L-Alhambra—Il-Ġawhra Islamika taʼ Granada
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FI SPANJA
“Kemm hemm leġġendi u tradizzjonijiet li huma minnhom u taʼ l-għaġeb; kemm hemm għanjiet u ballati, bl-Għarbi u bl-Ispanjol, taʼ mħabba u gwerra u kavallerija li huma assoċjati maʼ dan il-bini lussuż!”—WASHINGTON IRVING, KITTIEB AMERIKAN TAS-SEKLU 19.
IL-POST famuż li jispira dan il-kliem huwa l-Alhambra, palazz uniku li jżejjen il-belt Spanjola taʼ Granada. L-Alhambra qisha parti mill-Għarabja jew il-Persja mpoġġija fin-nofsinhar taʼ l-Ewropa. Iċ-ċittadella, jew il-fortizza, kisbet is-sbuħija eċċezzjonali tagħha grazzi għall-Mori Musulmani, li l-influwenza kbira tagħhom iddominat fuq Spanja għal diversi sekli.a
L-emir, jew il-prinċep, Għarbi Zawí ben Zirí waqqaf is-saltna indipendenti taʼ Granada fis-seklu 11. Il-ħakma damet għal 500 sena, u f’dak iż-żmien iffjorixxiet b’mod artistiku u b’mod kulturali. It-tmiem tagħha wasal meta l-monarki Kattoliċi Ferdinand u Isabella ġabu fi tmiem il-ħakma Musulmana fi Spanja fl-1492.
Taħt il-ħakma tal-Mori, Granada laħqet il-quċċata tagħha wara li Córdoba ġiet megħluba mill-armati tal-Kristjaneżmu fl-1236. Granada saret il-belt kapitali taʼ Spanja meta kienet taħt il-ħakma tal-Musulmani, u xi ħakkiema li ġew warajhom bnew palazz magħmul minn diversi binjiet—l-Alhambra—li n-nies fl-Ewropa qatt ma kienu raw xi ħaġa bħalu. Wieħed kittieb entużjast iddeskrivieh bħala “l-iktar bini taʼ l-għaġeb li jeżisti fid-dinja kollha.”
L-ambjent taʼ madwar l-Alhambra huwa sabiħ daqs il-palazz innifsu. Il-qċaċet kollhom silġ tas-Sierra Nevada, għoljin iktar minn 3,400 metru, jinsabu weqfin wara l-Alhambra bħal xenarju mill-isbaħ. L-Alhambra nfisha tinsab wieqfa fuq is-Sabika, għolja miksija bis-siġar li hija 150 metru ’l fuq mill-belt. F’għajnejn Ibn Zamrak, poeta tas-seklu 14, l-għolja li tagħti għal fuq Granada hija bħal raġel li qed iħares lejn martu u qed jammiraha.
Belt ġo Belt
L-isem Alhambra, li jfisser “l-aħmar” bl-Għarbi, probabbilment jirreferi għall-kulur tal-briks li l-Mori użaw biex jibnu l-ħitan taʼ barra. Minkejja dan, xi wħud jippreferu l-ispjegazzjoni taʼ storjografi Għarab li jgħidu li l-kostruzzjoni taʼ l-Alhambra tkompliet bid-“dawl tat-torċi.” Huma jgħidu li din l-illuminazzjoni taʼ bil-lejl tat il-kulur ħamrani lill-ħitan, minfejn ġej l-isem tal-bini.
L-Alhambra hija ħafna iktar minn palazz. Tistaʼ tiġi deskritta bħala belt ġol-belt taʼ Granada. Għall-kenn wara s-swar kbar tagħha hemm ġonna, padiljuni, kumpless taʼ palazz, l-Alcazaba (jew, fortizza), u anki medina, jew belt, żgħira. Id-disinji taʼ l-Alhambra magħmulin mill-Mori u l-bini li żdied maż-żmien irriżultaw f’wirja unika t’arti Għarbija delikata u dettaljata biswit il-bini iktar robust u simetriku tar-Rinaxximent Ewropew.
L-Alhambra hija daqstant sabiħa minħabba l-metodu li użaw il-Mori kif ukoll il-Griegi tal-qedem. L-ewwel użaw il-kulur u l-għamla tal-ġebla biex jagħmlu l-istrutturi f’armonija, bi proporzjon, u b’sempliċità. Imbagħad żejnu l-bini eleganti tagħhom. Wieħed espert qal, “il-Mori dejjem żammew maʼ dak li l-arkitetti jqisu bħala l-ewwel prinċipju taʼ l-arkitettura—li jżejnu l-bini, mhux li jibnu t-tiżjin.”
Niskopru l-Alhambra
Id-dħul għall-Alhambra huwa minn arkata enormi f’forma taʼ nagħla msejħa l-Bieb tal-Ġustizzja. L-isem jirreferi għall-qorti li fiż-żmien tal-Musulmani kien jinġabar biex minnufih jismaʼ ċerti każi żgħar. L-amministrazzjoni tal-ġustizzja ħdejn bieb il-belt kienet drawwa komuni fil-Lvant Nofsani u hija msemmija fil-Bibbja.b
It-tiżjin elaborat, tipiku għall-palazzi Għarab bħall-Alhambra, hu magħmul minn tip taʼ ġibs fin li jissejjaħ stokk. L-artiġjani kienu jnaqqxu dan il-ġibs f’disinji artistiċi qishom bizzilla ripetuti darba wara l-oħra. Uħud mill-arkati mżejnin jidhru qishom stalaktiti organizzati f’simetrija perfetta. Aspett ieħor tal-palazz hu z-zillij—madum maqtugħ u llostrat li kien jiġi rranġat f’disinji ġeometriċi kumplessi. Dawn jiksu n-naħat t’isfel tal-ħitan b’kuluri vivaċi, li jagħmlu kuntrast perfett mal-kuluri inqas qawwijin taʼ l-istokk fin-naħa taʼ fuq.
Mill-btieħi taʼ l-Alhambra, waħda li tispikka hija l-Bitħa taʼ l-Iljuni, deskritta bħala “l-iktar eżempju prezzjuż taʼ l-arti Għarbija fi Spanja.” Ktieb taʼ gwida lokali jispjega: “Hemm xi ħaġa dwar xogħol t’arti ġenwina li ma tistax tiġi imitata jew ikkopjata bl-eżatt. . . . Dan hu kif inħossuna meta nkunu quddiem il-Bitħa taʼ l-Iljuni fi Granada.” L-arkati proporzjonati bl-eżatt u l-kolonni rqaq qegħdin madwar funtana mpoġġija fuq 12-il iljun taʼ l-irħam. Hija waħda mill-iktar postijiet li jiħdulu ritratti fi Spanja.
Ġonna li Jserrħuk
L-Alhambra fiha wkoll ġonna, funtani, u pixxini li jpaxxu l-għajn.c Skond Enrique Sordo fil-ktieb tiegħu Moorish Spain, “il-ġnien Għarbi huwa ħarsa bil-quddiem tal-ġenna.” L-influwenza taʼ l-Islam tidher kullimkien. Il-kittieb Spanjol García Gómez innota: “Il-ġenna Musulmana hija deskritta bid-dettall fil-Koran bħala ġnien lussuż . . . imsoqqi minn xmajjar żgħar mill-isbaħ.” Fl-Alhambra, l-ilma jintuża ħafna—lussu għal dawk l-uħud imdorrijin fil-klima sħuna u niexfa tad-deżert. Id-disinjaturi tal-ġonna rrealizzaw li l-ilma jistaʼ jkessaħ l-arja u jferraħ il-widna bit-tgelgil rilassanti tiegħu. Pixxini rettangolari taʼ ilma jirriflettu s-sema jleqq taʼ Spanja u jagħtu l-impressjoni taʼ spazju u dawl.
Viċin l-Alhambra hemm il-Generalife, villa bi ġnien fl-imwarrab li nbniet mill-Mori u li qiegħda fuq is-Cerro del Sol, għolja ħdejn is-Sabika. Il-Generalife, eżempju mill-aqwa tat-tiżwiq tal-ġonna Għarab, ġiet imsejħa bħala “waħda mill-isbaħ ġonna fid-dinja.”d Qabel kienet magħquda mal-palazz taʼ l-Alhambra permezz taʼ pont, u milli jidher din serviet bħala villa fejn il-ħakkiema taʼ Granada setgħu jirrilassaw. Hemm ukoll bitħa li twassal għat-Taraġ taʼ l-Ilma. Hawnhekk il-viżitaturi jħallu s-sensi tagħhom jissaħħru bid-dawl, il-kulur, u n-numru bla għadd taʼ fwejjaħ.
It-Tnehid tal-Mori
Meta l-aħħar sultan taʼ Granada, Boabdil (Muḥammad XI), ċeda l-belt f’idejn Ferdinand u Isabella, hu u familtu kellhom imorru fl-eżilju. Wara li telqu mill-belt, jingħad li waqfu għal mument fuq għolja li issa msejħa El Suspiro del Moro (It-Tnehid tal-Mori). Hekk kif ħarsu lura biex jittawlu lejn il-palazz aħmar glorjuż tagħhom għall-aħħar darba, omm Boabdil milli jidher qalet lil binha: “Olfoq bħal mara għal dak li ma stajtx tiddefendi bħala raġel!”
Illum il-ġurnata, xi wħud mit-tliet miljun viżitatur li jżuru l-Alhambra kull sena għadhom imorru f’dan il-post. Hawnhekk, bħal Boabdil, jistgħu jaraw il-belt taʼ Granada mifruxa taħt il-palazz Għarbi tagħha—il-ġawhra tal-belt. Jekk xi darba tmur iżżur Granada, int ukoll forsi tifhem in-niket taʼ l-aħħar sultan tal-Mori li kellha.
[Noti taʼ taħt]
a Fis-sena 711 E.K., armati Għarab u Berberi daħlu fi Spanja, u f’temp taʼ sebaʼ snin il-maġġuranza mill-peniżola waqgħet taħt il-ħakma Musulmana. F’żewġ sekli, il-belt taʼ Córdoba saret l-akbar u probabbilment l-iktar belt sofistikata fl-Ewropa.
b Per eżempju, Alla qal lil Mosè: “Int tqiegħed imħallfin u uffiċjali f’kull belt tiegħek . . . , biex jagħmlu l-ħaqq mill-poplu bis-sewwa.”—Dewteronomju 16:18.
c L-Għarab introduċew fatturi minn ġonna Persjani u Biżantini fir-reġjun tal-Mediterran, inkluż fi Spanja.
d Dan l-isem ġej mill-frażi Għarbija “Jennat-al-Arif,” kultant tradott “il-ġonna l-għoljin,” għalkemm it-terminu x’aktarx jissinifika “l-ġnien taʼ l-arkitett.”
[Stampa f’paġna 15]
L-Alcazaba
[Stampa f’paġna 16]
Il-Bitħa taʼ l-Iljuni
[Stampa f’paġna 16, 17]
Il-ġonna taʼ Generalife
[Stampa f’paġna 17]
It-Taraġ taʼ l-Ilma
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 14]
Line art: EclectiCollections
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 15]
Kollha minbarra r-ritratt taʼ fuq: Recinto Monumental de la Alhambra y Generalife
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 16]
Ir-ritratti kollha: Recinto Monumental de la Alhambra y Generalife
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 17]
Ir-ritratti taʼ fuq: Recinto Monumental de la Alhambra y Generalife; ir-ritratt t’isfel: J. A. Fernández/San Marcos