LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g00 6/8 pp. 12-15
  • Kif il-Familja Tagħna Ngħaqdet Mill-Ġdid

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif il-Familja Tagħna Ngħaqdet Mill-Ġdid
  • Stenbaħ!—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Fil-​Bidu Kollox Mexa Ħarir
  • Nitbegħdu minn Xulxin
  • Bidla bla Ħsieb għal Lars
  • Xi Ngħidu għal Judith?
  • It-​Tieni Żwieġ Tagħhom
  • It-​Tfal
  • Ħajjitna Llum
  • Ġeħova Jippremja lil Dawk li Jmorru Lura f’Pajjiżhom
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2020
Stenbaħ!—2000
g00 6/8 pp. 12-15

Kif il-​Familja Tagħna Ngħaqdet Mill-​Ġdid

Kif rakkontat minn Lars u Judith Westergaard

ID-​DAR tagħhom tidher bħal kwalunkwe dar oħra taʼ familja ferħana fid-​Danimarka. Hija dar komda bi ġnien sabiħ, ġo raħal għall-​kwiet. Fuq ġewwa, jidher ritratt kbir imdendel mal-​ħajt tat-​tfal taʼ din il-​familja, mimlijin saħħa u bi tbissima fuq wiċċhom.

Il-missier, Lars, hu anzjan f’waħda mill-​kongregazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Martu, Judith, hi pijuniera (evanġelizzatriċi full-time). Għalkemm huma koppja ferħana, mhux minn dejjem kienu hekk. Lars u Judith għaddew minn ħafna inkwiet u esperjenzi qarsa li rriżultaw f’divorzju u frid fil-​familja. Madankollu, issa l-​familja tinsab magħquda mill-​ġdid. Għala? Huma stess se jispjegaw x’ġara.

Lars u Judith ma jiddejqux jgħidulna x’mar tant ħażin fiż-​żwieġ tagħhom u kif reġgħu ngħaqdu mill-​ġdid. Huma jħossu li l-​esperjenza tagħhom tistaʼ tgħin lil ħaddieħor.

Fil-​Bidu Kollox Mexa Ħarir

Lars: Konna ferħanin se ntiru meta żżewwiġna, f’April taʼ l-​1973. Kien jidher li kellna futur mill-​isbaħ mifrux quddiemna. La l-​Bibbja ma konna nafu u lanqas lix-​Xhieda taʼ Jehovah, imma konna konvinti li stajna nagħmlu d-​dinja post ħafna aħjar fejn wieħed jgħix li kieku n-​nies kollha kellhom jagħmlu sforz biżżejjed. Għalhekk involvejna ruħna f’ħafna attivitajiet politiċi. Il-​ferħ tagħna kompla jikber meta kellna tlett itfal subien f’saħħithom u vivaċi—Martin, Thomas, u Jonas.

Judith: Jien kelli kariga eżekuttiva f’waħda mill-​fergħat taċ-​ċivil. Fl-​istess ħin, kont involuta f’attivitajiet politiċi u f’għaqdiet tal-​ħaddiema. Maż-​żmien bdejt ningħata karigi taʼ tmexxija.

Lars: Xogħli kien f’għaqda kbira tal-​ħaddiema, u kont tlajt għal kariga importanti. Ma stajniex immorru aħjar fil-​karrieri tagħna, u xejn ma kien jidher li se jtellifna.

Nitbegħdu minn Xulxin

Lars: Imma tant konna mitlufin fl-​attivitajiet separati tagħna li bdejna nqattgħu inqas u inqas ħin flimkien. Konna qed naħdmu għall-​istess partit politiku imma f’oqsma differenti. It-​tlett itfal tagħna konna nħalluhom maʼ xi ħadd jew niħduhom f’postijiet fejn jiħdulek ħsieb it-​tfal il-​ġurnata kollha. Peress li t-​tnejn li aħna kien moħħna biss fl-​affarijiet tagħna, ħajjitna bħala familja saret diżorganizzata għall-​aħħar. Jekk konna ninzertaw id-​dar fl-​istess ħin, taʼ spiss kien ikollna xi ngħidu bl-​ikrah. Imbagħad tajtha għax-​xorb biex mingħalija nikkalma ftit.

Judith: M’għandniex xi ngħidu, l-​imħabba għal xulxin u anki għat-​tfal hemm kienet għadha, imma mħabbitna qatt ma ġiet kultivata kif suppost tkun; kienet donnha qed tidbiel. Ir-​relazzjoni tagħna kienet saret taʼ dwejjaq ħafna, u kienu t-​tfal li sofrew minħabba f’hekk.

Lars: Tant kont iddisprat li nerġaʼ nġib il-​familja f’qagħda tajba li ddeċidejt li nieqaf mix-​xogħol. Fl-​1985 tlaqna mill-​belt fejn konna noqogħdu u ġejna fir-​raħal li ninsabu fih issa. Għal xi żmien l-​affarijiet marru għall-​aħjar, imma jien u marti bqajna ċċentrati fuq l-​affarijiet differenti tagħna. Fl-​aħħar, fi Frar taʼ l-​1989, is-​16-il sena li qattajna miżżewġin spiċċaw b’divorzju. Il-​familja tagħna kienet tfarrket.

Judith: Kont naqsam qalbi nara l-​familja tagħna mifruda u t-​tfal isofru. Tant kellna għal xulxin li lanqas biss stajna naqblu li nieħdu ħsieb uliedna flimkien, u għalhekk it-​tlieta li huma waqgħu taħt il-​kustodja tiegħi.

Lars: Jien u Judith konna għamilna xi sforzi li ma rnexxewx biex inżommu magħqud dak li kien fadal mill-​familja tagħna. Sa lil Alla konna tlabna għall-​għajnuna. Imma lil Alla ftit konna nafuh.

Judith: Ħassejna li Alla ma kienx qed jismaʼ t-​talb tagħna. Però issa ninsabu grati għax rajna li Alla veru jisimgħu t-​talb.

Lars: Ma kellniex idea li l-​isforz u l-​bidliet ridna nagħmluhom aħna stess. U kien għalhekk li b’dispjaċir spiċċajna biex iddivorzjajna.

Bidla bla Ħsieb għal Lars

Lars: Waqt li kont qed ngħix waħdi, ħajti ħadet xejra kompletament mhux mistennija. Darba waħda aċċettajt żewġ rivisti mingħand ix-​Xhieda taʼ Jehovah. Qabel, dejjem kont nirrifjuta minnufih li nitkellem max-​Xhieda. Imma jien u nifli dawk ir-​rivisti, rajt li x-​Xhieda fil-​fatt jemmnu kemm f’Alla u kemm f’Ġesù Kristu. Kienet sorpriża kbira għalija. Lanqas biss kont naf li kienu Kristjani.

Kważi fl-​istess żmien, bdejt ngħix maʼ waħda mara li kont sirt naf. Wara skoprejt li xi darba hi kienet waħda mix-​Xhieda taʼ Jehovah. Meta bdejt nistaqsi l-​mistoqsijiet, hi wrietni fil-​Bibbja li Jehovah hu l-​isem t’Alla. Mela “x-​Xhieda taʼ Jehovah” tfisser “ix-​Xhieda t’Alla”!

Din il-​mara rranġatli biex nattendi għal taħdita pubblika f’Sala taʼ l-​Assemblea tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Dak li rajt hemmhekk iktar żiedli l-​interess. Żort is-​Sala tas-​Saltna lokali biex insir naf iktar, u bdejt studju tal-​Bibbja. Ma tantx domt biex indunajt li l-​mod kif kont qed ngħix kien ħażin, u għalhekk ma bqajtx ngħix mal-​ħabiba li kelli u mort ngħix waħdi fil-​belt fejn kont trabbejt. Wara li domt naħsibha xi ftit, ikkuntattjajt lix-​Xhieda taʼ Jehovah t’hemmhekk u komplejt bl-​istudju tal-​Bibbja.

Imma xorta kien għad baqagħli xi dubji. Kienu x-​Xhieda taʼ Jehovah tassew il-​poplu t’Alla? U dawk l-​affarijiet kollha li kont tgħallimt meta kont żgħir? Peress li kont trabbejt bħala Avventist tas-​Sebaʼ Jum, ikkuntattjajt qassis Avventist. Hu aċċetta li jistudja miegħi kull nhar t’Erbgħa, filwaqt li x-​Xhieda taʼ Jehovah kienu jistudjaw miegħi kull nhar taʼ Tnejn. Dak li ridt kien tweġiba ċara miż-​żewġ gruppi fuq erbaʼ affarijiet speċifiċi: il-​miġja lura taʼ Kristu, l-​irxoxt, id-​duttrina tat-​Trinità, u l-​mod kif il-​kongregazzjoni għandha tkun organizzata. Ftit xhur kienu biżżejjed biex inneħħi kull dubju li kelli. F’kull waħda mill-​erbaʼ affarijiet​—u f’kull ħaġa oħra—it-​twemmin tax-​Xhieda taʼ Jehovah biss kien ibbażat għalkollox fuq il-​Bibbja. Ir-​riżultat kien li bdejt nieħu sehem bil-​ferħ fl-​attivitajiet kollha tal-​kongregazzjoni u wara ftit iddedikajt ħajti lil Jehovah. F’Mejju taʼ l-​1990 tgħammidt.

Xi Ngħidu għal Judith?

Judith: Meta l-​kriżi fiż-​żwieġ tagħna kienet tinsab fl-​aqwa tagħha, kont erġajt bdejt immur il-​knisja. Ma ħadt pjaċir xejn meta sirt naf li Lars kien se jsir Xhud taʼ Jehovah. Jonas, it-​tifel iż-​żgħir t’għaxar snin, kien iżur lil missieru kultant, imma lil Lars ma kontx inħallih jieħdu miegħu għal-​laqgħat tax-​Xhieda. Lars appella lill-​awtoritajiet, imma dawn żammew miegħi.

Kont iltqajt ukoll maʼ raġel ieħor. Barra minn hekk sirt involuta iktar fil-​politika u f’kull tip taʼ xogħol komunitarju. Li kieku dakinhar kellu jiġi xi ħadd u jgħidli li l-​familja tagħna setgħet terġaʼ tingħaqad, ma kontx naħseb li kien possibbli.

Biex ikolli xi ħaġa fiex inqabbad difrejja kontra x-​Xhieda taʼ Jehovah, mort għand il-​qassis tal-​parroċċa lokali, li ammetta minnufih li ma kien jaf xejn dwar ix-​Xhieda u li ma kellu l-​ebda letteratura dwarhom. Kulma setaʼ jgħidli kien li aħjar inżomm ’il bogħod minnhom. Dan xejn m’għenni biex inbiddel il-​ħarsa negattiva li kelli lejn ix-​Xhieda taʼ Jehovah. Imma mbagħad kelli niltaqaʼ magħhom b’mod li qatt ma kont nistennieh.

Ħija li jgħix fl-​Isvezja kien sar wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah, u ġejt mistiedna għat-​tieġ tiegħu f’Sala tas-​Saltna! Dik l-​esperjenza bidlitli għalkollox l-​opinjoni li kelli dwar ix-​Xhieda. Bqajt mistagħġba meta rajt li dawn ma kinux xi nies monotoni kif kont nimmaġinahom. Kienu qalbhom tajba u ferħanin, u ċajta kienu jafu jgħiduha wkoll.

Sadattant, Lars, ir-​raġel li kelli qabel, kien inbidel għalkollox. Kien sar iktar taʼ l-​affari tiegħu, sar iqattaʼ ħin mat-​tfal, kien qalbu tajba u jqis kliemu, u ma kienx jixrob iżżejjed bħalma kien jagħmel qabel. Il-​personalità li kellu tant kienet tiġbdek! Issa kien sar it-​tip taʼ raġel li minn dejjem xtaqtu li jkun. Kien jaqbadni d-​dwejjaq meta niftakar li ma kontx għadni miżżewġa lilu u li forsi xi darba setgħet tiżżewġu mara oħra!

Imbagħad ħejjejt “attakk” sottili. Darba waħda meta Jonas kien qiegħed joqgħod maʼ missieru, għamilt arranġament biex inżur lil Jonas u lil Lars flimkien maʼ tnejn minn ħuti l-​bniet, bl-​iskuża li ż-​żewġ zijiet kellhom jingħataw l-​opportunità li jaraw lin-​neputi tagħhom. Iltqajna f’luna-park. Waqt li z-​zijiet ħadu ħsieb it-​tifel, jien u Lars sibna bank u poġġejna bil-​qegħda.

B’sorpriża għalija, malli qajjimt is-​suġġett tal-​futur tagħna, Lars ħareġ ktieb mill-​but. Kien jismu Making Your Family Life Happy.a Tani l-​ktieb u ssuġġerieli li naqra l-​kapitli dwar l-​irwol tar-​raġel u l-​mara fil-​familja u enfasizzali b’mod speċjali biex infittex l-​iskritturi.

Imbagħad, x’ħin jien u Lars qomna minn fuq il-​bank, ridt inżommlu idu, imma bil-​ħlewwa ma ħallinix. Lars ma kellu l-​ebda intenzjoni li jintrabat mill-​ġdid miegħi qabel ma jkun jaf kif naħsibha dwar it-​twemmin ġdid tiegħu. Ħadt għalija xi naqra, imma mbagħad irrealizzajt li kellu raġun jagħmel hekk u li dan kien għall-​ġid tiegħi jekk xi darba kellu jerġaʼ jsir żewġi.

Dan kollu għamilni kurjuża iktar minn qatt qabel dwar ix-​Xhieda taʼ Jehovah. L-​għada, ikkuntattjajt waħda mara li kont naf li kienet Xhud, u ftehemna biex hi u żewġha jagħtuni t-​tagħrif li xtaqt dwar ir-​reliġjon tagħhom. Għal kull mistoqsija li kelli, huma kellhom tweġiba mill-​Bibbja. Stajt nara li dak kollu li jgħallmu x-​Xhieda taʼ Jehovah hu bbażat fuq il-​Bibbja b’mod sod. Fuq kull ħaġa li tkellimna, kelli nbaxxi rasi u nammetti li dik kienet il-​verità.

Matul dak iż-​żmien irriżenjajt mill-​Knisja Luterana Evanġelika u waqqaft l-​attivitajiet politiċi li kelli. Anki s-​sigaretti qtajt. Dak kien l-​iktar pass iebes minnhom kollha. L-​istudju tal-​Bibbja tiegħi beda f’Awissu taʼ l-​1990, u f’April taʼ l-​1991 tgħammidt bħala waħda mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

It-​Tieni Żwieġ Tagħhom

Judith: Issa t-​tnejn li aħna konna sirna Xhieda mgħammdin. Għalkemm kulħadd kien mar għal rasu, it-​tnejn li aħna konna għamilna studju tal-​Bibbja. Grazzi għat-​tagħlim mill-​aħjar tagħha, sirna differenti minn kif konna qabel. Konna għadna nħobbu lil xulxin, forsi b’mod iktar profond minn qabel. U issa konna ħelsin li nerġgħu niżżewġu—u hekk għamilna. Iżżewwiġna għat-​tieni darba, imma din id-​darba fis-​Sala tas-​Saltna tax-​Xhieda taʼ Jehovah.

Lars: L-​impossibbli kien seħħ—il-​familja tagħna kienet ngħaqdet mill-​ġdid! X’ferħ u hena ħassejna issa!

Judith: Għat-​tieġ tagħna attendew uliedna, ħafna qraba, u ħafna ħbieb ġodda u antiki. Kienet esperjenza taʼ l-​għaġeb. Fost il-​mistidnin kien hemm xi wħud li kienu jafuna matul l-​ewwel żwieġ tagħna; ħadu pjaċir jerġgħu jarawna flimkien u baqgħu skantati bil-​ferħ ġenwin li hemm fost ix-​Xhieda taʼ Jehovah.

It-​Tfal

Lars: Minn mindu tgħammidna kellna l-​pjaċir li naraw tnejn minn uliedna jagħmlu l-​għażla li jiddedikaw ħajjithom lil Jehovah.

Judith: Jonas ilu japprezza l-​verità tal-​Bibbja minn meta kien iżur lil missieru bħala tifel. Kellu għaxar snin biss meta qalli li ried imur jgħix maʼ missieru għax, kif spjegali hu, “Il-​pa jimxi mal-​Bibbja.” Jonas tgħammed meta kellu 14-il sena. Hu lesta l-​iskola, u issa qiegħed jaqdi bħala ministru full-time.

Lars: It-​tifel il-​kbir, Martin, issa għandu 27 sena. Il-​bidliet li rana nagħmlu tawh ħafna x’jixtarr. Hu telaq mid-​dar u mar joqgħod f’naħa oħra tal-​pajjiż. Sentejn ilu beda jistudja l-​Bibbja mal-​kongregazzjoni lokali tax-​Xhieda taʼ Jehovah f’dak il-​post. Wara biss ħames xhur, kien lest biex jitgħammed. Hu għandu ħafna pjanijiet sbieħ għall-​futur bħala Kristjan.

Il-fostani, Thomas, m’huwiex Xhud taʼ Jehovah fil-​preżent. Xorta għadna nħobbuh, u għandna relazzjoni mill-​aħjar miegħu. Hu kuntent bil-​bidla li seħħet fil-​familja tagħna. U lkoll naqblu li grazzi għall-​prinċipji li bħala ġenituri tgħallimna mill-​Bibbja, il-​familja tagħna ngħaqdet mill-​ġdid. X’barka ngawdu issa li nistgħu niltaqgħu taʼ spiss bħala familja waħda, bit-​tlett itfal u ż-​żewġ ġenituri flimkien!

Ħajjitna Llum

Lars: M’aħniex ngħidu li sirna perfetti. Imma tgħallimna xi ħaġa—li l-​imħabba u r-​rispett lejn xulxin huma fatturi prinċipali fi żwieġ li jirnexxi. Il-​pedament taż-​żwieġ tagħna issa huwa mibni differenti ħafna minn kif kien mibni qabel. Issa t-​tnejn li aħna aċċettajna awtorità ogħla minna, għax it-​tnejn nirrikonoxxu li qed ngħixu għal Jehovah. Jien u Judith inħossuna verament magħqudin u nħarsu lejn il-​futur b’fiduċja.

Judith: Naħseb li aħna prova ċara li Jehovah hu l-​aqwa kunsillier taż-​żwieġ u tal-​familja.

[Nota taʼ taħt]

a Pubblikat mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc., fl-​1978; m’għadux jiġi stampat.

[Stampa f’paġna 12]

Lars u Judith fiż-​żmien meta żżewġu l-​ewwel darba, fl-​1973

[Stampa f’paġna 13]

Tlett itfal tilfu l-​familja magħquda li kellhom u sabuha mill-​ġdid

[Stampa f’paġna 15]

Lars u Judith illum, magħqudin mill-​ġdid billi jsegwu l-​prinċipji tal-​Bibbja

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja