L-Erbgħa, 15 t’April
Ħobbu lil xulxin.—Ġw. 15:12.
In-nies taʼ Ġeħova jħobbu jgħinu lil xulxin. (2 Kor. 8:4) Imma biex jagħmlu hekk, ġieli jkollhom bżonn il-kuraġġ. Pereżempju, meta tinqalaʼ xi gwerra, l-anzjani jkunu jafu li l-aħwa għandhom bżonn l-inkuraġġiment u l-għajnuna. Allura, ituhom dak li jkollhom bżonn bħal fejn joqogħdu u xi ikel. Barra minn hekk, jaraw li jipprovdulhom l-għajnuna spiritwali. L-anzjani jħobbuhom ħafna lill-aħwa, u allura jagħmlu kulma jistgħu biex ituhom dak li jkollhom bżonn anke meta jkun perikoluż għalihom. Fi żminijiet diffiċli hu importanti li nibqgħu magħqudin. Obdi l-istruzzjonijiet li jiġu mill-uffiċċju tal-fergħa. (Ebr. 13:17) L-anzjani b’mod regolari għandhom jirrivedu l-istruzzjonijiet għal meta jinqalaʼ xi diżastru biex b’hekk ikunu preparati. (1 Kor. 14:33, 40) Kun kuraġġuż imma oqgħod attent. (Prov. 22:3) Aħseb qabel tagħmel xi ħaġa u ibqaʼ safe. Allura tiħux riskji għalxejn. Afda f’Ġeħova. Tinsiex li hu jrid li kemm int u kemm l-aħwa tibqgħu safe, għalhekk hu se jgħinek. w24.07 4 ¶8; 5 ¶11
Il-Ħamis, 16 t’April
“Meta kont imdejjaq għajjatt lil Ġeħova . . . u l-għajta tiegħi għall-għajnuna waslet f’widnejh.”—Slm. 18:6.
Ir-Re David kien jafu lil Ġeħova u straħ fuqu. Pereżempju, meta r-Re Sawl u oħrajn ipprovaw joqtluh, David talab lil Ġeħova għall-għajnuna. Wara li Ġeħova wieġeb it-talb tiegħu, David qal: “Ġeħova hu ħaj!” (Salm 18:46) Hu kien qed ifisser li Ġeħova mhuwiex biss Alla li jeżisti imma hu Alla ħaj. Referenza turi li David kien qed jgħid li Ġeħova hu l-Alla l-veru, u li hu dejjem lest li jgħin lill-qaddejja tiegħu. Minn dak li ġralu f’ħajtu, David kien ċert li l-Alla tiegħu hu l-Alla l-ħaj. U dan inkuraġġixxa lil David biex ikompli jaqdih bil-ferħ. (Salm 18:28, 29, 49) Jekk inkunu konvinti li Ġeħova hu l-Alla l-ħaj se nkunu rridu nagħtuh l-aħjar tagħna. Meta ngħaddu mill-problemi, se nkunu nistgħu nissaportu u nkomplu naqdu lil Ġeħova. Se nkunu determinati wkoll li nibqgħu naqduh għal dejjem. w24.06 20-21 ¶3-4
Il-Ġimgħa, 17 t’April
“Tħallu lil ħadd iqarraq bikom.”—2 Tess. 2:3.
X’nitgħallmu minn dak li l-appostlu Pawlu qal lit-Tessalonikin? Meta nisimgħu xi ħaġa li ma tkunx taqbel ma’ dak li tgħallimna mill-Bibbja, irridu nużaw l-għaqal. Dan jgħodd ukoll meta nisimgħu xi storja esaġerata. F’dik li qabel kienet l-Unjoni Sovjetika, xi għedewwa tal-organizzazzjoni taw lill-aħwa ittra li kienet tidher qisha ġejja mill-kwartieri ġenerali tagħna. Din l-ittra vera kienet tidher li ġejja mill-organizzazzjoni u inkuraġġiet lill-aħwa biex jifformaw organizzazzjoni ġdida. Imma l-aħwa maturi m’emmnuhiex għax huma indunaw li l-messaġġ tal-ittra ma kienx jaqbel ma’ dak li kienu tgħallmu mill-Bibbja. Illum ukoll, l-għedewwa tagħna jistgħu jużaw affarijiet bħall-Internet, l-aħbarijiet, u l-media biex joħolqu firda fl-organizzazzjoni. Allura, huwa importanti li ‘ma nitilfux malajr ir-raġuni tagħna.’ Irridu naħsbu sew jekk dak li qed naqraw u nisimgħu jaqbilx ma’ dak li tgħallimna mill-Bibbja.—2 Tess. 2:2; 1 Ġw. 4:1. w24.07 12 ¶14-15