LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g03 7/8 pp. 15-25
  • Madrid-Belt Kapitali li Nbniet għal Re

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Madrid-Belt Kapitali li Nbniet għal Re
  • Stenbaħ!—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Belt Ħadra
  • It-​Triq taʼ l-​Arti
  • Ħajja Mimlija Sorpriżi fis-Servizz taʼ Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Naqdi lil Oħrajn u Ntaffi t-Tbatija
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Ħarsa Eqreb Lejn iż-Żuwijiet tal-Lum
    Stenbaħ!—2012
Stenbaħ!—2003
g03 7/8 pp. 15-25

Madrid-Belt Kapitali li Nbniet għal Re

MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FI SPANJA

XI BLIET kapitali madwar id-​dinja żviluppaw ħdejn daħliet naturali u ilhom għal ħafna żmien iservu taʼ portijiet mimlijin attività. Bliet kapitali oħrajn jinsabu viċin postijiet li jintużaw minn ħafna biex jaqsmu x-​xmajjar, u għalhekk ir-​riżultat li jsiru prominenti tistaʼ tgħid ma setax jiġi evitat. Ħafna mill-​bliet kapitali Ewropej ilhom importanti minn żmien ir-​Rumani. Imma Madrid, il-​belt kapitali taʼ Spanja, hija eċċezzjoni. Il-​belt kellha inqas minn 10,000 abitant fl-​1561 meta f’salt wieħed saret prominenti.

Ir-raġuni kienet sempliċi. Filippu II, re taʼ Spanja u taʼ imperu vast barra minn pajjiżu, iddejjaq iċaqlaq il-​familja rjali minn belt għal oħra fir-​reġjun taʼ Kastilja. Peress li kien iħobb il-​kaċċa, hu ried li l-​palazz li joqgħod fih b’mod permanenti jkun viċin iż-​żona

favorita tiegħu tal-​kaċċa. Madrid qablet eżatt maʼ dak li xtaq, u barra minn hekk kellha ilma tajjeb, spazju għal tkabbir, u għelieqi fertili fil-​qrib.

Ladarba ttieħdet deċiżjoni, Filippu beda programm taʼ bini sabiex ikun jistaʼ jagħmel lil Madrid belt kapitali konvenjenti. Iktar tard, rejiet Spanjoli oħra sebbħu l-​belt, u b’hekk ħolqu konnessjoni unika bejn Madrid u l-​monarkija. Sas-​seklu 17, Madrid saret l-​akbar belt fi Spanja. Illum, saret metropoli moderna prospera li fiha tliet miljun abitant.

Minħabba l-​konnessjoni mill-​qrib li kien hemm bejn Madrid u l-​familji rjali taʼ Spanja, ħafna mill-​bini storiku li fiha huwa relatat maż-​żewġ dinastiji prinċipali li kien hemm. L-​iktar parti antika tal-​belt hija msejħa Madrid taʼ l-​Austrias, li ġejja minn żmien id-​dinastija Awstrijaka, jew dik taʼ Habsburg, tas-​sekli 16 u 17. Partijiet li ġew miżjudin wara ġew imsejħin Madrid tal-​Burboni, id-​dinastija preżenti li bdiet mill-​1700.

Matul is-​sekli, rejiet Spanjoli kienu jippromwovu jew jiffinanzjaw il-​bini taʼ ħafna mill-​istrutturi impressjonanti fil-​belt kapitali. Il-​kollezzjoni taʼ pitturi prezzjużi tagħhom issa saret il-​qalba tal-​gallerija nazzjonali taʼ l-​arti taʼ Madrid. U eventwalment, il-​proprjetajiet irjali li huma mifruxin fl-​inħawi taʼ Madrid saru l-​ġonna u l-​postijiet taʼ rikreazzjoni prinċipali tal-​belt.

Belt Ħadra

Minħabba l-​interess tal-​familja rjali fil-​kaċċa u l-​ġonna, medda kbira t’art ħadra ġiet preservata meta beda jsir it-​tkabbir modern f’Madrid. Minkejja t-​tkabbir mgħaġġel tal-​belt matul dawn l-​aħħar għaxriet taʼ snin, sezzjoni kbira t’art mimlija ħaxix u siġar tibda mill-​muntanji u tibqaʼ sejra ’l isfel, tistaʼ tgħid sal-​bibien taċ-​ċentru tal-​belt.

Wieħed mill-​imsaġar taʼ Madrid, li xi darba kien żona tal-​kaċċa tal-​familja rjali msejjaħ Casa de Campo, jinsab viċin il-​palazz irjali, u issa fih ġnien żooloġiku modern. Lejn in-​naħa taʼ fuq taʼ Madrid hemm foresta kbira tal-​ballut tal-​post magħrufa bħala l-​għolja El Pardo, li tasal sa madwar 10 kilometri fiċ-​ċentru tal-​belt.

Filippu II stabbilixxa l-​limiti taʼ din ir-​riserva naturali ftit wara li għamel lill-​Madrid il-​belt kapitali tiegħu. Il-​post irjali li missieru għamel għall-​kaċċa għadu jżejjen il-​park. Issa din iż-​żona mimlija foresti saret park tar-​reġjun li jipproteġi tnejn mill-​iktar speċi li huma fil-​periklu t’estinzjoni fl-​Ewropa, l-​ajkla imperjali Spanjola u tip taʼ seqer Ewropew (Aegypius monachus).

Il-Ġnien Retiro qabel kien ġnien irjali spazjuż fiċ-​ċentru taʼ Madrid, fejn il-​familja rjali kienet ittellaʼ wirjiet tal-​logħob tat-​toru u anki taʼ battalji navali. Fis-​seklu 18, il-​pubbliku kien jitħalla jidħol f’dan il-​ġnien jekk kemm-il darba jkun liebes xieraq. M’għandniex xi ngħidu, illum ir-​regoli fl-​istil taʼ l-​ilbies m’għadhomx daqshekk riġidi u l-​Madrileños (ċittadini taʼ Madrid) jiffollaw f’dan il-​ġnien popolari kull tmiem il-​ġimgħa. Palazz tal-​kristall, mibni mill-​ferrobattut u l-​ħġieġ, u filliera taʼ kolonni f’forma taʼ nofs tond li jħarsu lejn għadira, fejn in-​nies joħorġu fuq id-​dgħajjes għall-​gost, huma biss tnejn mill-​karatteristiċi attraenti tal-​belt.

Karlu III, re tat-​18-il seklu li kellu interess kbir fl-​arti u x-​xjenza, stabbilixxa l-​Ġonna Botaniċi Rjali maġenb il-​Ġnien Retiro. Għal dawn l-​aħħar żewġ sekli u nofs, il-​ġonna saru speċjalizzati fil-​flora taʼ l-​Amerika Ċentrali u t’Isfel.

It-​Triq taʼ l-​Arti

Grazzi għall-​ġenerożità tal-​familja rjali Spanjola, f’Madrid insibu wkoll waħda mill-​iktar galleriji taʼ l-​arti importanti fid-​dinja. Il-​Mużew Prado twaqqaf bl-​ordni taʼ Karlu III, magħruf fl-​istorja bħala sindku prominenti taʼ Madrid. Il-​kollezzjoni taʼ l-​arti bażikament tappartjeni lill-​monarki Spanjoli, li bdew kollezzjoni tax-​xogħlijiet taʼ l-​arti ’l fuq minn erbaʼ mitt sena ilu.

Fis-seklu 17, Velázquez, il-​pittur tal-​palazz, mhux biss pitter kapulavuri taʼ l-​arti hu stess imma wkoll ivvjaġġa madwar l-​Ewropa biex jixtri pitturi mill-​aqwa għall-​padrun irjali tiegħu, Filippu IV. Fis-​seklu taʼ wara, Francisco de Goya sar il-​pittur uffiċjali tal-​palazz. Kif inhu mistenni, il-​Prado fih ħafna mill-​kapulavuri taʼ l-​arti li ġew impittrin minn dawn iż-​żewġ artisti rinomati.

Żewġ kollezzjonijiet oħra taʼ l-​arti li huma meqjusin ħafna—il-​Mużew Thyssen-Bornemisza u l-​Mużew Nazzjonali Centro de Arte Reina Sofía—jinsabu fuq l-​istess triq mimlija siġar fejn qiegħed il-​Prado. Din it-​triq taʼ klassi msemmija t-​Triq taʼ l-​Arti, hija mżejna wkoll b’ħafna mill-​istatwi famużi taʼ Madrid.

Bħal ħafna bliet oħra, Madrid għaddiet minn żminijiet tajbin kif ukoll ħżiena. Din il-​belt kapitali kienet taħt assedju għall-​biċċa l-​kbira tal-​Gwerra Ċivili Spanjola (1936-39), u xi marki tal-​balal taʼ dak il-​konflitt għadhom jidhru fuq l-​arkata monumentali magħrufa bħala l-​Puerta de Alcalá. Minkejja dan, mill-​bidunett, il-​fundaturi tal-​belt riedu li Madrid tkun belt fejn in-​nies ikunu edukati tajjeb u b’hekk setgħu jingwalawha flimkien.

Id-dikjarazzjoni tad-​drittijiet u d-​dmirijiet taʼ Madrid, li tmur lura għall-​1202, fost affarijiet oħra kienet tgħid li ċ-​ċittadini ma setgħux jieħdu sehem fi dwellijiet, iġorru armi tan-​nar, jew jitkellmu ħażin jew jinsultaw lil xi ħadd fil-​pubbliku. Kien mistenni wkoll li l-​abitanti jżommu l-​post nadif, ma jqarrqux bi sħabhom iċ-​ċittadini, u jżommu l-​ispejjeż tat-​tiġijiet raġunevoli. Fi qbil maʼ dawn it-​talbiet, illum Madrid hija belt nadifa—għalkemm fit-​tiġijiet saru jintefqu kemxejn iktar flus! Dawk il-​viżitaturi li jridu jieklu mingħajr ma jonfqu wisq jistgħu jduqu ftit tapas tipiċi, porzjonijiet żgħar taʼ ikel differenti tajjeb li, f’ħafna restoranti, jiġu servuti maʼ xarba kiesħa.

F’dawn l-​aħħar ftit snin, Madrid espandiet b’mod konsiderevoli. Issa għandha sistema effiċjenti taʼ trasport u għandha wkoll l-​infrastruttura kollha li hemm bżonn biex tieħu ħsieb il-​miljuni taʼ turisti li jżuru kull sena. Eluf taʼ Xhieda taʼ Jehovah minn Spanja u minn pajjiżi oħrajn se jżuru l-​belt f’Lulju u Awissu. Ix-​Xhieda qed jorganizzaw konvenzjoni internazzjonali f’wieħed mill-​akbar stejdjums tal-​futbol f’Madrid. Ħafna minn dawk li se jattendu se jkollhom l-​opportunità li jaraw għalihom infushom il-​belt kapitali li nbniet għal re.

[Kaxxa/Stampi f’paġna 16, 17]

PALAZZI LI JIXIRQU ’L RE

Il-​Palazz Irjali. Dan il-​palazz, li x’aktarx hu l-​iktar bini impressjonanti f’Madrid, jinsab fejn darba kien hemm ċittadella antika tal-​Mori li fl-​antik Madrid kienet mibnija madwarha. Fih isiru funzjonijiet importanti taʼ l-​Istat, għalkemm mill-​1931 ma ntużax iktar bħala residenza rjali. Il-​ġonna simetriċi tal-​palazz iwasslu sax-​xmara li hemm ’l isfel mill-​palazz.

Il-​Palazz t’Aranjuez. Aranjuez tinsab madwar 50 kilometru lejn in-​nofsinhar tal-​belt kapitali, ħdejn ix-​xmara Tagus. L-​inħawi fertili kif ukoll il-​klima moderata tagħha għamlu din il-​belt il-​post favorit taʼ Filippu II, li beda l-​bini tal-​palazz. Il-​palazz u l-​ġonna mill-​isbaħ tiegħu tlestew fis-​seklu 18 minn Karlu III.

El Escorial. Ftit wara li Filippu II għamel lil Madrid il-​belt kapitali tiegħu, hu beda jibni dan il-​kumpless enormi li fih monasterju, librerija, musulew, u palazz. Il-​bini ħa iktar minn 20 sena u sar iċ-​ċentru taʼ l-​imperu taʼ Filippu, post sempliċi fejn setaʼ jmur u jaħdem bla ma jiġi mfixkel. Fih hemm wieħed mill-​iktar manuskritti Spanjoli importanti, inkluż xi verżjonijiet medjevali tal-​Bibbja bl-​Ispanjol.

Il-​Palazz t’El Pardo. Dan il-​post irjali għall-​kaċċa jinsab f’park reġjonali li jmiss mal-​belt taʼ Madrid. Missier Filippu II bena l-​istruttura oriġinali, u l-​bitħa interna ilha teżisti minn dak il-​perijodu.

F’La Granja de San Ildefonso, li tinsab madwar 80 kilometru lejn it-​tramuntana, hemm palazz iktar lussuż. Kien inbena minn Filippu V u għamlu jixbah il-​Palazz taʼ Versailles, fejn trabba. Il-​ġonna elaborati u l-​funtani jagħmlu kuntrast mal-​foresti kbar taʼ l-​arżnu li jiksu l-​muntanji taʼ madwar.

[Sors]

Foto: Cortesía del Patrimonio Nacional, Madrid, España

[Kaxxa/Stampi f’paġna 18]

XI WĦUD MILL-​MONUMENTI FAMUŻI TAʼ MADRID

Plaza Mayor (1). Għal iktar minn tliet sekli, din il-​pjazza serviet bħala suq u post prinċipali għal ġrajjiet pubbliċi bħalma huma l-​ġlied tat-​toru, l-​inkurunazzjonijiet, u l-​esekuzzjonijiet taʼ l-​hekk imsejħa eretiċi. Pittura li qiegħda fil-​Mużew Prado (2) tiddeskrivi panorama ħajja tal-​Plaza Mayor waqt auto-da-fé, jew proċess taʼ l-​eretiċi fil-​pubbliku, li nżamm f’Madrid fl-​1680.

Il-post fejn jiltaqaʼ l-​kunsill lokali jinsab fil-​Plaza de la Villa, il-​pjazza antika ħelwa fejn kienu jinżammu l-​ewwel laqgħat uffiċjali tal-​belt. Il-​pjazza hi mdawra b’bini antik u għad għandha l-​karatteristiċi taʼ Madrid tas-​seklu 16. Ftit ’il bogħod, il-​viżitaturi jistgħu jaraw il-​Puerta del Sol l-​iktar pjazza mimlija attività fil-​belt u li minnha jibdew it-​toroq kollha li joħorġu minn Madrid għall-​provinċji l-​oħra. Postijiet interessanti bħal dawn jinsabu fil-​parti l-​iktar antika tal-​belt.

Hekk kif Madrid kompliet tikber, rejiet tad-​dinastija tal-​Burboni—speċjalment Karlu III—bnew jew komplew il-​bini taʼ monumenti oħra, u ħafna drabi kienu jimxu fuq l-​istil t’arkitettura taʼ Franza, minfejn kienu ġejjin il-​Burboni. Xi eżempji taʼ dawn huma l-​Palazz Irjali, il-​Librerija Nazzjonali (3), il-​Mużew Muniċipali (4), il-​Funtana taʼ Ċibele (5), il-​Funtana taʼ Nettunu, u l-​Puerta de Alcalá (6).

[Sorsi]

Ritratt 2: MUSEO NACIONAL DEL PRADO; ritratti 5 u 6: Godo-Foto

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja