Tpinġija taʼ Nies b’Fama Tajba u b’Fama Ħażina
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FIL-BRITANNJA
ĠIELI pprovajt tpinġi wiċċ taʼ bniedem? M’hijiex ħaġa faċli. Imma xi ngħidu jekk ikollok tpinġi lil xi ħadd li għadek kemm rajt l-ewwel darba, u rajtu għal ftit minuti biss? Biex tkun iktar diffiċli, trid taħdem biss minn fuq dak li tiftakar dwar il-fattizzi li rajt. Fl-aħħarnett, it-tpinġija tiegħek bil-lapsijiet tal-kulur, li tkun pinġejt minn moħħok, trid tkun lesta biex tidher fuq it-televixin fi 30 minuta!
Għal ħafna minna, tkun xi ħaġa impossibbli li nilqgħu sfida bħal din. Imma, fil-Britannja hemm numru żgħir taʼ rġiel u nisa li jispeċjalizzaw f’dan ix-xogħol. Min huma? L-artisti tal-qorti.
Limitazzjonijiet Legali
Il-kawżi fil-qorti jiġbdu ħafna l-attenzjoni tal-pubbliku, u f’ħafna pajjiżi huwa komuni ħafna li dawn jixxandru fuq it-televixin u jittiħdulhom ritratti. Imma fil-Britannja mhux hekk. In-nies huma projbiti għalkollox li “fi kwalunkwe qorti jipprovaw jagħmlu xi tpinġija jew xbieha taʼ ebda persuna”—inkluż taʼ l-imħallfin, il-ġurati, jew ix-xhieda kif ukoll taʼ dawk imressqin quddiem il-qorti jew il-priġunieri.a Hawnhekk tidħol is-sengħa taʼ l-artisti tal-qorti, li juru lill-mezzi tax-xandir dak li jiġri fil-qorti.
Biex nitgħallem iktar dwar dan ix-xogħol affaxxinanti, żort wirja taʼ l-arti f’Londra. F’sezzjoni popolari li kien hemm, iltqajt maʼ Beth, waħda minn dan il-grupp speċjali t’artisti. “Kemm ikollok ħin biex tħares lejn wieħed li jitressaq quddiem il-qorti?” kienet l-ewwel mistoqsija tiegħi.
Il-Ħin u Dak li Trid Tagħmel
“Meta priġunier ikun fl-iżbarra matul l-ewwel seduta, normalment hu jibqaʼ hemm għal xi żewġ minuti jew naqra iktar, imma dak ikun biżżejjed,” żguratni Beth. “Ikolli ħin biex nidentifika l-karatteristiċi tar-ras u l-istil tax-xagħar kif ukoll il-forma taʼ l-imnieħer, l-għajnejn, ix-xofftejn, u l-ħalq. Irrid inżomm ġo moħħi wkoll il-wisaʼ tal-wiċċ, it-tul tal-moħħ, u d-daqs tal-qarquċa tal-widna kif ukoll fattizzi oħrajn bħal xi daqna jew nuċċali. Wara dan biss jistaʼ jkolli l-informazzjoni bażika għal tpinġija dettaljata.
“Xi drabi, ix-xogħol tiegħi jsir iktar diffiċli. Per eżempju, f’każ reċenti, kien hemm 12-il raġel fl-iżbarra! Veru, huma baqgħu hemm għal 15-il minuta, imma biex iddaħħal 12-il wiċċ fi tpinġija waħda trid ħafna konċentrazzjoni. Jien għandi dik li tissejjaħ memorja viżiva, imma kelli niżviluppaha maż-żmien. X’ħin noħroġ mill-awla, jekk nagħlaq għajnejja, irrid niftakar b’mod ċar l-uċuħ li rajt.”
“Kemm jiħodlok ħin biex tagħmel riċerka taʼ xi fatti dwar in-nies li tkun se tiltaqaʼ magħhom il-qorti?” komplejt nistaqsi. It-tweġiba taʼ Beth verament skantatni.
“Kuntrarju għal riporter, jien ma nagħmel l-ebda riċerka. Nasal il-qorti mingħajr ma nkun fassalt xejn f’moħħi dwar il-każ, u nagħmel kull sforz biex ma npoġġi l-ebda interpretazzjoni minn tiegħi f’xogħli. Jien nipprova nagħmel ħilti biex nifforma stampa taʼ dak li jiġri fil-qorti, fejn l-espressjonijiet jinbidlu minn ġurnata għall-oħra. Irrid inżomm f’moħħi li l-ġurati jistgħu jaraw it-tpinġijiet tiegħi, kemm fuq it-televixin kif ukoll f’xi gazzetta nazzjonali, u ma rridx ninfluwenza lil xi wieħed minnhom biex jgħid, ‘Ara x’espressjoni taʼ ħati għandu dan!’ F’dan l-aspett importanti, l-arti fil-qorti hija differenti ħafna mill-pittura taʼ persuna.”
“Il-Waqt”
Meta staqsejt lil Beth x’kien is-sigriet tas-suċċess tagħha hi wieġbet: “Jien infittex dak il-waqt partikulari li jiġbor l-atmosfera kollha tal-proċess. Per eżempju, meta wieħed akkużat ħeba wiċċu f’idejh, dik il-mossa tant ġabret il-każ kollu kontrih tajjeb. Darb’oħra, l-espressjoni fuq wiċċ waħda mara meta staqsewha, ‘Inti omm tajba?’ kienet tweġiba aħjar mir-risposta li tat. Bl-istess manjiera, xi maktur jimsaħ xi demgħa jistaʼ juri emozzjonijiet ġewwinija.
“Artist tal-qorti jrid ukoll jinkludi l-atmosfera tal-qorti li tiġbor fiha lill-imħallef, l-avukati, l-uffiċjali tal-qorti, kif ukoll il-kotba, id-dawl, u l-għamara. Stampa kompluta bħal din hija xi ħaġa li l-maġġorparti tan-nies qatt ma se jirnexxilhom jarawha huma stess b’għajnejhom, allura tinteressahom. Fejn nagħmilhom it-tpinġijiet tiegħi? Kultant fil-kamra li tintuża mill-ġurnalisti, imma iktar iva milli le, inħobb inpoġġi bil-qiegħda xi mkien fuq taraġ għall-kwiet. Imma mbagħad inkun irrid niġri lura biex inżid iktar uċuħ maʼ l-istampa li nkun għamilt meta jgħajtu lil xi xhud ġdid jew meta l-avukat tad-difiża jkellem lill-qorti.” Bi tbissima, Beth kompliet: “Iva, u naf ukoll li ħafna mit-tpinġijiet tiegħi issa jinsabu mdendlin fl-uffiċċji taʼ l-avukati.”
Kollni interess, jien bdejt inħares lejn it-tpinġijiet li kellha fil-wirja. Kollha bdew ifakkruni tant ċar f’każijiet tal-qorti li jinvolvu nies kemm b’fama tajba kif ukoll b’fama ħażina li kont qrajt dwarhom f’dawn l-aħħar snin. Wara xi għaxar minuti, x’ħin bdejt illesti biex nitlaq, b’qalb tajba Beth newlitli tpinġija bil-lapsijiet tal-kulur. Kienet tiegħi.
[Nota taʼ taħt]
a Dan ma japplikax fl-Iskozja.
[Stampi f’paġna 22, 23]
Tpinġija t’awla u kif dehret f’gazzetta (xellug)
[Sors]
© The Guardian