LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g04 3/8 pp. 15-17
  • Skopri l-Kantina taʼ l-Inbid fil-Moldova

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Skopri l-Kantina taʼ l-Inbid fil-Moldova
  • Stenbaħ!—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Tinżamm Tradizzjoni Antika
  • Mawra bil-​Karozza f’Raħal taħt l-​Art
  • Is-Sigriet tal-Bżieżaq
    Stenbaħ!—2002
  • Huwa x-Xorb Żejjed Tassew Ħażin?
    Stenbaħ!—2004
Stenbaħ!—2004
g04 3/8 pp. 15-17

Skopri l-​Kantina taʼ l-​Inbid fil-​Moldova

MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FIL-​MOLDOVA

MIDFUN xi 80 metru taħt il-​pajjiż taʼ Cricova, raħal f’Chişinău, il-​kapitali tal-​Moldova, insibu labirint taʼ mini twil 120 kilometru magħmul mill-​bniedem. Fil-​passat, f’dawn l-​għerien mudlama kienu jħaffru għall-​ġebel tal-​ġir.

Madankollu, għal dawn l-​aħħar 50 sena, il-​kantini friski taʼ taħt l-​art ipprovdew post eċċellenti biex jinħażnu l-​aqwa nbejjed fl-​Ewropa. Ħafna ringieli taʼ btieti u fliexken jimlew iktar minn 60 kilometru taʼ mini fil-​kantina antika. Minħabba li din il-​kantina tistaʼ taħżen 93 miljun gallun inbid, jingħad li din hija l-​akbar kantina taʼ l-​inbid fix-​xlokk taʼ l-​Ewropa.

Tinżamm Tradizzjoni Antika

Il-​Moldova huwa pajjiż ideali biex fih jiġi kultivat l-​għeneb. Dan il-​pajjiż jinsab fl-​istess latitudni tal-​provinċja taʼ Borgonja fi Franza, li hi magħrufa għall-​inbid li tipproduċi, u għandu temp moderat li jsaħħan il-​ħamrija fertili tiegħu. Il-​produzzjoni taʼ l-​inbid fil-​Moldova tmur lura għas-​sena 300 Q.E.K., meta n-​negozjanti Griegi ġabu l-​ewwel dwieli lejn dan il-​pajjiż. Matul is-​sekli taʼ wara, it-​tradizzjoni tal-​produzzjoni taʼ l-​inbid kompliet, avolja l-​pajjiż ġie maħkum mill-​Goti, mill-​Unni, u minn diversi sidien fewdali.

L-Imperu Ottoman ħakem il-​pajjiż bejn is-​16 u t-​18-il seklu u minħabba raġunijiet reliġjużi skuraġġixxa l-​produzzjoni taʼ l-​inbid. Madankollu, fis-​seklu 19, il-​kżarijiet Russi sostnew li l-​art kienet tagħhom bi dritt u inkuraġġew ħafna l-​industrija taʼ l-​inbid. Huma ġabu fil-​pajjiż varjetà taʼ għeneb minn Franza, u d-​dwieli kibru ġmielhom. Wara t-​tieni gwerra dinjija, il-​gvern li beda jaħkem mill-​ġdid fuq il-​Moldova, l-​Unjoni Sovjetika, uża sistema biex jimmodernizza l-​industrija taʼ l-​inbid. Fil-​fatt, din is-​sistema għamlet lill-​Moldova ċ-​ċentru taʼ l-​Unjoni Sovjetika kollha għall-​produzzjoni taʼ l-​inbid u l-​frott. Kienu s-​Sovjetiċi l-​ewwel uħud li rrealizzaw li dawn il-​mini kienu eċċellenti biex jaħżnu l-​inbid fihom. Ejja mmorru dawra flimkien f’din il-​kantina unika u nitgħallmu ftit mis-​sigrieti tagħha.

Mawra bil-​Karozza f’Raħal taħt l-​Art

Hekk kif nivvjaġġaw lejn il-​fabbrika taʼ l-​inbid ninnotaw daħla forma taʼ torri, li hija parti minn bini maqtugħ fil-​ġebel tal-​ġir. Il-​bini qisu xalè fil-​kampanja taʼ Franza. Madankollu, din l-​istruttura ma tagħtix indikazzjoni dwar kemm hu kbir il-​bini li qiegħed midfun taħt l-​art. Ftit ’il bogħod mill-​grada prinċipali naraw quddiemna l-​fetħa kbira tal-​mina u ninsabu skantati bil-​kobor tagħha. Żewġ trakkijiet jistgħu jaqbżu lil xulxin mingħajr ebda problema.

Bil-karozza, ninżlu f’labirint taħt l-​art, u wara biss ftit minuti taʼ sewqan, tingħaqad magħna l-​gwida turistika tagħna. Id-​dawriet kollha li hemm f’dan il-​labirint iġagħluna nirrealizzaw li nistgħu nintilfu faċilment mingħajr l-​għajnuna tal-​gwida.

Xi ħadd minna jistaqsi, “X’sar mill-​ġebel tal-​ġir li xi darba kienu jħaffru għalih hawnhekk?”

“Intuża fil-​proġetti taʼ kostruzzjoni f’Chişinău,” twieġeb hi. “Il-​ġebel tal-​ġir huwa tajjeb ħafna għall-​bini, ladarba dan jipproteġi l-​materjal u ma jħallix il-​ħsejjes jippenetraw.”

Hekk kif ninżlu madwar 70 metru taħt l-​art, id-​dawl fil-​mina jibda jonqos, u joħloq atmosfera stramba u ftit mudlama. Nieqfu f’salib it-​toroq, fejn hemm ringieli twal taʼ btieti enormi taʼ l-​inbid li jiħduk f’direzzjonijiet differenti. Ninnotaw li t-​toroq huma msemmijin għal diversi tipi taʼ nbid. Pinot, Feteasca, u Cabernet huma biss ftit mill-​ismijiet li jqanqlulna l-​immaġinazzjoni.

Il-gwida tagħna tgħidilna li l-​btieti tal-​ballut jintużaw l-​iktar fil-​produzzjoni taʼ nbejjed bla tfexfix, filwaqt li l-​btieti tal-​metall jintużaw biex jagħmlu nbid ifexfex. Naraw verament ftit ħaddiema, u għalhekk nistaqsu kemm nies jaħdmu hawnhekk. Hi twieġeb: “Għandna madwar 300 impjegat. Matul is-​sena kollha, jilbsu ħwejjeġ ħoxnin minħabba t-​temperatura friska. Il-​ħaddiema tagħna jemmnu li din mhux biss tagħmel il-​ġid lill-​inbid iżda wkoll il-​bnedmin jibqgħu jħossuhom żgħar fiha, allura ma tantx idejjaqhom il-​ksieħ.”

Il-​produzzjoni taʼ l-​inbid ifexfex huwa dak li se naraw issa. Naraw mijiet taʼ fliexken immejlin rashom ’l isfel f’angolu taʼ 30 grad. Jintqalilna: “Meta l-​fliexken jiġu mmejlin f’dan l-​angolu, it-​tartru jinġabar fuq it-​tapp tas-​sufra. Wara li dan isir, jiffriżaw it-​tapp tas-​sufra. Issa t-​tapp tas-​sufra jistaʼ jinqalaʼ faċilment flimkien mat-​tartru, u mbagħad il-​flixkun ikun lest biex jiġi siġillat b’tapp tas-​sufra.”

Malajr naslu fil-​post fejn jaħżnu l-​fliexken taʼ l-​inbejjed taʼ staġun tajjeb. Il-​gwida tagħna tintroduċi dan il-​post billi tgħid: “Iktar minn miljun flixkun taʼ nbid taʼ staġun tajjeb huma maħżuna hawnhekk. Kważi l-​pajjiżi Ewropej kollha li jipproduċu l-​inbid iddepożitaw ftit mill-​aqwa prodotti tagħhom fil-​kantini taʼ taħt l-​art tagħna. L-​eqdem inbid huwa dak taʼ l-​1902, flixkun tal-​Qbiż Lhudi minn Ġerusalemm. Xi ftit tas-​snin ilu, wieħed offra iktar minn Lm43,000 għal dan il-​flixkun. Madankollu, l-​offerta ġiet rifjutata. Jidher ċar li dan il-​flixkun ġie kunsidrat bħala li hu imprezzabbli.”

Jintqalilna wkoll li l-​fliexken taʼ l-​inbid f’dan il-​post normalment jinħażnu fi dlam ċappa, minbarra l-​ftit minuti meta xi grupp iżur dan il-​post. Hekk kif malajr niflu t-​tikketti tal-​fliexken miksijin bit-​trab, nirrealizzaw li bosta mill-​inbejjed għandhom żmien iktar minna!

Id-dawra tagħna tispiċċa fil-​kmamar fejn tistaʼ dduq l-​inbid. L-​akbar kamra tissejjaħ Is-​Sala Presidenzjali tal-​Pranzu. Fiha hemm mejda twila ħafna tal-​ballut bis-​siġġijiet pariġġ fejn jistgħu jpoġġu 65 persuna. Matul l-​era Sovjetika, din il-​kamra kienet tintuża għall-​pranzijiet uffiċjali taʼ l-​Istat. Illum, dan il-​post imdawwal sew b’sala mimlija kuluri jgħajtu, għadu post addattat fejn isiru funzjonijiet uffiċjali taʼ l-​Istat.

F’Sala Casa Mare (il-Kamra tal-​Mistidnin) jistgħu jpoġġu 15-il persuna u l-​għamara hija kollha fuq stil tradizzjonali tal-​Moldova, filwaqt li fis-​Sala tal-​Pranzu t’Isfel tal-​Baħar Sarmatiku jistgħu jpoġġu 10 persuni biex iduqu u jieklu madwar mejda tonda. L-​iktar aspett interessanti taʼ din il-​kamra huwa s-​saqaf. Oriġinalment din il-​kamra kienet għar taħt l-​ilma, u hawnhekk tistaʼ tara ċar fossili tal-​gandoffli u fdalijiet oħra tal-​ħajja akkwatika. Il-​gwida turistika tfakkarna li fil-​passat il-​Moldova kienet, fil-​fatt, “fil-​qiegħ tal-​Baħar tas-​Sarmazja.”

L-għamara taʼ dawn il-​kmamar kollha, inkluż is-​Sala tal-​Pranzu Yury Gagarin, saret mis-​siġar tal-​ballut li jikbru f’dan il-​post. Dan il-​kosmonawta magħruf żar lil Cricova fit-​8 u d-​9 t’Ottubru, 1966. Hu kiteb ittra taʼ apprezzament u fiha qal li ‘anki l-​akbar kritiku taʼ l-​inbid se jsib inbid li jkun jogħġbu.’

Il-gwida tagħna tosserva: “Ġew iżuruna nies minn iktar minn mitt pajjiż differenti tul dawn il-​50 sena li ilhom jeżistu dawn il-​kantini. Tul iż-​żminijiet Sovjetiċi, l-​inbejjed ifexfxu tagħna kienu magħrufin bħala x-​xampanja Sovjetika. Ftit kienu dawk li kienu jafu li dawn ġew mill-​Moldova. Illum inbigħu l-​inbejjed ifexfxu tagħna bil-​marka Cricova, u għandna varjetà taʼ nbid aħmar u abjad.” Aħna napprezzaw l-​informazzjoni kollha li tatna l-​gwida u nirringrazzjawha għad-​dawra mill-​aqwa li ħaditna.

Hekk kif nitilqu minn dan il-​labirint taʼ taħt l-​art, inħossuna qisna ġejna minn dinja oħra. Barra hemm is-​sħana u x-​xemx. Lanqas tara sħaba waħda fis-​sema. Fi triqitna lura lejn Chişinău, ngħaddu minn ħdejn ringieli li ma jispiċċaw qatt taʼ dwieli kultivati sew mimlijin għeneb kważi lesti għall-​ħsad.

[Mappa f’paġna 17]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-​test, ara pubblikazzjoni)

L-​UKRAINA

IR-​RUMANIJA

IL-​MOLDOVA

Chişinău

[Stampa f’paġna 16]

Il-​Fabbrika taʼ l-​Inbid f’Cricova, bid-​daħla qisha torri

[Stampa f’paġna 16]

Wieħed mis-​sinjali tat-​toroq fil-​labirint taʼ mini taħt l-​art twil 120 kilometru

[Stampa f’paġna 16]

Il-​mina minfejn jidħlu l-​karozzi għall-​kantini taʼ l-​inbid

[Stampa f’paġna 16]

Iktar minn miljun flixkun taʼ l-​inbid taʼ staġun tajjeb jinħażnu hawnhekk

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja