Il-Ħarsa tal-Bibbja
Hija Dgħjufija li Tkun Ġentili?
“Ilsir tal-Mulej m’għandux għalfejn jiġġieled, imma għandu jkun ġentili maʼ kulħadd.”—2 Timotju 2:24.
QABEL ma nitwieldu, il-ġilda tagħna tibda tiżviluppa l-abbiltà li tħoss. Mit-twelid nixxennqu għall-karezzi teneri t’ommna. Fit-tfulija, it-tendenza tagħna li nitbissmu, l-abbiltà li niżviluppaw emozzjonalment, u saħansitra x-xewqa tagħna li niksbu l-abbiltà li nikkomunikaw jiġu influwenzati mill-ammont t’affezzjoni li nirċievu mill-ġenituri tagħna.
Madankollu, il-Bibbja bassret li matul l-aħħar jiem, in-nies ikunu “diżubbidjenti lejn il-ġenituri, ingrati, żleali, mingħajr imħabba naturali.” Kwalitajiet teneri bħall-qalb tajba u l-mogħdrija se jkunu neqsin ħafna peress li n-nies “ikunu jħobbu lilhom infushom” u jkunu “feroċi, mingħajr imħabba għat-tajjeb.”—2 Timotju 3:1-3.
Ħafna llum iħossu li għandhom ikunu ħorox u bla qalb. Isostnu li l-ġentilezza hija sinjal taʼ dgħjufija. Iżda huwa dan veru?
Ġentili, iżda Setgħana
Alla Ġeħova hu deskritt bħala “gwerrier.” (Eżodu 15:3) Hu s-Sors aħħari taʼ kull setgħa. (Salm 62:12 [62:11, NW]; Rumani 1:20) Iżda, is-saħħa taʼ Ġeħova ma tellfitux milli juri ‘affezzjoni b’tenerezza kbira u ħniena’ meta ġie biex jippremja lil Ġob, raġel li wera fedeltà. (Ġakbu 5:11) Fil-mod kif kien jittratta lill-ġens taʼ Iżrael, Ġeħova ddeskriva l-iktar relazzjoni tenera billi xebbah is-sentimenti li kellu lejhom maʼ dawk t’omm li treddaʼ u li tħoss “għal bin ġufha.”—Isaija 49:15.
Ġesù wkoll wera kemm is-saħħa u kemm il-ġentilezza. Hu akkuża bl-aħrax lill-mexxejja reliġjużi ipokriti taʼ żmienu. (Mattew 23:1-33) Ukoll, keċċa b’saħħa lis-sarrafa tal-flus rgħiba minn ġot-tempju. (Mattew 21:12, 13) Iżda, għamlitu bla qalb lil Ġesù l-mibegħda li kellu għall-korruzzjoni u r-regħba? Xejn affattu! Ġesù kien magħruf għall-ġentilezza li wera m’oħrajn. Tabilħaqq, hu saħansitra qabbel lilu nnifsu maʼ qroqqa li “tiġbor il-flieles tagħha taħt ġwinħajha.”—Luqa 13:34.
Qoxra Iebsa jew Saħħa Ġewwinija?
Il-Kristjani veri huma inkuraġġiti biex jimitaw lil Kristu billi jilbsu “l-personalità l-ġdida li nħolqot skond ir-rieda t’Alla.” (Efesin 4:20-24) Jintqalilna biex ninżgħu “l-personalità l-qadima bid-drawwiet tagħha,” bħall-granċ li jwaqqaʼ l-qoxra l-qadima sabiex ikun jistaʼ jikber. (Kolossin 3:9) Iżda, kuntrarju għall-granċ li malajr jerġaʼ jwebbes il-qoxra tiegħu wara li jkun waqqaʼ l-qoxra l-qadima, aħna niġu kmandati biex nilbsu b’mod permanenti ‘sentimenti profondi taʼ mogħdrija u qalb tajba u sabar fit-tul.’ (Kolossin 3:12) Għalhekk, waħda mill-kwalitajiet li jispikkaw fina għandha tkun il-ġentilezza.
Li nilbsu kwalitajiet teneri m’huwiex sinjal taʼ dgħjufija. Għall-kuntrarju, dan jirrikjedi li nsiru “setgħanin bil-qawwa permezz taʼ l-ispirtu [taʼ Ġeħova] fil-bniedem li [aħna] minn ġewwa.” (Efesin 3:16) Per eżempju, raġel jismu Lee jgħid: “Ftit ilu kont bniedem brutali u mill-agħar. Anki l-apparenza tiegħi kienet taʼ theddida, għax kelli diversi partijiet taʼ ġismi mtaqqbin bil-body piercing. Kont determinat li nagħmel ħafna flus u ma kontx naħsibha darbtejn biex nuża kliem baxx u vjolenza biex nieħu dak li rrid. Ma kellix mogħdrija.” Minkejja dan, Lee beda jistudja l-Bibbja maʼ wieħed minn sħabu tax-xogħol u sar jaf lil Alla Ġeħova u sar iħobbu. Hu neżaʼ l-personalità l-qadima tiegħu u tgħallem jikkontrolla ruħu. Issa jesprimi mħabbtu għan-nies billi, bħala volontier, juża mill-ħin tiegħu biex jgħinhom jistudjaw il-Bibbja.
Kien hemm żmien meta anki l-appostlu Pawlu kien “raġel insolenti” li kien jirrikorri għall-vjolenza biex jagħmel dak li kellu f’moħħu. (1 Timotju 1:13; Atti 9:1, 2) Iżda, meta Pawlu beda japprezza l-ħniena u l-imħabba li ntwera mingħand Alla Ġeħova u Ġesù Kristu, hu rreaġixxa billi stinka biex jimita dawn il-kwalitajiet. (1 Korintin 11:1) Għalkemm Pawlu żamm sod fejn kienu jidħlu l-prinċipji Kristjani, hu tgħallem ikun ġentili meta kien jittratta m’oħrajn. Tabilħaqq, Pawlu ma kienx iżomm lura milli jesprimi affezzjoni tenera lejn ħutu.—Atti 20:31, 36-38; Filemon 12.
Niksbu s-Saħħa biex Inkunu Ġentili
Kif juru l-esperjenzi taʼ Lee u taʼ l-appostlu Pawlu, mhux il-każ li wieħed jiddgħajjef fil-karattru tiegħu biex jitgħallem jittratta bil-ġentilezza m’oħrajn. Fil-fatt, hu pjuttost l-oppost. Wieħed għandu bżonn taʼ saħħa vera biex jibdel il-ħsibijiet u l-azzjonijiet tiegħu u biex jiġġieled it-tendenza umana li ‘jrodd ħsara bi ħsara.’—Rumani 12:2, 17.
Aħna wkoll nistgħu nitgħallmu nuru sentimenti profondi taʼ mogħdrija billi naqraw il-Kelma t’Alla regolarment u nimmeditaw fuq l-imħabba u l-ħniena li Alla Ġeħova u Ibnu, Ġesù Kristu, diġà wrew magħna. Billi nagħmlu hekk, inħallu l-qawwa tal-Kelma t’Alla trattbilna qlubna. (2 Kronaki 34:26, 27; Ebrej 4:12) Minkejja l-ambjent taʼ familja li ġejjin minnu jew minkejja kemm għaddejna minn esperjenzi ħorox fil-ħajja, nistgħu nitgħallmu nkunu “ġentili maʼ kulħadd.”—2 Timotju 2:24.
[Stampa f’paġna 26]
Missier tajjeb ikun ġentili maʼ wliedu