Settembru
It-Tlieta, 1 taʼ Settembru
“Komplu eżaminaw jekk intomx qed tgħixu fi qbil mal-fidi tagħkom f’Alla.”—2 Kor. 13:5.
Meta nsiru Kristjani maturi, aħna rridu naħdmu iebes biex nibqgħu maturi. Allura aħna qatt m’għandna naħsbu li nistgħu nieqfu nsaħħu l-ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova. (1 Kor. 10:12) Aħna rridu nkomplu nagħmlu ċert li qegħdin nagħmlu progress spiritwali. Fl-ittra tiegħu lill-Kolossin, l-appostlu Pawlu reġaʼ semma kemm hu importanti li nibqgħu maturi. Avolja l-Kolossin kienu diġà Kristjani maturi, hu qalilhom kemm hu importanti li ma jiġux influwenzati mill-ideat tan-nies. (Kol. 2:6-10) U Epafra, ħu li kien jaf lill-aħwa tal-kongregazzjoni, kien qed jitlob ħafna għalihom ħalli jkunu “sħaħ,” jiġifieri maturi. (Kol. 4:12) X’nistgħu nitgħallmu? Kemm Pawlu u anki Epafra fehmu li biex xi ħadd jibqaʼ matur għandu bżonn l-għajnuna t’Alla. Barra minn hekk, għandu bżonn jagħmel sforz u jibqaʼ jkabbar il-ħbiberija tiegħu maʼ Ġeħova. Huma riedu li, jgħaddu minn xiex jgħaddu, il-Kristjani Kolossin jibqgħu Kristjani maturi. w24.04 6 ¶16-17
L-Erbgħa, 2 taʼ Settembru
“Ġeħova magħna. Tibżgħux minnhom.”—Num. 14:9.
Li tirrispetta ħafna lil Ġeħova jfisser li tipprova ma tagħmel xejn li tistaʼ tweġġgħu. Allura aħna żgur nixtiequ nitgħallmu x’inhi d-differenza bejn it-tajjeb u l-ħażin u bejn il-verità u l-gideb ħalli ma nweġġgħux lil Ġeħova. (Prov. 2:3-6; Ebr. 5:14) Jekk ma jkollniex imħabba b’saħħitha għal Ġeħova u nibdew nibżgħu mill-bniedem, jaf nemmnu xi ħaġa li tbegħedna minnu. Eżempju taʼ dan huma t-12-il spija li marru jitkixxfu l-Art Imwiegħda, li Ġeħova kien ħa jagħti lill-Iżraelin. Għaxra minnhom kienu iktar jibżgħu mill-Kangħanin milli jħobbu lil Ġeħova. Meta ltaqgħu mal-Iżraelin, huma qalu: “Ma nistgħux nitilgħu u nattakkaw lill-poplu, għaliex hu iktar b’saħħtu minna.” (Num. 13:27-31) Mill-ħarsa tal-bniedem, il-Kangħanin vera kienu iktar b’saħħithom. Imma meta l-ispiji qalu li ma jistgħux jirbħulhom kienu qed jinsew kemm hu b’saħħtu Ġeħova. w24.07 9 ¶5-6
Il-Ħamis, 3 taʼ Settembru
“Sejjer l-Imħallef tal-art kollha ma jagħmilx dak li hu sewwa?”—Ġen. 18:25.
Nistgħu nkunu ċerti li meta Ġeħova jiġġudika, dejjem jieħu deċiżjoni tajba. Abraham kien jaf li Ġeħova, bħala “l-Imħallef tal-art kollha,” hu perfett, għaref u ħanin. Hu għallem lil Ibnu u tah ir-responsabbiltà li jiġġudika lil kulħadd. (Ġw. 5:22) Kemm Ġeħova u anke Ġesù jafu x’taħseb u tħoss kull persuna. (Mt. 9:4) Allura meta jiġġudikaw dejjem se jagħmlu “dak li hu sewwa.” Ejja nafdaw li Ġeħova dejjem jieħu deċiżjonijiet tajbin. Aħna nafu li m’għandniex dritt li niġġudikaw, imma Ġeħova iva. (Is. 55:8, 9) B’hekk aħna nħallu f’idejn Ġeħova u Ġesù biex jiġġudikaw. Nafu wkoll li Ġesù bħala r-Re, se jimita l-ġustizzja u l-ħniena taʼ Missieru b’mod perfett.—Is. 11:3, 4. w24.05 7 ¶18-19
Il-Ġimgħa, 4 taʼ Settembru
“Ġeħova jobgħod lil min hu qarrieq, imma Hu ħabib kbir taʼ min hu ġust.”—Prov. 3:32.
Importanti ħafna li dejjem ngħidu l-verità f’qalbna. Nistgħu naraw dan mill-eżempju taʼ Natanjel. Meta Ġesù ltaqaʼ maʼ Natanjel l-ewwel darba, hu qal: ‘Ara, Iżraeli li m’hemm ebda qerq fih.’ (Ġw. 1:47) Ġesù ra xi ħaġa speċjali f’Natanjel għax avolja kien imperfett bħalna, kien onest f’kollox. Ġesù nnota dan u faħħru. Ħafna mill-affarijiet biex nogħġbu lil Ġeħova li hemm imniżżlin f’Salm 15 għandhom x’jaqsmu mal-mod kif aħna nittrattaw lil ħaddieħor. Salm 15:3 jgħid li xi ħadd li hu mistieden fit-tinda taʼ Ġeħova “ma jimmalafamax, ma jagħmilx ħsara lil ħaddieħor, u ma jaqlax qlajjaʼ fuq sħabu.” Jekk aħna nitkellmu b’mod ħażin kontra ħaddieħor nistgħu nweġġgħuh.—Ġak. 1:26. w24.06 10 ¶7, 9; 11 ¶10
Is-Sibt, 5 taʼ Settembru
“Mulej, anki d-demonji jobduna meta nikkmandawhom f’ismek.”—Luqa 10:17.
Jekk tipprepara sew qabel is-service ħa tħossok iktar komdu meta titkellem man-nies. Qabel ma bagħat lid-dixxipli jippritkaw, Ġesù għenhom jippreparaw sew. (Lq. 10:1-11) Peress li obdew lil Ġesù setgħu jagħmlu ħafna affarijiet tajbin u minħabba f’hekk kienu ferħanin. Kif nistgħu nippreparaw għas-service? Irridu naħsbu dwar dak li ħa ngħidu u mbagħad naraw kif nistgħu nispjegawh b’mod sempliċi fi kliemna. Ikun tajjeb ukoll li naħsbu f’xi affarijiet li n-nies jistgħu jgħidulna u naraw kif nistgħu nwiġbuhom. Meta nitkellmu man-nies irridu nipprovaw inkunu kalmi, nitbissmu, u nkunu dħulin. w24.04 15-16 ¶6-7
Il-Ħadd, 6 taʼ Settembru
“Ġeħova Alla tagħna, int jistħoqqlok li tirċievi l-glorja, l-unur, u l-qawwa, għax int ħlaqt l-affarijiet kollha.”—Riv. 4:11.
L-iżjed raġuni importanti għala mmorru nippritkaw hi għax aħna nħobbu lil Ġeħova u lil ismu. Aħna mmorru fuq is-service għax b’hekk infaħħru lil Ġeħova. Aħna naqblu maʼ dak li qalu l-anġli: “Int jistħoqqlok, Ġeħova, Alla tagħna, li tirċievi l-glorja u l-unur u l-qawwa.” Intuh glorja jew infaħħruh meta nuru lil oħrajn li hu ‘ħalaq l-affarijiet kollha’ u tana l-ħajja. Intuh il-qawwa tagħna meta nużaw il-ħin, is-saħħa, u l-affarijiet li għandna biex nippritkaw kemm nistgħu. (Mt. 6:33; Lq. 13:24; Kol. 3:23) Aħna nħobbu lil Ġeħova u għalhekk inħobbu nitkellmu dwaru. Aħna nieħdu pjaċir ukoll ngħidu lil oħrajn dwaru u dwar il-kwalitajiet li għandu. w24.05 17 ¶11
It-Tnejn, 7 taʼ Settembru
“[Hu] jippremja lil dawk li jaqduh bil-ħeġġa.”—Lhud 11:6.
Ġeħova dejjem jippremja lil dawk li jaqduh. Hu jtina l-paċi u l-ferħ issa, u fil-futur se jtina ħajja taʼ dejjem. Aħna nemmnu li Ġeħova jixtieq jippremjana u għandu s-saħħa biex jagħmel dan. Għalhekk, nibqgħu nagħmlu l-aħjar tagħna biex naqdu lil Ġeħova, eżatt bħalma kienu jagħmlu l-qaddejja tiegħu fil-passat. Eżempju tajjeb taʼ dan huwa Timotju, li għex fi żmien il-Kristjani tal-bidu. (Ebr. 6:10-12) Timotju kien ċert li Ġeħova żgur se jippremjah. (1 Tim. 4:10) Allura, hu ħadem iebes għal Ġeħova u għal oħrajn ukoll. X’għamel? Pawlu inkuraġġieh biex isir għalliem aħjar, kemm meta jipprietka u kemm fil-kongregazzjoni. Barra minn hekk, Pawlu qallu wkoll biex ikun t’eżempju tajjeb kemm għaż-żgħażagħ u anki għall-kbar. Hu kellu xi xogħol diffiċli wkoll. Pereżempju, xi drabi kellu jagħti pariri bi mħabba imma sodi mill-Bibbja. (1 Tim. 4:11-16; 2 Tim. 4:1-5) Timotju kien ċert li Ġeħova kien se jippremjah.—Rum. 2:6, 7. w24.06 22-23 ¶10-11
It-Tlieta, 8 taʼ Settembru
“Ġeħova baqaʼ jwissi lil Iżrael u lil Ġuda permezz tal-profeti kollha tiegħu.”—2 Slat. 17:13.
Ħafna drabi, meta l-Iżraelin ma kinux jobdu lil Ġeħova hu kien jibagħtilhom lill-profeti biex jgħidilhom x’kien se jiġri jekk ma jinbidlux, u biex jgħinhom. Pereżempju, Alla qal lil Ġeremija biex lill-Iżraelin jgħidilhom: “Erġaʼ lura, O Israel ir-ribelluża . . . Ma nħarisx iktar b’wiċċ irrabjat lejkom, għax jien leali . . . M’iniex se nibqaʼ nżomm f’qalbi għal dejjem. Biss agħraf l-iżball tiegħek, għax int kontra Ġeħova Alla tiegħek dnibt.” (Ġer. 3:12, 13) Ġeħova qal lil Ġoel biex jgħidilhom: “Ejjew lura għandi b’qalbkom kollha.” (Ġoel 2:12, 13) Permezz taʼ Isaija qalilhom: “Tnaddfu; neħħu l-ħażen t’għemilkom minn quddiem għajnejja; tibqgħux tagħmlu l-ħażen.” (Isa. 1:16-19) U permezz taʼ Eżekjel, Ġeħova staqsa: “Jaqaw jien nitgħaxxaq b’xi mod bil-mewt taʼ xi ħadd ħażin, . . . u mhux li dan idur lura minn triqatu u jibqaʼ jgħix? Għax jien ma niħux pjaċir meta xi ħadd imut, . . . mela, duru lura u ibqgħu għixu.” (Eżek. 18:23, 32) Ġeħova jkun vera ferħan meta n-nies jindmu għax hu jixtieqhom jgħixu għal dejjem! w24.08 9 ¶5-6
L-Erbgħa, 9 taʼ Settembru
“Dak kollu li hu miktub fl-Iskrittura ġej minn Alla. Dan jgħin biex jgħallem lin-nies.”—2 Tim. 3:16.
Ġeħova jagħti l-ikel spiritwali, id-direzzjoni u jipproteġi lil kull wieħed minna. Mod kif Ġeħova ma jurix preferenzi hu billi għamilha possibbli għan-nies kollha biex jaqraw il-Bibbja. Fil-bidu, il-Bibbja nkitbet bi tliet lingwi: bl-Ebrajk, bl-Aramajk, u bil-Grieg. Min jaf jaqra b’dawn it-tliet lingwi għandu ħbiberija iżjed mill-qrib ma’ Ġeħova minn oħrajn? Le. (Mt. 11:25) Għal Ġeħova mhuwiex importanti kemm in-nies ikollhom skola jew jekk jafux jaqraw il-Bibbja bil-lingwi oriġinali. Hu jagħti l-għerf tiegħu lil kulħadd. Allura, il-Bibbja hi tradotta b’eluf taʼ lingwi. B’hekk, nies mid-dinja kollha jistgħu jitgħallmu dwar Ġeħova u jsiru l-ħbieb tiegħu.—2 Tim. 3:16, 17. w24.06 6-7 ¶13-15
Il-Ħamis, 10 taʼ Settembru
“Ġerusalemm . . . dalwaqt tinqered.”—Luqa 21:20.
Il-qerda taʼ Ġerusalemm, li Ġesù kien tkellem dwarha, kienet kważi waslet. Il-Kristjani kellhom jużaw il-ħin tagħhom sew biex jippreparaw lilhom infushom billi jsaħħu l-fidi u jitgħallmu jissaportu iktar. (Lhud 10:25; 12:1, 2) Dalwaqt aħna ħa jkollna żmien taʼ tbatija kbira li ħa jkun agħar minn dak li kellhom il-Lhud. (Mat. 24:21; Riv. 16:14, 16) Ikkunsidra xi pariri li Ġeħova ta lil-Lhud għax dawn jistgħu jgħinuna ħafna. L-appostlu Pawlu inkuraġġixxa lill-Kristjani Lhud biex jistudjaw il-Kelma t’Alla u jimmeditaw dwarha. (Lhud 5:14; 6:1) Pawlu kkwota mill-Iskrittura Ebrajka u spjegalhom għala l-mod kif il-Kristjani kienu qed jaqdu lil Ġeħova kien aħjar mill-mod kif kienu qed jaqduh il-Lhud. Hu inkuraġġiehom biex jitgħallmu u jifhmu iktar il-Kelma t’Alla ħalli jagħrfu tagħlim falz u ma jaċċettawhx. w24.09 8-9 ¶2-3; 10 ¶6
Il-Ġimgħa, 11 taʼ Settembru
“Il-Mulej ġie mqajjem.”—Luqa 24:34.
Id-dixxipli taʼ Ġesù għala kellhom bżonn l-inkuraġġiment? Xi wħud minnhom kienu telqu lill-familji tagħhom, id-djar, jew xogħol tajjeb biex ikunu maʼ Ġesù full-time. (Mat. 19:27) Oħrajn kienu ġew ittrattati ħażin għax kienu saru dixxipli taʼ Ġesù. (Ġw. 9:22) Imma dawn kienu lesti li jagħmlu l-bidliet għax emmnu li Ġesù hu l-Messija. (Mat. 16:16) Allura meta Ġesù nqatel, huma kienu mdejqin ħafna u ddiżappuntati għax ħasbu li dak li kienu qed iħarsu ’l quddiem għalih mhux se jiġri. Ġesù kien jaf li d-dixxipli tiegħu kienu mdejqin li hu miet mhux għax ma kellhomx fidi, imma għax kienet xi ħaġa normali li jħossuhom hekk. Allura meta ġie rxoxtat, mill-ewwel beda jinkuraġġixxi lill-ħbieb tiegħu. Pereżempju, l-ewwel deher lil Marija l-Maddalena meta kienet qed tibki fejn il-qabar tiegħu. (Ġw. 20:11, 16) Imbagħad deher liż-żewġ dixxipli li kienu sejrin Għemmaws. Hu deher ukoll lil Pietru. w24.10 13 ¶5-6
Is-Sibt, 12 taʼ Settembru
“Kunu dejjem lesti li tiddefendu ruħkom quddiem dawk li jistaqsu dwar it-tama tagħkom.”—1 Pt. 3:15.
Ġenituri, għinu lit-tfal tagħkom ikunu kapaċi jispjegaw għala jemmnu li hemm Ħallieq. Tistaʼ ssib t’għajnuna li tiddiskutu flimkien l-artikli fis-serje “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu—Il-ħolqien jew l-evoluzzjoni?” fuq jw.org. Minnhom it-tfal jistgħu jsibu raġunar li bih jistgħu jgħinu lil oħrajn jifhmu li hemm Ħallieq. Imbagħad ipprattikaw flimkien kif jistgħu jispjegaw dan waħedhom. Fakkar lit-tfal li għandhom iżommu l-ispjegazzjoni tagħhom ċara u sempliċi. Pereżempju, jekk xi ħadd fl-iskola jgħidilhom: “Jien nemmen biss f’dak li nistaʼ nara, u qatt ma rajtu lil Alla.” It-tifel jew it-tifla tistaʼ tirraġuna magħhom billi tgħid: “Immaġina li tkun miexi f’foresta maqtugħa min-nies u tara bir mibni bil-ġebel. X’se taħseb? Li ġie waħdu? Żgur li xi ħadd bnieh. L-istess il-pjaneta tagħna u l-affarijiet ħajjin fiha. Xi ħadd żgur li ħalaqhom!” w24.12 18 ¶16
Il-Ħadd, 13 taʼ Settembru
“Dawk li huma kbar fl-età huma għorrief, u dawk li għexu ħajja twila kapaċi jifhmu.”—Ġob 12:12.
Biex nieħdu deċiżjonijiet tajbin, kollha kemm aħna għandna bżonn il-pariri. L-anzjani tal-kongregazzjoni u l-aħwa maturi jistgħu jagħtuna ħafna pariri tajbin li jkollna bżonn. Jekk dawn l-aħwa jkunu ħafna ikbar minna, m’għandniex naħsbu li dak li jgħidulna m’għadux jgħodd għal żmienna. Ġeħova jixtieq li aħna nitgħallmu minn aħwa kbar fl-età, għax huma għaddew minn ħafna iktar affarijiet minna. Allura għandhom iktar esperjenza u għerf. Fiż-żminijiet tal-Bibbja, Ġeħova uża rġiel kbar fl-età u leali, bħal Mosè, David, u l-appostlu Ġwanni biex jinkuraġġixxu u jmexxu lin-nies tiegħu. Dawn it-tlett irġiel m’għexux fl-istess żminijiet u kellhom sitwazzjonijiet differenti. Qabel mietu, taw pariri tajbin lil uħud iżgħar. F’dak li qalu wrew kemm hu importanti li nobdu lil Ġeħova. Illum, kemm jekk aħna kbar u kemm jekk aħna żgħar, nistgħu nitgħallmu minn dak li qalu għax Ġeħova poġġieh fil-Bibbja.—Rum. 15:4; 2 Tim. 3:16. w24.11 8 ¶1-2
It-Tnejn, 14 taʼ Settembru
“Jekk ma tiklux il-ġisem tiegħi u ma tixorbux id-demm tiegħi, Bin il-bniedem, ma jkollkomx il-ħajja.”—Ġw. 6:53.
Fi żmien Noè, Alla qal lin-nies li ma setgħux jieklu d-demm. (Ġen. 9:3, 4) Imbagħad meta ta l-Liġi lill-Iżraelin reġaʼ qal l-istess kmand: “Kull persuna li tiekol xi demm, għandha tiġi maqtula.” (Lev. 7:27) Ġesù qal lil-Lhud biex jobdu l-liġijiet kollha fil-Liġi taʼ Mosè. (Mat. 5:17-19) Allura żgur li ma riedx li l-Lhud jieklu l-ġisem u jixorbu d-demm letterali tiegħu. Ġesù kien qed juża eżempju, bħal meta tkellem mal-mara Samaritana. Hu qalilha: ‘L-ilma li nagħti jagħti l-ħajja taʼ dejjem.’ (Ġw. 4:7, 14) Ġesù ma kienx qed jgħid lill-mara li jekk tixrob minn xi bir speċjali se tgħix għal dejjem. B’mod simili, Ġesù ma kienx qed jgħid lill-folla f’Kafarnahum li kellha tiekol ġismu u tixrob demmu letterali biex tgħix għal dejjem. w24.12 9 ¶4-6
It-Tlieta, 15 taʼ Settembru
“[Offru] il-ġisem tagħkom bħala sagrifiċċju ħaj, li għandu jkun qaddis u aċċettabbli għal Alla. U hekk kif taqduh, użaw l-abbiltà li taħsbu.”—Rum. 12:1.
L-irġiel Kristjani miżżewġin iridu joqogħdu attenti li ma jħallux il-mod żbaljat kif jaħsbu n-nies fid-dinja dwar in-nisa jaffettwahom. Għala? Raġuni waħda hi li l-mod kif taġixxi persuna hu bbażat fuq dak li taħseb. Lill-Kristjani f’Ruma, l-appostlu Pawlu qalilhom: “Tibqgħux tiġu influwenzati minn din id-dinja.” (Rum. 12:1, 2) Meta Pawlu kiteb dak il-kliem lir-Rumani, l-aħwa fil-kongregazzjoni kienu diġà ilhom xi snin li saru Kristjani. Imma kliemu juri li xi wħud minnhom kienu għadhom qed jiġu influwenzati mid-drawwiet u l-mod kif jaħsbu n-nies fid-dinja. Minħabba f’hekk, hu tahom dan il-parir biex ibiddlu l-mod kif jaħsbu u jaġixxu. Dak il-parir żgur li għadu jgħodd għall-irġiel Kristjani miżżewġin illum. B’dispjaċir, xi wħud minnhom ġew influwenzati mid-dinja u anki ttrattaw ħażin lill-mara tagħhom. w25.01 9 ¶4
L-Erbgħa, 16 taʼ Settembru
“Irgħaw il-merħla t’Alla li ġiet fdata lilkom billi taqdu bħala anzjani.”—1 Pt. 5:2.
L-anzjani għandhom ħafna x’jagħmlu. Huma jkunu minn taʼ quddiem biex jippritkaw l-aħbar tajba. (2 Tim. 4:5) Jorganizzaw is-service u jittrennjaw lil oħrajn biex jagħmlu dan ix-xogħol sew. Huma jaqdu wkoll bħala mħallfin ukoll. Meta xi ħadd jagħmel xi dnub serju, jippruvaw jgħinuh biex jirranġa l-ħbiberija tiegħu maʼ Ġeħova. Imma fl-istess ħin jaħdmu iebes biex iżommu l-kongregazzjoni nadifa. (1 Kor. 5:12, 13; Gal. 6:1) Imma l-iktar xogħol importanti li għandhom, hu taʼ ragħajja. (1 Pt. 5:1-3) Huma jagħtu taħditiet preparati sew, jagħmlu kulma jistgħu biex isiru jafu lill-aħwa kollha fil-kongregazzjoni, u jinkuraġġuhom. Xi anzjani jaħdmu fi proġetti taʼ kostruzzjoni għall-organizzazzjoni, fl-organizzar tal-konvenzjoni, u fl-HLC (Kumitat taʼ Koordinazzjoni mal-Isptarijiet), kif ukoll fi Gruppi li Jżuru lill-Pazjenti, u ħafna xogħol ieħor. L-anzjani jaħdmu iebes ħafna għalina! w24.10 20 ¶9
Il-Ħamis, 17 taʼ Settembru
“Bħalma kulħadd qed imut minħabba Adam, kulħadd se jingħata l-ħajja permezz tal-Kristu.”—1 Kor. 15:22.
Il-Bibbja turi li peress li l-fidwa tħallset, aħna ġejna meħlusin mid-dnub u l-mewt. L-appostlu Pietru qal: “Intom tafu li ma ġejtux meħlusin [letteralment “mifdijin”] mill-ħajja bla sens li rċivejtu mingħand missirijietkom b’affarijiet li jiġu fix-xejn, bħall-fidda jew id-deheb. Minflok, ġejtu meħlusin bid-demm prezzjuż taʼ Kristu, li hu bħal dak taʼ ħaruf bla difett u bla tebgħa.” (1 Pt. 1:18, 19; ntt.) Aħna nistgħu ninħelsu mid-dnub u l-mewt minħabba l-fidwa. (Rum. 5:21) Kemm napprezzaw dak li għamel Ġeħova għalina u s-sagrifiċċju taʼ Ġesù biex jeħilsuna mid-dnub! w25.02 5 ¶15-16
Il-Ġimgħa, 18 taʼ Settembru
“Min hu dejjem għassa jkun ferħan.”—Prov. 28:14.
Kif nistgħu noqogħdu attenti u ma nagħmlux dnub? Nistgħu nitgħallmu dwar dan jekk naħsbu dwar l-eżempju taż-żagħżugħ li jsemmi Proverbji kapitlu 7. Vers 22 jgħid li hu mar “f’daqqa waħda” wara mara li kienet ħażina u waqaʼ fl-immoralità sesswali. Imma l-versi taʼ qabel juru li qabel ma ġara dan kollu kien ħa xi deċiżjonijiet li bil-mod il-mod wassluh biex jagħmel dnub. Liż-żagħżugħ x’wasslu biex jagħmel dnub? L-ewwel ħaġa li għamel hi li filgħaxija għadda minn ħdejn it-triq taʼ dik il-mara ħażina. Imbagħad, hu “mexa lejn id-dar tagħha.” (Prov. 7:8, 9) Wara, meta ra lill-mara ma telaqx. Minflok, hu aċċetta li tbusu u qagħad jismagħha tgħidlu dwar is-sagrifiċċji li kienet għamlet. Hi forsi kellmitu dwar is-sagrifiċċji biex iġġiegħlu jaħseb li kienet mara tajba. (Prov. 7:13, 14, 21) Li kieku dak iż-żagħżugħ m’għamilx dawn l-affarijiet ma kienx jirriskja li tiġih tentazzjoni u jagħmel dnub. w24.07 16 ¶8-9; 19 ¶19
Is-Sibt, 19 taʼ Settembru
“Għandkom taħfrulu mill-qalb u tgħinuh iħossu aħjar.”—2 Kor. 2:7.
Ġeħova ma jħallix lil min jagħmel dnub serju u ma jindimx jibqaʼ fil-kongregazzjoni. Xi wħud forsi jaħsbu li peress li Ġeħova hu ħanin, lil min jagħmel dnub serju u ma jindimx iħallih jibqaʼ fil-kongregazzjoni. Imma dan mhuwiex il-mod kif Ġeħova juri ħniena. Hu ma jaċċettax kull tip taʼ kondotta u attitudni, u qatt mhu se jbiddel il-livelli tiegħu taʼ x’inhu tajjeb u ħażin. (Ġuda 4) Jekk jagħmel hekk, Ġeħova ma jkunx qed juri ħniena, għax ikun qed ipoġġi l-kongregazzjoni kollha fil-periklu. (Prov. 13:20; 1 Kor. 15:33) Imma nitgħallmu wkoll li Ġeħova jixtieq li, jekk jistaʼ jkun, kulħadd isalva għax hu ma jrid lil ħadd jinqered. Ġeħova juri ħniena maʼ dawk li jbiddlu l-mod kif jaħsbu u jgħixu, u jkunu jixtiequ jerġgħu jsiru l-ħbieb tiegħu. (Eżek. 33:11; 2 Pt. 3:9) Allura, meta r-raġel f’Korintu nidem u ma baqax jagħmel il-ħażin, Ġeħova qal lil appostlu Pawlu biex jikteb lill-kongregazzjoni ħalli taħfirlu u terġaʼ taċċettah lura. w24.08 17 ¶7; 18-19 ¶14-15
Il-Ħadd, 20 taʼ Settembru
“Naċċertakom li kull meta għentu lill-inqas persuna importanti minn ħuti, qiskom għentu lili.”—Mat. 25:40.
Fl-eżempju tan-nagħaġ u l-mogħoż, Ġesù se jiġġudika lin-nies skont jekk ssapportjawx lil ħutu l-magħżulin. (Mat. 25:31-46) Hu se jara jekk humiex nagħaġ jew mogħoż fiż-żmien taʼ tbatija kbira, eżatt qabel Armageddon. (Mat. 24:21) Bħalma ragħaj jifred lin-nagħaġ minn mal-mogħoż, Ġesù se jifred lil dawk li ssapportjaw lill-magħżulin minn dawk li ma ssapportjawhomx. Il-Bibbja tgħid li meta Ġesù jiġġudika għal Ġeħova, dejjem ikun ġust. (Is. 11:3, 4) Hu qed joqgħod attent għal x’qed jagħmlu, x’qed jaħsbu, u x’qed jgħidu n-nies, inkluż kif qed jittrattaw lill-magħżulin. (Mat. 12:36, 37) Hu se jkun jaf min issapportjahom. Mod importanti taʼ kif jagħmlu dan hu billi jgħinuhom jippritkaw. w24.09 20-21 ¶3-4
It-Tnejn, 21 taʼ Settembru
“Eżaminaw kull ħaġa biex taraw jekk hix vera.”—1 Tes. 5:21.
Nistgħu nqabblu dak li m’aħniex ċerti dwaru ma’ li tgħid il-Bibbja. Erġaʼ aħseb fiż-żagħżugħ li semmejna fl-ewwel paragrafu li mhuwiex ċert jekk Ġeħova jimpurtahx minnu. Hu m’għandux jibqaʼ bid-dubju imma għandu jwieġeb din il-mistoqsija. Hu jrid ‘jeżamina kull ħaġa’ biex jara x’jgħid Ġeħova. Meta naqraw il-Bibbja, Ġeħova jkun qisu qed ikellimna. Imma rridu nagħmlu sforz biex naraw x’jaħseb Ġeħova u nneħħu d-dubji li jkollna. Fittex versi li se jwieġbu l-mistoqsijiet tiegħek u studja dwarhom. Dan tistaʼ tagħmlu billi tuża l-pubblikazzjonijiet tagħna. (Prov. 2:3-6) Itlob lil Ġeħova biex jgħinek issib it-tweġibiet għall-mistoqsijiet li jkollok u mbagħad fittex prinċipji mill-Bibbja u iktar informazzjoni li se tgħinek fis-sitwazzjoni tiegħek. w24.10 25 ¶4-5
It-Tlieta, 22 taʼ Settembru
“[L-imħabba] mhix egoista.”—1 Kor. 13:5.
Ġeħova żgur mhux se jbierek bniedem kburi jew li jrid li oħrajn ifaħħruh. (1 Kor. 10:24, 33; 13:4) Il-ħbieb tal-qalb taʼ Ġesù wkoll ġieli xtaqu iktar privileġġi. Imma r-raġunijiet mhux dejjem kienu tajbin. Aħseb dwar x’għamlu l-appostli Ġakbu u Ġwanni. Huma qalu lil Ġesù biex jagħtihom privileġġi speċjali fis-Saltna tiegħu. Imma Ġesù ma ħax pjaċir bihom. Minflok, hu qal lit-12-il appostlu: “Min irid ikun l-aqwa minnkom għandu jaqdi lill-oħrajn, u min irid ikun l-ewwel minnkom għandu jkun l-ilsir taʼ kulħadd.” (Mrk. 10:35, 43, 44) L-aħwa rġiel mgħammdin li jixtiequ jsiru qaddejja ministerjali biex jaqdu lil oħrajn se jgħinu ħafna lill-kongregazzjoni.—1 Tes. 2:8. w24.11 15-16 ¶7-8
L-Erbgħa, 23 taʼ Settembru
“Il-pjanijiet . . . jirnexxu meta jkun hemm ħafna li jagħtu l-pariri.”—Prov. 15:22.
L-imħabba se tgħinna nfittxu dak li jaqbel “lil ħaddieħor” u mhux dak li jaqbel lilna, u nkunu modesti. (1 Kor. 10:23, 24, 32; 1 Tim. 2:9, 10) Imbagħad, meta niġu biex niddeċiedu, se nħallu l-imħabba u r-rispett lejn oħrajn jaffettwaw id-deċiżjoni tagħna. Imma xi ngħidu jekk għandek bżonn tieħu deċiżjoni kbira? Ġesù għallem li wieħed għandu “jikkalkula l-ispejjeż.” (Lq. 14:28) Għalhekk, aħseb dwar il-ħin, il-flus, u l-enerġija li se jkollok bżonn biex id-deċiżjoni li trid tieħu tirnexxi. F’ċertu każijiet jaf ikollok titkellem mal-membri tal-familja dwar x’se jkollhom jagħmlu biex din id-deċiżjoni tirnexxi. Dan it-tip taʼ ppjanar għala huwa tajjeb? Għax jistaʼ jgħinek tara x’għandek bżonn tirranġa jew hemmx xi ħaġa aħjar li tistaʼ tagħmel. Ukoll, meta tinvolvi l-membri tal-familja u tismaʼ kif iħossuhom, se jkunu iktar lesti biex jgħinuk fid-deċiżjoni tiegħek. w25.01 18-19 ¶14-15
Il-Ħamis, 24 taʼ Settembru
“Ifirħu u ibqgħu ferħanin.”—Isa. 65:18.
Isaija jispjega għala nistgħu nkunu ferħanin f’din il-ġenna spiritwali. Dan għax kien Ġeħova li ħalaq din il-ġenna. (Is. 65:18, 19) Allura Ġeħova qed juża lilna biex jgħin lin-nies joħorġu mill-organizzazzjonijiet taʼ din id-dinja għax ma jgħallmuhomx il-verità, u jgħinhom jidħlu fil-ġenna spiritwali! Aħna ferħanin ħafna bil-barkiet li ngawdu, u nixtiequ ngħidu lill-oħrajn dwarhom. (Ġer. 31:12) Peress li qegħdin fil-ġenna spiritwali, aħna għandna tama sabiħa ħafna u nħarsu ’l quddiem għaliha. Il-Bibbja twegħedna li aħna ħa ‘nibnu djar u ngħixu fihom, inħawlu għelieqi bid-dwieli u nieklu frotthom.’ Aħna ‘m’aħniex ħa nitħabtu għalxejn’ għax ‘Ġeħova ħa jberikna.’ Hu jwegħedna li mhux ħa ngħixu ħajja bla skop, u ħa nkunu ferħanin. Hu jaf x’għandu bżonn kull wieħed minna u se ‘jaqtaʼ x-xewqa taʼ kull ħaġa ħajja.’—Is. 65:20-24; Salm 145:16. w24.04 22-23 ¶11-12
Il-Ġimgħa, 25 taʼ Settembru
“[Alla] hu l-blata b’saħħitha u l-protezzjoni tiegħi.”—Slm. 62:7.
Meta nafdaw lil Ġeħova, aħna nkunu qed nagħmluh il-Blata tagħna. Aħna ċerti li meta nobdu, ħa mmorru tajjeb avolja jistaʼ jkun ngħaddu minn żmien diffiċli. (Is. 48:17, 18) Kull meta naraw kif Ġeħova għenna, nafdawh iżjed u nsiru ċerti li hu biss jistaʼ jgħinna. Ġeħova hu bħal muntanja u allura m’hemmx ċans li jiċċaqlaq u jinbidel. L-iskop u l-karattru tiegħu ma jinbidlu qatt. (Mal. 3:6) Dan nistgħu narawh minn dak li għamel meta Adam u Eva rribellaw kontrih. Fil-fatt Pawlu kiteb li hu “ma jistax jiċħad lilu nnifsu.” (2 Tim. 2:13) Dan juri li jiġri x’jiġri, hu qatt mhu se jbiddel il-karattru, l-iskop jew il-livelli tiegħu. Allura meta jkollna l-problemi, dejjem nistgħu nfittxu l-għajnuna tiegħu u nkunu ċerti li hu se jżomm il-wegħdi tiegħu.—Salm 62:6, 7. w24.06 27-28 ¶7-8
Is-Sibt, 26 taʼ Settembru
“Kunu sbieħ minn ġewwa . . . għax dawn l-affarijiet huma importanti għal Alla.”—1 Pt. 3:4.
Jekk qed toħroġ ma’ xi ħadd, x’se jgħinek tiddeċiedi tiżżewwiġx jew le? Billi ssiru tafu lil xulxin sew. Forsi qabel ma bdejtu toħorġu flimkien sirtu tafu xi affarijiet dwar xulxin. Imma issa tistaʼ ssir taf “il-persuna minn ġewwa, fil-qalb.” Dan ifisser li tara kif inhi l-ħbiberija tiegħu ma’ Ġeħova, x’karattru għandu, u kif jaħsibha. Saqsi lilek innifsek: ‘Din il-persuna ħa tkun tajba għalija meta nkunu miżżewġin?’ (Prov. 31:26, 27, 30; Efes. 5:33; 1 Tim. 5:8) ‘Se nħobbu u nieħdu ħsieb lil xulxin? Lesta li ma nagħtix kas affarijiet li jdejquni fil-karattru?’ (Rum. 3:23) Ibqaʼ ftakar li l-importanti mhux kemm intom simili imma kemm lesti li taħdmu flimkien avolja jkun hemm xi affarijiet li jdejqukom. w24.05 27 ¶5
Il-Ħadd, 27 taʼ Settembru
“Jien dnibt kontra Ġeħova.”—2 Sam. 12:13.
Ir-Re David għamel żbalji kbar fil-ħajja tiegħu. Imma meta Natan qallu kif ħassu Ġeħova dwar dak li għamel, David iddispjaċieh ħafna. (Salm 51:3, 4, 17, sopraskrizzjoni) Ħeżekija wkoll għamel żbalji serji. (2 Kron. 32:25) Imma bħal David, Ħeżekija wkoll iddispjaċieh għall-iżbalji tiegħu. (2 Kron. 32:26) Minħabba f’hekk, Ġeħova qiesu bħala re li kien leali, peress li “għamel dak li hu sewwa.” (2 Slat. 18:3) X’nistgħu nitgħallmu? Hemm bżonn li jiddispjaċina għall-iżbalji tagħna u nagħmlu kulma nistgħu biex ma nerġgħux nagħmluhom. Barra minn hekk, jekk l-anzjani jtuna parir fuq xi ħaġa li għalina mhux importanti, ma rridux naħsbu li qed jaqbdu magħna jew li Ġeħova m’għadux iħobbna. Anke r-rejiet tajbin taʼ Iżrael xi kultant kellhom bżonn pariri u dixxiplina. (Ebr. 12:6) Allura meta tingħata parir, hemm bżonn li (1) tkun umli, (2) tagħmel il-bidliet li jkun hemm bżonn, u (3) tkompli taqdi lil Ġeħova b’qalb sħiħa. Meta jiddispjaċina għall-iżbalji tagħna Ġeħova se jaħfrilna.—2 Kor. 7:9, 11. w24.07 21 ¶8; 22 ¶9, 11
It-Tnejn, 28 taʼ Settembru
“Neħħu lill-persuna ħażina mill-kongregazzjoni.”—1 Kor. 5:13.
Xi ħadd jitneħħa mill-kongregazzjoni meta hu jagħmel dnub u ma jkunx irid jinbidel, avolja l-anzjani jkunu ppruvaw jgħinuh ħafna drabi. (2 Slat. 17:12-15) L-azzjonijiet tiegħu juru li hu ma jkunx irid jgħix fi qbil mal-livelli ġusti taʼ Ġeħova. (Dewt. 30:19, 20) Isir avviż biex jinforma lill-kongregazzjoni li hu m’għadux wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova. L-iskop tal-avviż mhuwiex biex jumilja lill-persuna, imma biex l-aħwa fil-kongregazzjoni jobdu l-kmand tal-Bibbja u ‘ma jibqgħux jagħmluha’ maʼ persuna bħal din u ‘lanqas biss jieklu’ magħha. (1 Kor. 5:9-11) Hemm raġunijiet tajbin għala Ġeħova ta dan il-kmand. L-appostlu Pawlu kiteb: ‘Ftit ħmira tinxtered mal-għaġina kollha.’ (1 Kor. 5:6) Jekk xi ħadd li ma jindimx ma jitneħħiex mill-kongregazzjoni, xi wħud jistgħu jaħsbu li m’għandhomx għalfejn jipprovaw jgħixu skont il-livelli ġusti taʼ Ġeħova.—Prov. 13:20; 1 Kor. 15:33. w24.08 27 ¶3-4
It-Tlieta, 29 taʼ Settembru
“Jien għandi s-saħħa għal kollox, għax Alla jagħtini l-qawwa li jkolli bżonn.”—Flp. 4:13.
Aħna nistgħu nagħtu mis-saħħa tagħna biex ngħinu lil oħrajn. Pereżempju, nistgħu nagħmlu l-qadi jew xi xogħol fid-dar għall-aħwa li huma kbar fl-età jew morda. Forsi nistgħu ngħinu biex nieħdu ħsieb is-Sala u meta jkun hemm it-tindif. Tinsiex li l-kliem li tgħid hu b’saħħtu ħafna. Taf lil xi ħadd li jħossu skuraġġit? Jekk iva, uri lil dik il-persuna li vera jimpurtak minnha. Tistaʼ tmur taraha, iċċemplilha, ittiha xi kard, jew tibagħtilha xi messaġġ. Tinkwetax iżżejjed dwar x’se tgħid. Jekk tuża ftit kliem mill-qalb jaf ikun dak li jkollha bżonn biex tibqaʼ leali u iktar pożittiva.—Prov. 12:25; Efes. 4:29. w24.09 28 ¶8-10
L-Erbgħa, 30 taʼ Settembru
“Jekk raġel qed jirsisti biex isir anzjan, hu jkun jixtieq xogħol tajjeb.”—1 Tim. 3:1.
Jekk qed taqdi bħala qaddej ministerjali, wisq probabbli ħdimt iebes biex ikollok ħafna mill-kwalitajiet li hemm bżonn ħalli tkun anzjan. Tixtieq taqdi iktar lill-aħwa billi ssir anzjan? X’inhu xi xogħol li jagħmel anzjan? Ftit minnu hu li jkun t’eżempju tajjeb fuq is-service, jaħdem iebes biex jieħu ħsieb u jgħallem lill-aħwa, u jgħinhom isaħħu l-fidi f’Ġeħova b’dak li jgħid u jagħmel. Allura, nistgħu nifhmu għala l-Bibbja tgħid li l-anzjani huma rigali. (Efes. 4:8) Xi trid tagħmel biex issir anzjan? Biex tikkwalifika ħalli ssir anzjan mhux biżżejjed li jkollok abbiltajiet bħallikieku qed tfittex xogħol sekulari. Ħafna drabi meta tkun trid tidħol taħdem xi mkien kulma jkollok bżonn hu li jkollok l-abbiltajiet li jrid l-imgħallem. Imma jekk tixtieq issir anzjan mhuwiex biżżejjed li tkun tajjeb fuq is-service u taf tgħallem. Hemm bżonn li jkollok il-kwalifiki li jissemmew fl-1 Timotju 3:1-7 u f’Titu 1:5-9. w24.11 20 ¶1-3