Kif il-Familja Tagħna Ngħaqdet Mill-Ġdid
Kif rakkontat minn Lars u Judith Westergaard
ID-DAR tagħhom tidher bħal kwalunkwe dar oħra taʼ familja ferħana fid-Danimarka. Hija dar komda bi ġnien sabiħ, ġo raħal għall-kwiet. Fuq ġewwa, jidher ritratt kbir imdendel mal-ħajt tat-tfal taʼ din il-familja, mimlijin saħħa u bi tbissima fuq wiċċhom.
Il-missier, Lars, hu anzjan f’waħda mill-kongregazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Jehovah. Martu, Judith, hi pijuniera (evanġelizzatriċi full-time). Għalkemm huma koppja ferħana, mhux minn dejjem kienu hekk. Lars u Judith għaddew minn ħafna inkwiet u esperjenzi qarsa li rriżultaw f’divorzju u frid fil-familja. Madankollu, issa l-familja tinsab magħquda mill-ġdid. Għala? Huma stess se jispjegaw x’ġara.
Lars u Judith ma jiddejqux jgħidulna x’mar tant ħażin fiż-żwieġ tagħhom u kif reġgħu ngħaqdu mill-ġdid. Huma jħossu li l-esperjenza tagħhom tistaʼ tgħin lil ħaddieħor.
Fil-Bidu Kollox Mexa Ħarir
Lars: Konna ferħanin se ntiru meta żżewwiġna, f’April taʼ l-1973. Kien jidher li kellna futur mill-isbaħ mifrux quddiemna. La l-Bibbja ma konna nafu u lanqas lix-Xhieda taʼ Jehovah, imma konna konvinti li stajna nagħmlu d-dinja post ħafna aħjar fejn wieħed jgħix li kieku n-nies kollha kellhom jagħmlu sforz biżżejjed. Għalhekk involvejna ruħna f’ħafna attivitajiet politiċi. Il-ferħ tagħna kompla jikber meta kellna tlett itfal subien f’saħħithom u vivaċi—Martin, Thomas, u Jonas.
Judith: Jien kelli kariga eżekuttiva f’waħda mill-fergħat taċ-ċivil. Fl-istess ħin, kont involuta f’attivitajiet politiċi u f’għaqdiet tal-ħaddiema. Maż-żmien bdejt ningħata karigi taʼ tmexxija.
Lars: Xogħli kien f’għaqda kbira tal-ħaddiema, u kont tlajt għal kariga importanti. Ma stajniex immorru aħjar fil-karrieri tagħna, u xejn ma kien jidher li se jtellifna.
Nitbegħdu minn Xulxin
Lars: Imma tant konna mitlufin fl-attivitajiet separati tagħna li bdejna nqattgħu inqas u inqas ħin flimkien. Konna qed naħdmu għall-istess partit politiku imma f’oqsma differenti. It-tlett itfal tagħna konna nħalluhom maʼ xi ħadd jew niħduhom f’postijiet fejn jiħdulek ħsieb it-tfal il-ġurnata kollha. Peress li t-tnejn li aħna kien moħħna biss fl-affarijiet tagħna, ħajjitna bħala familja saret diżorganizzata għall-aħħar. Jekk konna ninzertaw id-dar fl-istess ħin, taʼ spiss kien ikollna xi ngħidu bl-ikrah. Imbagħad tajtha għax-xorb biex mingħalija nikkalma ftit.
Judith: M’għandniex xi ngħidu, l-imħabba għal xulxin u anki għat-tfal hemm kienet għadha, imma mħabbitna qatt ma ġiet kultivata kif suppost tkun; kienet donnha qed tidbiel. Ir-relazzjoni tagħna kienet saret taʼ dwejjaq ħafna, u kienu t-tfal li sofrew minħabba f’hekk.
Lars: Tant kont iddisprat li nerġaʼ nġib il-familja f’qagħda tajba li ddeċidejt li nieqaf mix-xogħol. Fl-1985 tlaqna mill-belt fejn konna noqogħdu u ġejna fir-raħal li ninsabu fih issa. Għal xi żmien l-affarijiet marru għall-aħjar, imma jien u marti bqajna ċċentrati fuq l-affarijiet differenti tagħna. Fl-aħħar, fi Frar taʼ l-1989, is-16-il sena li qattajna miżżewġin spiċċaw b’divorzju. Il-familja tagħna kienet tfarrket.
Judith: Kont naqsam qalbi nara l-familja tagħna mifruda u t-tfal isofru. Tant kellna għal xulxin li lanqas biss stajna naqblu li nieħdu ħsieb uliedna flimkien, u għalhekk it-tlieta li huma waqgħu taħt il-kustodja tiegħi.
Lars: Jien u Judith konna għamilna xi sforzi li ma rnexxewx biex inżommu magħqud dak li kien fadal mill-familja tagħna. Sa lil Alla konna tlabna għall-għajnuna. Imma lil Alla ftit konna nafuh.
Judith: Ħassejna li Alla ma kienx qed jismaʼ t-talb tagħna. Però issa ninsabu grati għax rajna li Alla veru jisimgħu t-talb.
Lars: Ma kellniex idea li l-isforz u l-bidliet ridna nagħmluhom aħna stess. U kien għalhekk li b’dispjaċir spiċċajna biex iddivorzjajna.
Bidla bla Ħsieb għal Lars
Lars: Waqt li kont qed ngħix waħdi, ħajti ħadet xejra kompletament mhux mistennija. Darba waħda aċċettajt żewġ rivisti mingħand ix-Xhieda taʼ Jehovah. Qabel, dejjem kont nirrifjuta minnufih li nitkellem max-Xhieda. Imma jien u nifli dawk ir-rivisti, rajt li x-Xhieda fil-fatt jemmnu kemm f’Alla u kemm f’Ġesù Kristu. Kienet sorpriża kbira għalija. Lanqas biss kont naf li kienu Kristjani.
Kważi fl-istess żmien, bdejt ngħix maʼ waħda mara li kont sirt naf. Wara skoprejt li xi darba hi kienet waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah. Meta bdejt nistaqsi l-mistoqsijiet, hi wrietni fil-Bibbja li Jehovah hu l-isem t’Alla. Mela “x-Xhieda taʼ Jehovah” tfisser “ix-Xhieda t’Alla”!
Din il-mara rranġatli biex nattendi għal taħdita pubblika f’Sala taʼ l-Assemblea tax-Xhieda taʼ Jehovah. Dak li rajt hemmhekk iktar żiedli l-interess. Żort is-Sala tas-Saltna lokali biex insir naf iktar, u bdejt studju tal-Bibbja. Ma tantx domt biex indunajt li l-mod kif kont qed ngħix kien ħażin, u għalhekk ma bqajtx ngħix mal-ħabiba li kelli u mort ngħix waħdi fil-belt fejn kont trabbejt. Wara li domt naħsibha xi ftit, ikkuntattjajt lix-Xhieda taʼ Jehovah t’hemmhekk u komplejt bl-istudju tal-Bibbja.
Imma xorta kien għad baqagħli xi dubji. Kienu x-Xhieda taʼ Jehovah tassew il-poplu t’Alla? U dawk l-affarijiet kollha li kont tgħallimt meta kont żgħir? Peress li kont trabbejt bħala Avventist tas-Sebaʼ Jum, ikkuntattjajt qassis Avventist. Hu aċċetta li jistudja miegħi kull nhar t’Erbgħa, filwaqt li x-Xhieda taʼ Jehovah kienu jistudjaw miegħi kull nhar taʼ Tnejn. Dak li ridt kien tweġiba ċara miż-żewġ gruppi fuq erbaʼ affarijiet speċifiċi: il-miġja lura taʼ Kristu, l-irxoxt, id-duttrina tat-Trinità, u l-mod kif il-kongregazzjoni għandha tkun organizzata. Ftit xhur kienu biżżejjed biex inneħħi kull dubju li kelli. F’kull waħda mill-erbaʼ affarijiet—u f’kull ħaġa oħra—it-twemmin tax-Xhieda taʼ Jehovah biss kien ibbażat għalkollox fuq il-Bibbja. Ir-riżultat kien li bdejt nieħu sehem bil-ferħ fl-attivitajiet kollha tal-kongregazzjoni u wara ftit iddedikajt ħajti lil Jehovah. F’Mejju taʼ l-1990 tgħammidt.
Xi Ngħidu għal Judith?
Judith: Meta l-kriżi fiż-żwieġ tagħna kienet tinsab fl-aqwa tagħha, kont erġajt bdejt immur il-knisja. Ma ħadt pjaċir xejn meta sirt naf li Lars kien se jsir Xhud taʼ Jehovah. Jonas, it-tifel iż-żgħir t’għaxar snin, kien iżur lil missieru kultant, imma lil Lars ma kontx inħallih jieħdu miegħu għal-laqgħat tax-Xhieda. Lars appella lill-awtoritajiet, imma dawn żammew miegħi.
Kont iltqajt ukoll maʼ raġel ieħor. Barra minn hekk sirt involuta iktar fil-politika u f’kull tip taʼ xogħol komunitarju. Li kieku dakinhar kellu jiġi xi ħadd u jgħidli li l-familja tagħna setgħet terġaʼ tingħaqad, ma kontx naħseb li kien possibbli.
Biex ikolli xi ħaġa fiex inqabbad difrejja kontra x-Xhieda taʼ Jehovah, mort għand il-qassis tal-parroċċa lokali, li ammetta minnufih li ma kien jaf xejn dwar ix-Xhieda u li ma kellu l-ebda letteratura dwarhom. Kulma setaʼ jgħidli kien li aħjar inżomm ’il bogħod minnhom. Dan xejn m’għenni biex inbiddel il-ħarsa negattiva li kelli lejn ix-Xhieda taʼ Jehovah. Imma mbagħad kelli niltaqaʼ magħhom b’mod li qatt ma kont nistennieh.
Ħija li jgħix fl-Isvezja kien sar wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah, u ġejt mistiedna għat-tieġ tiegħu f’Sala tas-Saltna! Dik l-esperjenza bidlitli għalkollox l-opinjoni li kelli dwar ix-Xhieda. Bqajt mistagħġba meta rajt li dawn ma kinux xi nies monotoni kif kont nimmaġinahom. Kienu qalbhom tajba u ferħanin, u ċajta kienu jafu jgħiduha wkoll.
Sadattant, Lars, ir-raġel li kelli qabel, kien inbidel għalkollox. Kien sar iktar taʼ l-affari tiegħu, sar iqattaʼ ħin mat-tfal, kien qalbu tajba u jqis kliemu, u ma kienx jixrob iżżejjed bħalma kien jagħmel qabel. Il-personalità li kellu tant kienet tiġbdek! Issa kien sar it-tip taʼ raġel li minn dejjem xtaqtu li jkun. Kien jaqbadni d-dwejjaq meta niftakar li ma kontx għadni miżżewġa lilu u li forsi xi darba setgħet tiżżewġu mara oħra!
Imbagħad ħejjejt “attakk” sottili. Darba waħda meta Jonas kien qiegħed joqgħod maʼ missieru, għamilt arranġament biex inżur lil Jonas u lil Lars flimkien maʼ tnejn minn ħuti l-bniet, bl-iskuża li ż-żewġ zijiet kellhom jingħataw l-opportunità li jaraw lin-neputi tagħhom. Iltqajna f’luna-park. Waqt li z-zijiet ħadu ħsieb it-tifel, jien u Lars sibna bank u poġġejna bil-qegħda.
B’sorpriża għalija, malli qajjimt is-suġġett tal-futur tagħna, Lars ħareġ ktieb mill-but. Kien jismu Making Your Family Life Happy.a Tani l-ktieb u ssuġġerieli li naqra l-kapitli dwar l-irwol tar-raġel u l-mara fil-familja u enfasizzali b’mod speċjali biex infittex l-iskritturi.
Imbagħad, x’ħin jien u Lars qomna minn fuq il-bank, ridt inżommlu idu, imma bil-ħlewwa ma ħallinix. Lars ma kellu l-ebda intenzjoni li jintrabat mill-ġdid miegħi qabel ma jkun jaf kif naħsibha dwar it-twemmin ġdid tiegħu. Ħadt għalija xi naqra, imma mbagħad irrealizzajt li kellu raġun jagħmel hekk u li dan kien għall-ġid tiegħi jekk xi darba kellu jerġaʼ jsir żewġi.
Dan kollu għamilni kurjuża iktar minn qatt qabel dwar ix-Xhieda taʼ Jehovah. L-għada, ikkuntattjajt waħda mara li kont naf li kienet Xhud, u ftehemna biex hi u żewġha jagħtuni t-tagħrif li xtaqt dwar ir-reliġjon tagħhom. Għal kull mistoqsija li kelli, huma kellhom tweġiba mill-Bibbja. Stajt nara li dak kollu li jgħallmu x-Xhieda taʼ Jehovah hu bbażat fuq il-Bibbja b’mod sod. Fuq kull ħaġa li tkellimna, kelli nbaxxi rasi u nammetti li dik kienet il-verità.
Matul dak iż-żmien irriżenjajt mill-Knisja Luterana Evanġelika u waqqaft l-attivitajiet politiċi li kelli. Anki s-sigaretti qtajt. Dak kien l-iktar pass iebes minnhom kollha. L-istudju tal-Bibbja tiegħi beda f’Awissu taʼ l-1990, u f’April taʼ l-1991 tgħammidt bħala waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah.
It-Tieni Żwieġ Tagħhom
Judith: Issa t-tnejn li aħna konna sirna Xhieda mgħammdin. Għalkemm kulħadd kien mar għal rasu, it-tnejn li aħna konna għamilna studju tal-Bibbja. Grazzi għat-tagħlim mill-aħjar tagħha, sirna differenti minn kif konna qabel. Konna għadna nħobbu lil xulxin, forsi b’mod iktar profond minn qabel. U issa konna ħelsin li nerġgħu niżżewġu—u hekk għamilna. Iżżewwiġna għat-tieni darba, imma din id-darba fis-Sala tas-Saltna tax-Xhieda taʼ Jehovah.
Lars: L-impossibbli kien seħħ—il-familja tagħna kienet ngħaqdet mill-ġdid! X’ferħ u hena ħassejna issa!
Judith: Għat-tieġ tagħna attendew uliedna, ħafna qraba, u ħafna ħbieb ġodda u antiki. Kienet esperjenza taʼ l-għaġeb. Fost il-mistidnin kien hemm xi wħud li kienu jafuna matul l-ewwel żwieġ tagħna; ħadu pjaċir jerġgħu jarawna flimkien u baqgħu skantati bil-ferħ ġenwin li hemm fost ix-Xhieda taʼ Jehovah.
It-Tfal
Lars: Minn mindu tgħammidna kellna l-pjaċir li naraw tnejn minn uliedna jagħmlu l-għażla li jiddedikaw ħajjithom lil Jehovah.
Judith: Jonas ilu japprezza l-verità tal-Bibbja minn meta kien iżur lil missieru bħala tifel. Kellu għaxar snin biss meta qalli li ried imur jgħix maʼ missieru għax, kif spjegali hu, “Il-pa jimxi mal-Bibbja.” Jonas tgħammed meta kellu 14-il sena. Hu lesta l-iskola, u issa qiegħed jaqdi bħala ministru full-time.
Lars: It-tifel il-kbir, Martin, issa għandu 27 sena. Il-bidliet li rana nagħmlu tawh ħafna x’jixtarr. Hu telaq mid-dar u mar joqgħod f’naħa oħra tal-pajjiż. Sentejn ilu beda jistudja l-Bibbja mal-kongregazzjoni lokali tax-Xhieda taʼ Jehovah f’dak il-post. Wara biss ħames xhur, kien lest biex jitgħammed. Hu għandu ħafna pjanijiet sbieħ għall-futur bħala Kristjan.
Il-fostani, Thomas, m’huwiex Xhud taʼ Jehovah fil-preżent. Xorta għadna nħobbuh, u għandna relazzjoni mill-aħjar miegħu. Hu kuntent bil-bidla li seħħet fil-familja tagħna. U lkoll naqblu li grazzi għall-prinċipji li bħala ġenituri tgħallimna mill-Bibbja, il-familja tagħna ngħaqdet mill-ġdid. X’barka ngawdu issa li nistgħu niltaqgħu taʼ spiss bħala familja waħda, bit-tlett itfal u ż-żewġ ġenituri flimkien!
Ħajjitna Llum
Lars: M’aħniex ngħidu li sirna perfetti. Imma tgħallimna xi ħaġa—li l-imħabba u r-rispett lejn xulxin huma fatturi prinċipali fi żwieġ li jirnexxi. Il-pedament taż-żwieġ tagħna issa huwa mibni differenti ħafna minn kif kien mibni qabel. Issa t-tnejn li aħna aċċettajna awtorità ogħla minna, għax it-tnejn nirrikonoxxu li qed ngħixu għal Jehovah. Jien u Judith inħossuna verament magħqudin u nħarsu lejn il-futur b’fiduċja.
Judith: Naħseb li aħna prova ċara li Jehovah hu l-aqwa kunsillier taż-żwieġ u tal-familja.
[Nota taʼ taħt]
a Pubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc., fl-1978; m’għadux jiġi stampat.
[Stampa f’paġna 12]
Lars u Judith fiż-żmien meta żżewġu l-ewwel darba, fl-1973
[Stampa f’paġna 13]
Tlett itfal tilfu l-familja magħquda li kellhom u sabuha mill-ġdid
[Stampa f’paġna 15]
Lars u Judith illum, magħqudin mill-ġdid billi jsegwu l-prinċipji tal-Bibbja