li jkun qed jitgħallem jibda jdoqq affarijiet sempliċi. Imma maż-żmien, se jsibha eħfef idoqq affarijiet naqra iktar tqal. Bl-istess mod, żagħżugħ Kristjan irid jagħmel l-istess billi jibda jitkellem m’oħrajn dwar il-Bibbja b’mod sempliċi. Pereżempju, jistaʼ jistaqsi lil xi ħadd l-iskola: “Kont taf li spiss ix-xjentisti jikkopjaw dak li jaraw fin-natura? Ħa nurik vidjow sabiħ.” Wara li jurih vidjow mis-serje Ġie Disinjat? jistaʼ jgħid: “Jekk ix-xjentisti jirċievu t-tifħir talli kkopjaw xi ħaġa li diġà kienet teżisti, min għandu jirċievi t-tifħir għall-affarijiet li naraw fin-natura?” B’dan il-mod sempliċi jistaʼ jħajjar lil xi ħadd fl-iskola jkun jixtieq isir jaf iktar. w24.12 19 ¶17-18
Il-Ħadd, 25 taʼ Ottubru
“Id-dnub daħal fid-dinja permezz taʼ bniedem wieħed, u d-dnub ġab il-mewt.”—Rum. 5:12.
Biex jeħlisna Ġeħova bagħat lil Ġesù biex imut għalina. Allura kif jistaʼ s-sagrifiċċju taʼ raġel perfett wieħed jeħles lil ħafna nies? L-appostlu Pawlu qal: “Bħalma bid-diżubbidjenza taʼ bniedem wieħed [Adam] ħafna saru midinbin, bl-ubbidjenza taʼ bniedem wieħed [Ġesù] ħafna se jsiru ġusti.” (Rum. 5:19; 1 Tim. 2:6) Dan ifisser li minħabba li bniedem wieħed m’obdiex lil Alla kulħadd jidneb u għandu jmut. B’hekk, biex ninħelsu, raġel perfett kellu jobdi lil Alla. Ġeħova għala ma ħalliex lit-tfal ubbidjenti taʼ Adam jibqgħu jgħixu għal dejjem? Forsi nistgħu naħsbu li b’dan il-mod Ġeħova kien se jsolvi l-problema b’mod tajjeb. Imma kieku Ġeħova ma kienx ikun qed juri ġustizzja. Kieku għamel hekk ikun qisu Adam ma dinibx u t-tfal tiegħu qishom m’għandhomx dnub. Imma mhux hekk ġara. w25.01 21 ¶3-4
It-Tnejn, 26 taʼ Ottubru
“Aħna ngħixu skont il-fidi u mhux skont dak li naraw.”—2 Kor. 5:7.
L-appostlu Pawlu kien jaf li dalwaqt kien se jinqatel, imma meta ħaseb dwar kif għex ħajtu kien ferħan. Fil-fatt hu qal: “[Jien] ġrejt it-tellieqa sal-aħħar, u żammejt il-fidi soda.” (2 Tim. 4:6-8) Pawlu kien ħa l-aqwa deċiżjoni biex juża ħajtu ħalli jaqdi lil Ġeħova. Allura kien jaf li Ġeħova kien ferħan bih. Aħna wkoll nixtiequ li f’ħajjitna nieħdu deċiżjonijiet tajbin u li Ġeħova jkun ferħan bina. Kif nistgħu nagħmlu dan? Dwaru nnifsu u dwar Kristjani leali oħra, Pawlu qal: “Aħna ngħixu skont il-fidi u mhux skont dak li naraw.” Xi ħadd li għandu l-fidi jaħseb dwar x’jixtiequ jagħmel Ġeħova qabel jieħu deċiżjoni. B’hekk ikun qed juri li hu ċert li jekk jimxi mal-pariri tal-Bibbja, se jkollu ħajja aħjar bħalissa u li fil-futur Ġeħova se jippremjah ħafna iktar.—Slm. 119:66; Lhud 11:6. w25.03 20 ¶1-2
It-Tlieta, 27 taʼ Ottubru
“Ħallu lil Alla jbiddel il-mod kif taħsbu.”—Rum. 12:2.
Bl-għajnuna tal-ispirtu taʼ Ġeħova, ħafna nies li qabel kienu vjolenti u immorali għamlu bidliet kbar f’ħajjithom. (Is. 65:25) Huma ħadmu iebes biex jinżgħu l-personalità l-qadima. (Efes. 4:22-24) In-nies t’Alla xorta jiżbaljaw għax huma għadhom imperfetti. Imma permezz tal-organizzazzjoni tiegħu, Ġeħova għen biex “kull xorta taʼ bnedmin” ikollhom imħabba u paċi taʼ vera bejniethom. (Titu 2:11) Din hi xi ħaġa li jistaʼ jagħmilha biss Alla li Jistaʼ Kollox! Dak li jgħid Ġeħova dejjem isir. (Is. 55:10, 11) Il-ġenna spiritwali diġà teżisti, u n-nies li jgħixu fiha jħossuhom fil-paċi, avolja qegħdin f’dinja vjolenti. Din hi xi ħaġa vera speċjali. (Salm 72:7) Minħabba f’hekk, aħna rridu ngħinu lil kemm jistaʼ jkun nies jidħlu f’din il-ġenna. Dan nistgħu nagħmluh billi nippritkaw u nagħmlu dixxipli.—Mt. 28:19, 20. w24.04 23 ¶13, 15
L-Erbgħa, 28 taʼ Ottubru
“Aħna nafu kif jaħseb Kristu.”—1 Kor. 2:16.
Ġesù kien iħobb lil Ġeħova b’moħħu kollu. Hu kien jaf x’riedu jagħmel Ġeħova u kien lest li jobdih avolja kien jaf li kellu jbati. Peress li kien iffokat fuq li jogħġob lil Missieru, Ġesù ma ħalla xejn itellfu. Pietru u l-appostli l-oħrajn kellhom il-privileġġ sabiħ li jqattgħu ħafna ħin maʼ Ġesù u jitgħallmu mill-mod kif kien jaħseb. Meta Pietru kiteb l-ewwel ittra tiegħu, inkuraġġixxa lill-Kristjani biex ikunu lesti jaħsbu bħal Kristu. (1 Pt. 4:1) Il-kelma oriġinali li uża għal “kunu lesti” kienet tirreferi għal suldati li jippreparaw lilhom infushom bl-armi għall-gwerra. Mela jekk il-Kristjani jitgħallmu jaħsbu bħal Kristu, se jkunu armati sew biex jiġġieldu kontra x-xewqat ħżiena u kontra d-dinja taʼ Satana.—2 Kor. 10:3-5; Efes. 6:12. w25.03 8-9 ¶1-3
Il-Ħamis, 29 taʼ Ottubru
“Il-ħsibijiet f’moħħ il-bniedem huma bħal ilmijiet fondi, imma min jaf jagħraf it-tajjeb u l-ħażin se jtellagħhom.”—Prov. 20:5.
Meta toħroġ ma’ xi ħadd liema affarijiet għandek issir taf? Iżjed ma ssir taf lill-persuna iżjed se ssir tħobbha. Allura, qabel ma jasal dak iż-żmien, ikun tajjeb li titkellem dwar affarijiet importanti bħal x’jixtieq jagħmel fil-futur. Kif tistaʼ ssir taf il-karattru tal-persuna l-oħra sew? Importanti ħafna li titkellmu flimkien u tkunu onesti ma’ xulxin. Saqsi l-mistoqsijiet u ismaʼ sew dak li jgħidlek. (Ġk. 1:19) Tistgħu tagħmlu affarijiet flimkien li jagħmluhielkom faċli biex tibdew titkellmu, bħal pereżempju tmorru xi mixja, jew tieklu f’post fejn ikun hemm in-nies, u toħorġu service flimkien. Tistgħu ssiru tafu iktar lil xulxin meta tkunu mal-ħbieb u tal-familja. U ppjana biex tagħmel affarijiet ma’ nies differenti u nnota kif jaġixxi. w24.05 27-28 ¶6-7
Il-Ġimgħa, 30 taʼ Ottubru
“Imitaw lil Alla, bħala tfal għeżież.”—Efes. 5:1.
Dalwaqt se ngħaddu minn żmien diffiċli ħafna u se jkollna bżonn nafdaw f’Ġeħova. Rakkonti mill-Bibbja u esperjenzi tal-aħwa jgħinuna nifhmu kif Ġeħova għenhom. Jekk naħsbu sew dwarhom, meta jasal dak iż-żmien, se tkun konvint li Ġeħova hu l-blata tiegħek. Ukoll, ħa nkunu nistgħu ngħinu lill-aħwa. Aħseb dwar l-eżempju taʼ Pietru. Ġesù tah l-isem Kefa (Pietru), li jfisser “Biċċa Blata.” (Ġw. 1:42) Dan l-isem juri li hu kellu jinkuraġġixxi lill-aħwa u jgħinhom jibnu fidi b’saħħitha. Fil-Bibbja, l-anzjani wkoll huma mqabblin maʼ “dell taʼ blata kbira.” Dan juri li l-anzjani jistgħu jkunu taʼ protezzjoni għall-aħwa. (Is. 32:2) Imma ovvjament, kollha kemm aħna nistgħu ninkuraġġixxu lill-aħwa jekk nimitaw il-kwalitajiet taʼ Ġeħova. w24.06 28 ¶10-11
Is-Sibt, 31 taʼ Ottubru
“Ġeħova . . . irid li tqimu lilu biss.”—Dewt. 4:24.
Ir-rejiet taʼ Iżrael li kienu leali lejn Ġeħova kienu jaqduh kif xtaq hu. Ħafna mir-rejiet li ma baqgħux leali waqfu jobdu lil Ġeħova u bdew iqimu allat foloz. (1 Slat. 21:25, 26; 2 Kron. 12:1) Għala kien importanti li re jaqdi lil Ġeħova kif suppost? L-ewwel nett, ir-re kien responsabbli biex jgħin lin-nies iqimu b’mod li jogħġob lil Ġeħova. It-tieni, jekk in-nies kienu jqimu allat foloz, kienu jispiċċaw jagħmlu affarijiet ħżiena oħra. U t-tielet, ir-re u l-Iżraelin kienu ddedikati lil Ġeħova. (Ħos. 4:1, 2) Allura, meta ma kinux jibqgħu leali lejn Ġeħova u jqimu allat foloz, kienu qishom qed jagħmlu adulterju. (Ġer. 3:8, 9) Xi ħadd li jagħmel adulterju u ma jibqax leali lejn il-mara jew ir-raġel tiegħu, ħa jweġġgħulu qalbu ħafna. Bl-istess mod, xi ħadd li ma jibqax leali lejn Ġeħova u jibda jqim affarijiet oħra, iweġġagħlu qalbu ħafna.—Dt. 4:23. w24.07 22-23 ¶12-15