Ħarsa Lejn id-Dinja
Skart Mibdul f’Deheb
Kumpanija fl-industrija tal-minjieri ġewwa l-Ġappun sabet metodu faċli li jrendi iktar qligħ biex tikseb metalli prezzjużi. Minflok ma tqattaʼ ħafna ħin u tonfoq ħafna flus biex tfittex il-minerali, kumpanija fil-Prefettura taʼ Akita għat-tidwib u l-irfinar qed iddewweb biċċiet mit-telefons ċellulari u kompjuters mormijin biex tieħu minnhom il-metalli prezzjużi, tirrapporta l-gazzetta IHT Asahi Shimbun taʼ Tokjo. Skond il-president tal-kumpanija, “tunnellata taʼ telefons ċellulari—mingħajr il-batteriji—jistgħu jipproduċu diversi mijiet taʼ grammi taʼ deheb.” Meta tqabbilhom mal-metodi tradizzjonali li jintużaw fix-xogħol tal-minjieri, ir-riżultat li joħroġ minn kull tunnellata f’din il-“minjiera metropolitana” jistaʼ jkun madwar għaxar darbiet iktar minn dak li joħroġ mill-minerali. Iktar minn hekk, ma kienx hemm bżonn li l-kumpanija toħroġ iktar flus biex tibdel l-apparat li jipproċessa l-materjal, għax ma tantx hemm differenza bejn li tieħu d-deheb mit-telefons ċellulari u li tieħu l-metalli mill-minerali.
Iljami taʼ l-Għassa
Sabiex jgħassu n-nagħaġ tagħhom, il-ħaddiema fl-għelieqi kbar taʼ l-Amerika taʼ Fuq qed jużaw l-iljami. Skond The Globe and Mail tal-Kanada, l-iljami “jħossu li hemm ħafna affarijiet li jixxiebhu bejnhom u bejn l-annimali li magħhom iqattgħu l-ħin.” Huma jgħassu l-merħla tagħhom b’mod aggressiv billi jagħtu twissija, jiġbru n-nagħaġ flimkien, ikeċċu lil min jaqbad u jidħol, u jagħtu b’saqajhom taʼ quddiem jew taʼ wara lill-predaturi. Saħansitra xi bdiewa jippreferu l-iljami mill-klieb taʼ l-għassa għax huma relattivament irħas biex tixtrihom. Iktar minn hekk, tgħid il-gazzetta, “peress li l-iljami jirgħu u jorqdu man-nagħaġ, m’hemmx bżonn iżjed spejjeż biex jieħdu ħsiebhom—u jistgħu jdumu ħajjin ħafna iżjed minn xi razez popolari tal-klieb taʼ l-għassa.” Bidwi Kanadiż li għandu n-nagħaġ u li juża l-iljami ddeskriva l-vantaġġi b’dan il-mod: “Ma jiswewlekx ħafna flus,” u “ma jinbħux.”
Sustanza Naturali Rifreskanti
Tim taʼ riċerkaturi fil-Ġermanja skoprew kimika naturali li hija 35 darba iktar rifreskanti mill-mentol, imma m’għandhiex it-togħma taʼ menta. Il-kimika, li tinsab b’mod naturali fil-birra u l-whisky, ġiet skoperta fiċ-Ċentru Ġermaniż taʼ Riċerka għall-Kimika taʼ l-Ikel f’Garching, Munich. Ir-rivista New Scientist tikkwota lil Thomas Hofmann, id-direttur tat-tim tar-riċerka, bħala li qal: “Tistaʼ tagħti togħma kiesħa u rifreskanti ħafna lil diversi prodotti, inkluż il-birra, l-ilma tal-flixkun, ix-xarbiet taċ-ċitru, iċ-ċikkulata u l-pasti.” U peress li din is-sustanza tinħass friska fuq il-ġilda f’doża taʼ 250 darba inqas mill-menta, hi tistaʼ żżid il-friskezza lill-kosmetiċi jew kremi tal-ġilda.
Id-Demel u l-Mikrobi b’Saħħithom Ħafna
“L-għelieqi madwar l-Ewropa huma mniġġsin b’livelli perikolużi taʼ antibijotiċi mogħtijin lill-annimali taʼ l-irziezet,” tirrapporta r-rivista New Scientist. Kull sena, iktar minn 10,000 tunnellata taʼ antibijotiċi jingħataw lill-annimali taʼ l-irziezet fl-Unjoni Ewropea u fl-Istati Uniti biex jikbru iktar malajr u ma jimirdux. “Iżda f’riċerka reċenti nstab li hemm konnessjoni diretta bejn iż-żjieda fl-użu taʼ dawn id-drogi fl-irziezet u l-fatt li mikrobi li jifilħu l-antibijotiċi issa bdew jinfettaw lin-nies,” tgħid ir-rivista. “Id-drogi, li jinsabu fid-demel li jintefaʼ fl-għelieqi bħala fertilizzant, għandhom mnejn jidħlu fl-ikel u l-ilma tagħna . . . , [u] iniġġsu l-prodotti tar-rabaʼ li mbagħad jittieklu,” tgħid in-New Scientist.
Nanniet għall-“Adozzjoni”
Xi familji fi Spanja ddeċidew li “jadottaw” 66 persuna anzjana li m’għandhomx qraba, tirrapporta l-gazzetta Spanjola El País. “L-għan taʼ dan il-programm . . . huwa li joffri alternattiva lil dawk li ma jistgħux jgħixu iktar waħedhom minflok ma jmorru f’dar taʼ l-anzjani,” tgħid il-gazzetta. Fost dawk li applikaw biex jieħdu lill-anzjani magħhom huma koppji miżżewġin taʼ xi 50 sena li jridu jqattgħu ħajjithom maʼ persuna anzjana. Familji oħra bit-tfal żgħar jgħidu li jixtiequ jkollhom nannu jew nanna d-dar. Għalkemm il-familji li jadottaw ix-xjuħ jieħdu sussidju, “m’humiex il-flus li tassew iqanqluhom jagħmlu dan,” tispjega d-direttriċi ġenerali tal-programm, Marisa Muñoz-Caballero. “Kieku kien hekk, malajr jixbgħu għax hija biċċa xogħol iebsa li tieħu ħsieb l-anzjani.”
Vjolenza Domestika fl-Ewropa
“Waħda minn kull ħames nisa Ewropej tesperjenza vjolenza mis-sieħeb tagħha xi darba f’ħajjitha,” qalet Anna Diamantopoulou, il-kummissarju Ewropew responsabbli għall-impjiegi u l-affarijiet soċjali. Fil-Konferenza Ministerjali fuq il-Vjolenza Kontra n-Nisa li saret fi Spanja fil-bidu taʼ din is-sena, Diamantopoulou nnotat: “Mad-dinja kollha n-nisa bejn il-15 u l-44 sena għandhom iktar ċans li jiġu mmankati jew imutu b’riżultat taʼ vjolenza mill-irġiel milli bil-kanċer, bil-malarja, bl-inċidenti tat-traffiku jew bil-gwerra kollha f’daqqa.” Fir-Renju Unit, “kull 3 ijiem tmut mara bħala riżultat taʼ vjolenza domestika,” filwaqt li “fl-Irlanda, iktar minn nofs in-nisa li jisfaw maqtula jinqatlu mis-sieħeb jew mir-raġel tagħhom.” U fl-Awstrija, tirrapporta l-gazzetta Franċiża Le Monde, “nofs il-każi kollha taʼ divorzju huma bbażati fuq ilmenti taʼ nisa miżżewġin li jiġu trattati ħażin minn żwieġhom.”
Kif Jiġi Evitat li t-Tfal Jegħrqu
F’26 mill-iktar pajjiżi għonja tad-dinja, it-tieni l-akbar raġuni għala t-tfal sa l-età t’14-il sena jmutu hi għax jegħrqu, jirrapporta l-BMJ (dak li qabel kien il-British Medical Journal ). Skond il-ġurnal, “it-trabi l-iktar li jistgħu jegħrqu huwa fid-dar (ġeneralment f’xi banju); it-trabi li jkunu għadhom kif telqu jimxu jistgħu jegħrqu l-iktar f’postijiet qrib id-dar fejn ikun hemm l-ilma bħal f’xi pixxina jew vaska; u t-tfal ftit akbar f’ilmijiet naturali bħalma huma għadajjar u xmajjar.” Biex jiġu evitati dawn l-inċidenti l-esperti jirrikkmandaw dan li ġej: Żomm għajnejk il-ħin kollu fuq trabi li jkunu fil-banju jew viċin xi post bl-ilma; jekk għandek xi vaska jew pixxina dawwarha b’xi tip taʼ lqugħ biex b’hekk taqtagħha mill-bqija tad-dar; tħallix it-tfal jgħumu waħedhom jew f’postijiet imwarrbin; ħu taħriġ biex tkun taf kif iġġib lil xi ħadd li jkun kważi għereq lura f’sensih.
Pubertà minn Età Żgħira
“Il-pubertà qed tibda minn età dejjem iżgħar,” tirrapporta l-gazzetta Ġermaniża Berliner Zeitung. M’għadhiex xi ħaġa rari li t-tfulija tispiċċa, għallinqas bijoloġikament, meta t-tfal ikunu bejn l-età taʼ 10 u 12-il sena jew anki iżgħar. Riċerkaturi madwar id-dinja kollha osservaw din it-tendenza imma m’humiex ċerti mir-raġunijiet. Bħala possibbiltajiet isemmu t-titjib fin-nutriment u l-fatt li l-mard infettiv naqas. Oħrajn jagħtu t-tort lil sustanzi velenużi fl-ambjent, speċjalment dawk li jixbhu lill-effetti taʼ l-ormon tan-nisa, l-estroġenu. Hi x’inhi r-raġuni, il-maturità sesswali minn kmieni tistaʼ twassal għal attività sesswali minn età żgħira. “Taʼ spiss, minn meta jilagħbu fir-ramel sakemm ikollhom l-ewwel esperjenza sesswali tagħhom jgħaddu biss ftit snin,” tgħid il-gazzetta.
Ir-Rabja Tistaʼ Toqtlok
“Nies li jitlgħalhom malajr għandhom iktar ċans li tagħtihom xi puplesija,” tinnota l-gazzetta Spanjola Diario Médico. It-tobba ilhom ħafna jassoċjaw l-imġiba aggressiva maʼ riskju akbar taʼ mard tal-qalb. Riċerka reċenti wriet li mġiba bħal din iżżid ukoll ir-riskju taʼ puplesija. Fi stħarriġ taʼ 14,000 adult, ir-riskju taʼ puplesija kien tliet darbiet akbar għal nies taħt is-60 sena li jitlgħalhom malajr. Għala? Milli jidher ir-rabja tistaʼ tikkaġuna “żjieda kbira” fil-pressjoni tad-demm, fid-djuq tal-vini, u fis-sustanzi li jgħaqqdu d-demm, u dawn “maż-żmien jistgħu jeffettwaw iċ-ċirkulazzjoni tad-demm fil-moħħ,” jgħid ir-rapport.