LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w26 Jannar pp. 26-31
  • Uża l-Ħlewwa Biex Tgħallem il-Verità

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Uża l-Ħlewwa Biex Tgħallem il-Verità
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)——2026
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • FEJN NISTGĦU NSIBU L-VERITÀ?
  • GĦALA NGĦIDU L-VERITÀ
  • KIF TGĦID IL-VERITÀ
  • META GĦANDEK TGĦALLEM IL-VERITÀ
  • Int Tagħraf il-Verità mill-Gideb?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
  • Sib it-Tweġibiet għal Dawn il-Mistoqsijiet
    2025-2026 Programm għall-Assemblea mal-Indokratur li Jżur il-Kongregazzjonijiet
  • L-Alla tal-Verità Dejjem Iżomm il-Wegħdi Tiegħu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)——2026
  • Kun Umli u Aċċetta li Hemm Affarijiet li Ma Tafx
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)——2026
w26 Jannar pp. 26-31

30 TAʼ MARZU–5 T’APRIL 2026

GĦANJA 76 Kif tħossok int dwar dan?

Uża l-Ħlewwa Biex Tgħallem il-Verità

“Ġeħova, l-Alla tal-verità.”—SLM. 31:5.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Kif tkun onest u kif tgħallem il-verità mill-Bibbja b’mod li jkun taʼ benefiċċju għal oħrajn.

1. Xi rridu nagħmlu biex inkunu parti mill-familja taʼ Ġeħova?

ĦAFNA drabi, meta niltaqgħu maʼ qaddej ieħor taʼ Ġeħova, l-ewwel mistoqsija li nistaqsuh tkun, “Kif tgħallimt il-verità?” Hemm min jgħidilna “trabbejt fil-verità” u hemm min jgħidilna “m’ilix li bdejt nitgħallem il-verità.” Aħna nwieġbu hekk għax il-verità tal-Bibbja taffettwa l-ħajja tagħna kollha. Għala ħallejna l-verità taffettwalna ħajjitna? Għax aħna nafu li nistgħu nkunu parti mill-familja taʼ Ġeħova biss jekk nagħtu prova li nħobbu l-verità u ngħixuha. Mod wieħed kif nagħmlu dan hu billi nkunu onesti f’dak li ngħidu u nagħmlu.—Slm. 15:​1-3.

2. (a) X’reputazzjoni kellu Ġesù? (b) In-nies kif irreaġixxew għall-messaġġ taʼ Ġesù?

2 Ġesù dejjem qal il-verità. L-għedewwa tiegħu stess qalu li hu kien onest, anki meta dak li qal ma kienx jogħġobhom. (Mat. 22:16) Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu kif kienu se jirreaġixxu n-nies dwar il-verità. Hu qal: “Jien ġejt biex nifred tifel minn maʼ missieru, tifla minn maʼ ommha, u mara minn mal-kunjata tagħha.” (Mat. 10:35) Ġesù ma xtaqx li n-nies ikunu kontra l-messaġġ li hu u d-dixxipli tiegħu ppritkaw, imma kien qed ikun realistiku. (Mat. 23:37) Hu kien jaf li kien se jkun hemm żewġ gruppi taʼ nies, uħud li kienu se jħobbu l-messaġġ u oħrajn li kienu se jobogħduh.—2 Tes. 2:​9-11.

3. X’se naraw f’dan l-artiklu?

3 Aħna nippruvaw nimitaw lil Ġesù billi dejjem inkunu onesti u ngħidu l-verità, anki jekk oħrajn ma jiħdux pjaċir b’dak li ngħidu. Aħna nippritkaw u ngħallmu lil oħrajn il-verità mill-Bibbja, avolja dan jistaʼ ma jogħġobx lil xi nies. Allura dan ifisser li m’għandniex nagħtu kas kif u meta ngħidu l-verità, anki waqt li nkunu qed nippritkaw? Le! F’dan l-artiklu, l-ewwel se naraw fejn nistgħu nsibu l-verità dwar Ġeħova. Imbagħad se nwieġbu l-mistoqsija: Għala, kif, u meta għandna ngħidu lil oħrajn dwar il-verità mill-Bibbja? It-tweġiba se tgħinna biex inkunu onesti u nitkellmu dwar l-aħbar tajba iktar bil-ħlewwa, jiġifieri bir-rispett u fl-aħjar ħin.

FEJN NISTGĦU NSIBU L-VERITÀ?

4. Għala nistgħu ngħidu li Ġeħova hu s-Sors tal-verità?

4 Ġeħova hu s-Sors tal-verità. Kull ħaġa li jgħid hi verità. Pereżempju, kulma jgħid dwar x’inhu tajjeb u ħażin hu veru. (Slm. 19:9; 119:​142, 151) Kull ħaġa li jwegħedna għall-futur se tiġri. (Isa. 55:​10, 11) Hu qatt ma jikser il-wegħdi tiegħu. (Num. 23:19) Fil-fatt, għal Ġeħova hu impossibbli li jigdeb! (Lhud 6:18) Mela jagħmel sens li Ġeħova hu “l-Alla tal-verità.”—Slm. 31:5.

5. Għala mhux diffiċli biex issir taf lill-“Alla tal-verità”? Spjega. (Atti 17:27)

5 Ħafna nies jgħidu li hu diffiċli biex issir taf lil Ġeħova, “l-Alla tal-verità.” Imma dan mhux veru. Madwarna hemm ħafna provi li juru li Alla jeżisti. (Rum. 1:20) Meta l-appostlu Pawlu kien qed jitkellem maʼ xi Griegi li kellhom ħafna skola, qal li Alla jixtieq li aħna ‘nsibuh’ u li “hu mhux ’il bogħod minna.” (Aqra Atti 17:27.) Ġeħova jiġbed lejh nies umli li qed ifittxu l-verità dwaru.—Ġw. 6:44.

6. X’inhuma xi veritajiet li hemm fil-Bibbja, u għala tapprezza li tafhom?

6 Mod wieħed kif nistgħu nsiru nafu lil Ġeħova hu billi nistudjaw il-Bibbja. L-irġiel li kitbuha kienu gwidati mill-ispirtu qaddis. (2 Pt. 1:​20, 21) Allura kulma hemm fiha hu veru u aħna nistgħu nafdawh. Pereżempju, nistgħu nafdaw dak li tgħid dwar kif bdew l-univers u l-ħajja. (Ġen. 1:​1, 26) Nistgħu nemmnu dak li tgħid dwar għala kollha nidinbu u għala hawn ħafna tbatija u nies imutu. (Rum. 5:12; 6:23) Nistgħu nafdaw dak li tgħid dwar Ġeħova, li se juża lil Ġesù biex ineħħi dak li għamel Satana, “missier il-gidba.” (Ġw. 8:44; Rum. 16:20) U nistgħu nkunu ċerti li dak li tgħid dwar Ġesù, li se jeqred lill-ħżiena, jirxoxta l-mejtin, jagħmel l-art ġenna, u jgħinna nsiru perfetti, se jiġri żgur. (Ġw. 11:​25, 26; 1 Ġw. 3:8) Kemm tana privileġġ sabiħ Ġeħova! Hu għallimna l-verità dwaru u tana l-opportunità li ngħallmuha lil oħrajn.—Mat. 28:​19, 20.

GĦALA NGĦIDU L-VERITÀ

7-8. Hi importanti r-raġuni għala ngħidu l-verità? Agħti eżempju. (Marku 3:​11, 12) (Ara wkoll l-istampi.)

7 Bħalma rajna qabel, jekk irridu nkunu parti mill-familja taʼ Ġeħova, irridu ngħidu l-verità. Imma biex hu jieħu pjaċir bina, irridu nagħmlu iktar milli nkunu onesti. Ir-raġuni għala ngħidu l-verità hi importanti għal Ġeħova. Ara x’ġara meta Ġesù kien fuq l-art. (Aqra Marku 3:​11, 12.) Meta kien qed jipprietka viċin il-Baħar tal-Galilija, ħafna nies marru ħdejh. Magħhom kien hemm xi nies li kellhom id-demonji fihom. Huma ntefgħu quddiemu u qalu: “Int l-Iben t’Alla.” Id-demonji għala qalu l-verità dwar Ġesù? Jistaʼ jkun li huma riedu li n-nies fil-folla jafdawhom u mbagħad ibegħduhom minn Ġeħova. Dak li qalu kien il-verità, imma r-raġuni għala qaluh kienet ħażina. Ġesù nduna xi pruvaw jagħmlu u ma ħax pjaċir bihom. Fil-fatt, ikkmandahom biex ma jitkellmux dwaru.

8 X’nistgħu nitgħallmu? Ir-raġuni għala ngħidu l-verità hi importanti għal Ġeħova. Allura, hu importanti ħafna li r-raġuni għala ngħallmu l-verità tkun għax inħobbu lil Ġeħova. U jekk xi ħadd ifaħħarna għal dak li ngħidu, qatt ma nieħdu t-tifħir għalina nfusna, imma ndawruh kollu fuq Ġeħova!—Mat. 5:16; ara l-prinċipju f’​Atti 14:​12-15.

Żewġ stampi li juru d-differenza f’oħt li qed tagħmel studju tal-Bibbja maʼ żagħżugħa. 1. L-oħt qed titkellem dwarha nfisha waqt li l-Bibbja qiegħda wiċċha ’l isfel fuq il-mejda. 2. L-oħt għandha l-Bibbja miftuħa u qed turi skrittura lill-istudenta.

Meta tgħallem il-verità, lejn min tiġbed l-attenzjoni? (Ara paragrafi 7-8)


9. X’m’għandekx tagħmel, u għala?

9 Ejja naraw sitwazzjoni oħra meta rridu nevitaw li niġbdu l-attenzjoni fuqna nfusna. Immaġina li anzjan jafdak b’xi ħaġa kunfidenzjali u int tmur tgħidha lil oħrajn. Jekk iktar tard in-nies li tkellimt magħhom isiru jafu li dak li għedtilhom ġara vera, jistgħu jibqgħu impressjonati b’dak li taf u jaħsbu li taf ħafna affarijiet kunfidenzjali. B’hekk jibdew iqisuk bħala li int importanti, imma Ġeħova ma jiħux pjaċir bik. (Prov. 11:13) Għala? Għax mhux biss tkellimt dwar affarijiet kunfidenzjali li ma kellekx dritt tgħidhom, imma r-raġuni għala għedt il-verità kienet ħażina.

KIF TGĦID IL-VERITÀ

10. Xi jfisser li kliemna jkun “dejjem kollu ħlewwa”? (Kolossin 4:6)

10 Aqra Kolossin 4:6. L-appostlu Pawlu qal lill-Kristjani f’Kolossi li kliemhom għandu jkun “dejjem kollu ħlewwa.” Dan xi jfisser? Il-kelma li Pawlu uża bil-Grieg tfisser li dak li ngħidu għandu jkun t’għajnuna għal oħrajn, ngħiduh b’qalb tajba, u li jiġbed lil oħrajn.

11-12. Għala rridu noqogħdu attenti għall-mod kif ngħallmu l-verità? Agħti eżempju. (Ara wkoll l-istampi.)

11 Meta ngħallmu lil oħrajn il-verità mill-Bibbja, għandna napplikaw il-parir taʼ Pawlu biex kliemna jkun kollu ħlewwa. Il-Bibbja tqabbel il-veritajiet li fiha maʼ xabla li taqtaʼ minn żewġ naħat u tifred ir-ruħ u l-ispirtu. Dan ifisser li l-Bibbja tistaʼ tikxef kif vera nħossuna u r-raġuni għala nagħmlu xi ħaġa. (Lhud 4:12) Imma jekk ma nużawx il-Bibbja sew, nistgħu mingħajr ma rridu nweġġgħu lin-nies jew nibdew argument. Dan kif jistaʼ jiġri?

12 Pereżempju, immaġina li qiegħed service u tiltaqaʼ maʼ raġel sinċier li jħobb jitlob quddiem l-istatwi u li jieħu pjaċir jiċċelebra l-Milied u l-Għid maʼ tal-familja. Tistaʼ tuża l-Bibbja biex tgħidlu li ma jagħmilx sens li jitlob quddiem xi ħaġa bla ħajja bħall-istatwi, u turih li l-Milied u l-Għid imorru kontra dak li tgħid il-Bibbja. (Isa. 44:​14-20; 2 Kor. 6:​14-17) Kieku kellek tagħmel dan mal-ewwel konversazzjoni, vera li tkun qed tgħid il-verità, imma ma tkunx qed tuża l-Kelma t’Alla sew.

Żewġ stampi li juru d-differenza taʼ kif koppja qed jagħtu xhieda lil raġel fil-bieb waqt li l-familja tiegħu fuq ġewwa qed iżejnu s-siġra tal-Milied. 1. Il-koppja qed juru lir-raġel l-artiklu minn jw.org “Il-Bibbja X’Tgħid Dwar il-Milied?” Ir-raġel għandu jdejh marbutin u minn wiċċu jidher li mhux jieħu pjaċir b’dak li qed jgħidulu. 2. Il-koppja juru lir-raġel l-artiklu minn jw.org “Kif Tkun Missier Tajjeb.” Ir-raġel qed jismaʼ u jitbissem.

Kif tistaʼ tgħallem il-veritajiet tal-Bibbja sew? (Ara paragrafi 11-12)a


13. Kliemna kif jistaʼ jkun imħawwar bil-melħ?

13 Pawlu qal ukoll li kliemna għandu jkun imħawwar bil-melħ. Hu ma riedx ifisser li għandna ngħawġu jew naħbu l-verità. Minflok, hu kien qed iħeġġiġna biex nużaw kliem “imħawwar” ħalli ngħallmu l-veritajiet tal-Bibbja b’tali mod li jogħġob lin-nies li jkunu qed jisimgħu. (Ġob 12:11) Dan jistaʼ jkun diffiċli. Pereżempju, meta nsajru l-ikel, ħafna drabi naħsbu li l-mod kif inħawru l-ikel aħna hu tajjeb u li se jogħġob lil oħrajn. Bl-istess mod, aħna jaf naħsbu li l-mod kif nitkellmu se jogħġob lil oħrajn. Imma mhux dejjem ikun il-każ. Pereżempju f’xi kulturi, in-nies jgħidu l-opinjoni tagħhom b’mod dirett, anki meta jkunu qed jitkellmu maʼ nies akbar minnhom. Imma għal kulturi oħra dan ma jkunx mod tajjeb kif titkellem man-nies jew anki jkun offensiv. Pawlu qal li aħna għandna nkunu nafu kif ‘għandna nwieġbu lil kull persuna.’ Dan juri li dak li ngħidu għandna naddattawh mhux skont dak li jogħġob lilna jew il-kultura tagħna, imma skont dak li jogħġob lil min qed jisimgħu.

META GĦANDEK TGĦALLEM IL-VERITÀ

14. Meta kien fuq l-art, Ġesù għallem lid-dixxipli tiegħu dak kollu li kien jaf? Spjega.

14 Ġesù dejjem tkellem bil-ħlewwa mad-dixxipli tiegħu, u b’qalb tajba għallimhom ħafna affarijiet. (Mrk. 6:34) Imma huma xorta kien għad fadlilhom ħafna x’jitgħallmu. Ġesù ma pprovax jgħallimhom dak kollu li kien jaf. Hu kkunsidra l-limitazzjonijiet tagħhom. Hu fehem li ma kienx il-ħin addattat biex jitgħallmu ċerti veritajiet. Fil-fatt, qal li ma setgħux jifhmuhom għalissa. (Ġw. 16:12) Dan x’jgħallimna?

15. Għandna ngħallmu lill-istudenti tal-Bibbja dak kollu li nafu f’daqqa? Spjega. (Proverbji 25:11) (Ara wkoll l-istampa.)

15 L-eżempju taʼ Ġesù jurina li għalkemm nafu l-verità ma jfissirx li għandna ngħallmuha kollha f’daqqa lin-nies. Kif nistgħu nimitawh? Irridu naħsbu fiċ-ċirkustanzi tagħhom. Erġaʼ aħseb fir-raġel li jħobb jiċċelebra l-Milied u l-Għid mal-familja tiegħu. Aħna nafu li dawn iċ-ċelebrazzjonijiet huma festi pagani u li Alla ma jridhomx. Imma immaġina li tibda tistudja l-Bibbja maʼ dan ir-raġel, ġimgħa jew ħmistax qabel il-Milied. Tkun qed titkellem bil-ħlewwa jekk turih x’tgħid il-Bibbja dwar dawn il-festi pagani u tippretendi li ma jiċċelebrax il-Milied? Huwa vera li xi studenti japplikaw mill-ewwel dak li jkunu qed jitgħallmu mill-Bibbja. Imma hemm oħrajn li jieħdu iktar żmien biex jaddattaw il-mod kif jaħsbu u jaġixxu. Nistgħu ngħinu lill-istudent tal-Bibbja tagħna jagħmel progress jekk ngħidulu dak li għandu bżonn fil-ħin it-tajjeb, jiġifieri meta jkun jistaʼ jifhmu.—Aqra Proverbji 25:11.

Il-koppja li dehret fl-istampa taʼ qabel qed tistudja l-browxer “Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!” mar-raġel fid-dar tiegħu. Viċin hemm is-siġra tal-Milied.

Imita l-eżempju taʼ Ġesù u ddeċiedi meta għandek tgħid il-verità u kemm għandek tgħidilhom (Ara paragrafu 15)


16. Kif nistgħu ngħinu lill-istudenti tal-Bibbja “jgħixu fi qbil mal-verità”?

16 Ftit huma l-affarijiet li jagħtuna ferħ meta tqabbilhom mal-ferħ li jiġi meta ngħallmu lil oħrajn dwar Ġeħova. Nistgħu ngħallmuhom “jgħixu fi qbil mal-verità” jekk nagħmlu l-affarijiet li ġejjin. Inkunu dejjem t’eżempju tajjeb għalihom. (3 Ġw. 3, 4) Nagħmlu ċert li l-mod kif ngħixu juri li nemmnu fil-wegħdi kollha li hemm fil-Bibbja. Ngħidu l-verità għar-raġuni t-tajba. Nitkellmu bil-ħlewwa billi nużaw kliem b’qalb tajba u li jiġbed lin-nies lejn il-veritajiet tal-Bibbja. Ngħallmuhom fil-ħin it-tajjeb, jiġifieri, meta jkunu jistgħu jifhmuh. U jekk nirċievu xi tifħir nagħtuh kollu lil Ġeħova. Jekk nagħmlu hekk, se nagħtu prova li naqdu lil Ġeħova, l-Alla tal-verità.

X’TGĦALLIMT MINN DAWN L-ISKRITTURI?

  • Atti 17:27

  • Kolossin 4:6

  • Proverbji 25:11

GĦANJA 160 “Aħbar Tajba”!

a X’JURUNA L-ISTAMPI: Fl-ewwel stampa, ħu jara s-siġra tal-Milied taʼ inkwilin u jurih artiklu dwar l-oriġini pagana tal-Milied. Fit-tieni stampa, il-ħu juri lill-inkwilin artiklu li jagħti pariri prattiċi lil missirijiet. Liema minn dawn iż-żewġ modi se jkun l-iktar effettiv?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja