LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g03 1/8 pp. 25-27
  • Xogħol Mhux tas-Soltu Imma li Tant Hu għal Qalbi

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Xogħol Mhux tas-Soltu Imma li Tant Hu għal Qalbi
  • Stenbaħ!—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Ġbir taz-​Zkuk li Jintilfu
  • Sodisfazzjon Persunali u Ġid għall-​Ambjent
  • Djarju Interessanti Ħafna
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Nawfraġju fuq Gżira
    Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja
  • Kif Tgħallem lill-Kelb Tiegħek
    Stenbaħ!—2004
  • Ġesù jimxi fuq l-ilma
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2003
g03 1/8 pp. 25-27

Xogħol Mhux tas-​Soltu Imma li Tant Hu għal Qalbi

IL-​ĦOSS tal-​magna tad-​dgħajsa armata apposta għax-​xogħol tiegħi jikser il-​ħemda taʼ fil-​għodu jiena u ħiereġ mill-​port taʼ Gibson. Kollox għadu kwiet. Imma qed jisbaħ, u sar il-​ħin biex noħroġ infittex il-​“priża” tiegħi.

Mal-kosta tal-​punent tal-​Kanada, ħafna impjiegi għandhom x’jaqsmu mal-​foresti u l-​qtugħ tas-​siġar, u l-​istess huwa xogħli. Madankollu, ftit impjiegi huma strambi daqs tiegħi. Xogħli hu li niġbor iz-​zkuk tas-​siġar li jkunu ntilfu waqt il-​proċess tax-​xogħol. Dan m’huwiex xi xogħol ġdid. Fil-​fatt, il-​familji taʼ xi wħud minna ilhom f’dan ix-​xogħol għal erbaʼ ġenerazzjonijiet. Tistaʼ tgħid li aħna konna diġà qed nirriċiklaw qabel ma daħlet din il-​moda! Jien naħdem fl-​inħawi taʼ Howe Sound u l-​Istrett taʼ Georgia, bejn il-​gżira taʼ Vancouver u l-​kosta tal-​British Columbia. Dan ir-​reġjun huwa biss parti mid-​Distrett tal-​Ġbir taz-​Zkuk f’Vancouver.

Wieħed mill-​metodi prinċipali kif il-​kumpaniji li jqaċċtu s-​siġar iġorru z-​zkuk minn post għal ieħor huwa billi jiġbru z-​zkuk flimkien bejn żewġ ilqugħ f’wiċċ l-​ilma. Mod ieħor huwa bl-​użu taċ-​ċattri. It-​trasport taz-​zkuk fl-​ilma huwa mod effettiv u ekonomiku. U grazzi għall-​Oċean Paċifiku, hawn ilma kemm trid hawnhekk. Madankollu, hemm ħafna fatturi li jikkomplikaw xi ftit dan il-​proċess. Ir-​riħ u l-​marea tal-​baħar jinbidlu malajr, u ġieli tqum xi maltempata f’ħakka t’għajn. Minħabba f’hekk jintilfu ħafna zkuk x’ħin joħorġu minn bejn l-​ilqugħ. Huwa hawn fejn nidħlu aħna bix-​xogħol tagħna.

Il-​Ġbir taz-​Zkuk li Jintilfu

Il-​ħaddiema li għandhom il-​liċenzja biss jistgħu jiġbru z-​zkuk tajbin għas-​suq li joħorġu minn bejn l-​ilqugħ jew li jaqgħu minn fuq iċ-​ċattri. Dawn il-​ħaddiema jridu jħallsu l-​liċenzja kull sena, u l-​ewwel darba li jħallsuha, kull wieħed jingħata tip taʼ martell kbir biex jittimbra bin-​numru partikulari tal-​liċenzja tiegħu. Jistaʼ jinġabar kwalunkwe zokk li jinstab jgħum f’wiċċ l-​ilma jew li jitlaʼ x-​xatt, basta ma jkunx iktar ’il ġewwa mill-​ogħla livell tal-​marea tal-​baħar. L-​ewwel ma nagħmlu hu li nittimbraw iz-​zokk bin-​numru tal-​liċenzja tagħna.

Neħtieġu wkoll dgħajsa armata sew. Din m’għandhiex x’taqsam mad-​dgħajjes li jintużaw għal xi dawra fuq il-​baħar. Aħna nużaw dgħajjes żgħar raffi u b’saħħithom li jvarjaw minn dgħajjes b’muturi tal-​poppa sa laneċ taʼ l-​irmonk, imma kollha jkunu maħdumin sod. Mal-​pruwa jitwaħħlu snien tal-​ħadid li jintużaw biex jimbottaw iz-​zkuk, u magħna dejjem inġorru provvista adegwata taʼ ħbula ħoxnin, twal madwar 4 metri b’ganċ tal-​ħadid imqabbad mat-​tarf. Meta nsibu zokk li jgħodd għalina, indaħħlu sew il-​ganċ ġoz-​zokk u nqabbdu l-​ħabel maʼ pilastru apposta fuq id-​dgħajsa biex nirmonkawh minnu. Magħna nġorru wkoll it-​tagħmir neċessarju kollu għas-​sigurtà.

Wieħed li jkun għadu ġdid f’dan il-​mestier malajr jinduna li dan ix-​xogħol huwa iktar ikkomplikat milli jidher għall-​ewwel. Ix-​xogħol jibda mas-​sebħ, f’kull tip taʼ temp u matul is-​sena kollha. Fix-​xitwa, ġieli jkollna nkissru s-​silġ sempliċement biex noħorġu mill-​port.

Fejn insibuhom iz-​zkuk? Ħafna jiddependi minn żewġ fatturi prinċipali: il-​marea tal-​baħar u r-​riħ. Ħaddiem taʼ l-​esperjenza fil-​ġbir taz-​zkuk jikkonsulta tabella bil-​ħinijiet u l-​livell tal-​marea qabel ma joħroġ għax-​xogħol fil-​għodu. Iktar ma l-​baħar ikun mimli, iktar jinġabru zkuk. Barra minn hekk, meta l-​baħar ikun mimli, ikun eħfef għalina biex niġbdu z-​zkuk li jkunu max-​xatt.

Huwa dejjem importanti li wieħed joqgħod attent għall-​ajru. Aħna l-​ħin kollu niċċekkjaw kif ikun ir-​riħ, is-​sema, u ċ-​ċaqliq tas-​sħab, u niċċekkjaw ukoll il-​kulur taʼ l-​ilma. Riħ mix-​xlokk iġib miegħu x-​xita, filwaqt li riħ mill-​punent ġeneralment ifisser li se jkun bnazzi imma bil-​baħar imqalleb. Riħ grigal, meqjus mill-​Indjani tal-​post bħala riħ qawwi, fix-​xitwa jindika kesħa kbira, baħar imqalleb, borra, u zkuk mitlufin—almenu hekk nisperaw.

Mument eċċitanti huwa meta nigganċjaw zokk li jkun qed jgħum f’wiċċ l-​ilma, imma l-​eċċitament veru jiġi meta niġbdu z-​zkuk minn max-​xatt. Eżatt taħt wiċċ l-​ilma, jistaʼ jkun hemm blat moħbi u jekk naħbtu miegħu jistaʼ jagħmel ħafna ħsara lil żaqq id-​dgħajsa. Irridu noqogħdu b’sebaʼ għajnejn.

Wara li niġbru z-​zkuk, nirmonkawhom sa postijiet kennija apposta u norbtuhom hemmhekk. Imbagħad, darba fil-​ġimgħa ngħaddu minn dawn il-​postijiet u nirmonkaw iz-​zkuk kollha, minn 50 sa 100 wieħed. Minn hemm nibqgħu sejrin bihom lejn l-​istazzjonijiet fejn jintiżnu u jiġi kalkulat il-​valur tagħhom fis-​suq. Imbagħad nitħallsu skond il-​valur taz-​zkuk li nkunu ġbarna.

Dan għandu mnejn jidher mod sabiħ kif taqlaʼ l-​għajxien tiegħek, imma oqgħod attent! Xogħol bħal dan ma jgħoddx għall-​beżżiegħa. Jinvolvi ħafna perikli u riskji. Tistaʼ tipperikola ħajtek jekk ma tiħux it-​temp bis-​serjetà. B’xorti tajba, fl-​inħawi taʼ Howe Sound hemm ħafna postijiet fejn nistgħu nistkennu sakemm ibatti l-​maltemp. Riskju ieħor: Jekk ħaddiem jaljena rasu u jaqaʼ fl-​ilma friżat fix-​xitwa, f’temp taʼ ftit minuti jistaʼ jmut. U tiftakarhom dawk il-​ħbula bil-​ganċ fit-​tarf? Sewwa, jekk il-​ganċ ma jkunx qabad sew maz-​zokk, il-​ħabel jistaʼ jinqalaʼ u l-​ganċ jispara lura għal ġod-​dgħajsa. B’xorti tajba, ftit huma l-​ħaddiema li xi darba ntlaqtu minn dawn il-​ganċijiet—imma din tkun esperjenza li żgur qatt ma jinsewha.

Sodisfazzjon Persunali u Ġid għall-​Ambjent

Għala nħobb nagħmlu dan ix-​xogħol? Il-​medda baħar f’Howe Sound hija mfittxija ħafna għall-​vaganzi, u n-​nies jiġu hawn bid-​dgħajjes tal-​qlugħ u l-​kenuri tagħhom. Peress li hawn ħafna gżejjer, wieħed jistaʼ jsib mijiet taʼ djar tal-​villeġġjatura u għaldaqstant ħafna inġenji tal-​baħar. Matul il-​ġurnata, diversi vapuri jaħdmu bejn il-​gżejjer iż-​żgħar u l-​art prinċipali biex iġorru lin-​nies u lit-​turisti. Meta tqis il-​periklu li joħolqu dawn iz-​zkuk mitlufin f’wiċċ l-​ilma, tistaʼ tirrealizza kemm huwa importanti x-​xogħol tagħna.

Meta niġbru dawn iz-​zkuk mitlufin, inkunu qed ngħinu biex id-​dgħajjes ibaħħru fis-​sigurtà. Xi zkuk li jkunu ilhom ħafna żmien fl-​ilma jibdew jegħrqu. Xi drabi, iz-​zokk jibqagħlu biss ftit ċentimetri jidhru ’l fuq mill-​ilma, u dan joħloq periklu serju għall-​baħħara. Madankollu, dan ikun zokk li jgħodd għalina biex niġbruh u nbigħuh. Billi nagħmlu hekk, inkunu qed inżidu s-​sigurtà fil-​baħar u ngħinu wkoll biex inżommu l-​ambjent nadif.

Għalija dan ix-​xogħol huwa eċċitanti u affaxxinanti. L-​ebda ġurnata ma hi bħall-​oħra. Meta nkun fuq il-​baħar, il-​panorama li jkolli dawramejt tinbidel kull minuta. Fix-​xitwa ġieli rajt tlugħ ix-​xemx tant taʼ l-​għaġeb li s-​silġ taʼ fuq il-​muntanji jidher ileqq fir-​roża. F’mumenti bħal dawn, l-​arja kiesħa u mielħa ma nibdilha maʼ xejn.

Hawnhekk niltaqgħu maʼ ħafna annimali salvaġġi. Ġieli rajt lontri, ballottri, bumerini kbar, u viżibilju taʼ foki. Rajt ajkli jaqbdu l-​ħut u ċriev jgħumu minn gżira għal oħra lil hinn mill-​kosta. X’dehra taʼ l-​għaġeb meta tara denfil jilgħab fir-​rima tad-​dgħajsa, jew qtajjaʼ taʼ balieni griżi jew xi orki għaddejjin ilventi minn ġol-​mewġ!

Missier missieri beda jaħdem f’dan ix-​xogħol fis-​snin tletin. Hu għadda lil uliedu s-​subien din l-​imħabba li kellu għall-​baħar u għax-​xogħol tal-​ġbir mix-​xtut t’affarijiet utli jew li jistgħu jinbiegħu. Imbagħad, missieri għadda din l-​imħabba u r-​rispett għal dan ix-​xogħol lilna t-​tfal. Meta kbirt, jien ukoll għażilt li nagħmel dan ix-​xogħol. M’għandniex xi ngħidu, dan m’huwiex l-​iktar xogħol importanti f’ħajti. Is-​servizz tiegħi lil Alla jiġi l-​ewwel—u jġibli ħafna iktar barkiet. Imma jien kelli wkoll ix-​xorti li jkolli xogħol sekulari tant għal qalbi—u dan issa ili ngawdih għal kważi 50 sena. Għadni sa llum ħerqan biex immur infittex iz-​zkuk.

Xi drabi l-​familja tiegħi tiġi miegħi wkoll. F’xi lejla sħuna sajfija, ġieli noħorġu kollha u mmorru f’xi bajja nfittxu z-​zkuk. Trid tarana nirmonkawhom lejn il-​port bix-​xemx nieżla warajna, il-​gawwi jgħajjat fuq rasna, bir-​rima tad-​dgħajsa tleqq warajna, u d-​dawl ipetpet fuq ix-​xatt. Tassew tħossok fil-​paċi u qrib tal-​Ħallieq. Naħseb li din hija l-​akbar raġuni għala nħobb ix-​xogħol tiegħi.—Kontribwit.

[Stampa f’paġna 26]

Ħaddiem qed jorbot zokk li sab

[Stampi f’paġna 26]

Niltaqgħu maʼ ħafna annimali salvaġġi waqt ix-​xogħol tagħna

[Stampa f’paġna 27]

L-​istazzjon taʼ Howe Sound, fejn nieħdu z-​zkuk li nsibu, jibqaʼ jaħdem anki fix-​xitwa

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja