Il-Ġimgħa, 17 t’April
“Tħallu lil ħadd iqarraq bikom.”—2 Tess. 2:3.
X’nitgħallmu minn dak li l-appostlu Pawlu qal lit-Tessalonikin? Meta nisimgħu xi ħaġa li ma tkunx taqbel ma’ dak li tgħallimna mill-Bibbja, irridu nużaw l-għaqal. Dan jgħodd ukoll meta nisimgħu xi storja esaġerata. F’dik li qabel kienet l-Unjoni Sovjetika, xi għedewwa tal-organizzazzjoni taw lill-aħwa ittra li kienet tidher qisha ġejja mill-kwartieri ġenerali tagħna. Din l-ittra vera kienet tidher li ġejja mill-organizzazzjoni u inkuraġġiet lill-aħwa biex jifformaw organizzazzjoni ġdida. Imma l-aħwa maturi m’emmnuhiex għax huma indunaw li l-messaġġ tal-ittra ma kienx jaqbel ma’ dak li kienu tgħallmu mill-Bibbja. Illum ukoll, l-għedewwa tagħna jistgħu jużaw affarijiet bħall-Internet, l-aħbarijiet, u l-media biex joħolqu firda fl-organizzazzjoni. Allura, huwa importanti li ‘ma nitilfux malajr ir-raġuni tagħna.’ Irridu naħsbu sew jekk dak li qed naqraw u nisimgħu jaqbilx ma’ dak li tgħallimna mill-Bibbja.—2 Tess. 2:2; 1 Ġw. 4:1. w24.07 12 ¶14-15
Is-Sibt, 18 t’April
“Jekk xi ħadd jagħmel dnub, għandna xi ħadd ġust mal-Missier li se jgħinna.”—1 Ġw. 2:1.
L-iktar deċiżjoni importanti li xi ħadd jistaʼ jieħu hi li jiddedika ħajtu lil Ġeħova u jsir parti mill-familja tiegħu. Allura jixtieq li kulħadd jieħu din id-deċiżjoni. Hu jridna nkunu l-ħbieb tiegħu u li ngħixu għal dejjem. (Dewt. 30:19, 20; Gal. 6:7, 8) Ġeħova ma jġegħelniex naqduh, imma jħalli lil kull wieħed u waħda minna jiddeċiedi x’se jagħmel. Imma l-anzjani x’għandhom jagħmlu jekk xi ħu jew oħt tagħmel dnub serju? Jekk ma tindimx, għandha titneħħa mill-kongregazzjoni. (1 Kor. 5:13) Imma Ġeħova vera jixtieq li kull min għamel dnub serju jindem u jerġaʼ jkollu ħbiberija tajba miegħu, anki jekk ikun tneħħa mill-kongregazzjoni. Kien minħabba f’hekk li Ġeħova pprovda l-fidwa, biex ikun jistaʼ jaħfer id-dnubiet taʼ dawk li jindmu. Peress li Ġeħova jħobb ħafna, jipprova jgħin lil dawk li għamlu dnub serju biex jindmu.—Żak. 1:3; Rum. 2:4; Ġak. 4:8. w24.08 14 ¶1-2
Il-Ħadd, 19 t’April
“Jekk issir għaref, jien se nifraħ.”—Prov. 23:15.
Fit-tielet ittra tiegħu, l-appostlu Ġwanni kiteb li kien ferħan jara li l-aħwa kienu qed jobdu lil Ġeħova. Sa dak iż-żmien, xi aħwa kienu qed jgħallmu l-gideb u bdew joħolqu l-problemi fil-kongregazzjoni. Imma kien hemm Kristjani oħra li kienu “mexjin fil-verità.” Huma kienu qed jobdu lil Ġeħova u “mexjin skond il-kmandamenti tiegħu.” (2 Ġw. 4, 6) Dawn il-qaddejja leali għamlu lil Ġwanni u lil Ġeħova ferħanin. (Prov. 27:11) X’nistgħu nitgħallmu? Jekk nibqgħu leali lejn Ġeħova, mhux biss inkunu ferħanin aħna imma anki oħrajn. (1 Ġw. 5:3) Pereżempju, bħalissa aħna ferħanin għax nafu li qed inferrħu lil Ġeħova peress li qed nipprovaw nevitaw il-ħażin u nobduh. Minħabba f’hekk anki l-anġli jifirħu. (Lq. 15:10) Meta naraw lil aħwa jibqgħu leali, aħna nkunu ferħanin. (2 Tes. 1:4) U fis-sistema l-ġdida, aħna se nkunu ferħanin għax bqajna leali lejn Ġeħova. w24.11 12 ¶17-18