27 TAʼ LULJU–2 T’AWWISSU 2026
GĦANJA 56 Għożż il-verità
Ibqaʼ Qrib Ġeħova Waqt li Tkompli l-Iskola
“Għamilna kemm għamilna progress, ejjew nibqgħu nimxu bl-istess mod.”—FLP. 3:16.
DAK LI SE NITGĦALLMU
Se naraw erbaʼ prinċipji mill-Bibbja li jistgħu jgħinuk tibqaʼ qrib Ġeħova jekk tiddeċiedi li tkompli l-iskola.
1-2. (a) Jekk tiddeċiedi li tkompli l-iskola, minn xiex trid tkun ċert? (b) Xi jfisser li “nibqgħu nimxu bl-istess mod”? (Filippin 3:16)
XI QADDEJJA taʼ Ġeħova ddeċidew li jkomplu l-iskola wara li jlestu s-sekondarja. Forsi jaħsbu li jekk ikomplu l-iskola, se jsibu xogħol li jgħinhom jaħdmu iktar għal Ġeħova. Jekk iddeċidejt li tkompli l-iskola, kif tistaʼ tagħmel ċert li tibqaʼ qrib Ġeħova? (Ġak. 4:8a) Bla dubju, matul is-snin, diġà kellek sitwazzjonijiet fl-iskola fejn ridt tibqaʼ togħġob lil Ġeħova. Issa trid ‘tibqaʼ miexi bl-istess mod,’ jiġifieri tibqaʼ taqdi lil Ġeħova lealment kif diġà għamilt.—Aqra Filippin 3:16.
2 Bil-Grieg, il-frażi tradotta “nibqgħu nimxu bl-istess mod” kienet tfakkar lin-nies fis-suldati li kienu jibqgħu jimmarċjaw flimkien mingħajr ma jieqfu jew iduru lura. Jekk tiddeċiedi li tkompli l-iskola għandek bżonn tibqaʼ ‘timmarċja ’l quddiem’ f’li taqdi lil Ġeħova, la tibqaʼ fejn int u lanqas tmur lura. F’dan l-artiklu se naraw erbaʼ prinċipji mill-Bibbja li se jgħinuk. Inti diġà familjari magħhom. Dawn il-prinċipji diġà għenuk tieħu deċiżjonijiet tajbin f’ħajtek. U dawn se jgħinuk tibqaʼ viċin Ġeħova, waqt u anki wara li tlesti l-iskola.
ŻOMM IL-ĦBIBERIJA TIEGĦEK MA’ ĠEĦOVA B’SAĦĦITHA
3. Jekk tkompli l-iskola, liema sfidi tistaʼ tiffaċċja biex iżżomm rutina spiritwali?
3 L-isfida. Jekk tkompli l-iskola se tkun imħabbat ħafna u se jkollok iktar x’tagħmel kuljum. Ovvjament, minħabba li tkun trid tmur tajjeb fl-iskola, tistaʼ tibda tpoġġi l-affarijiet tal-iskola qabel Ġeħova. Tistaʼ saħansitra tibda titlef il-laqgħat, tnaqqas is-service, u tittraskura l-istudju persunali u t-talb.—Riv. 2:4.
4. X’jistaʼ jgħinek ‘ikollok ħafna x’tagħmel fix-xogħol tal-Mulej’? (1 Korintin 15:58)
4 Aqra 1 Korintin 15:58. Biex rota timxi, għandek bżonn taqdef. B’mod simili, biex jibqaʼ jkollok relazzjoni tajba ma’ Ġeħova jrid ‘ikollok ħafna x’tagħmel fix-xogħol tal-Mulej.’ Dan ma jfissirx kemm tqattaʼ ħin tagħmel affarijiet teokratiċi imma kemm ikunu importanti għalik. Ftakar li l-iktar ħaġa importanti f’ħajtek hi li taqdi lil Ġeħova u mhux li tkompli l-iskola. (Mat. 22:37) Oħt żagħżugħa jisimha Samantha tgħid, “Qabel komplejt l-iskola, wegħedt lili nnifsi li jekk l-affarijiet tal-iskola ħa jtellfuni milli naqdi lil Ġeħova, kont se nieqaf nistudja.”
5. X’tistaʼ tagħmel biex tibqaʼ involut f’li taqdi lil Ġeħova?
5 Dak li tistaʼ tagħmel qabel tkompli l-iskola. Agħmel ċert li se żżomm lil Ġeħova l-ewwel f’ħajtek. Saqsi lilek innifsek: ‘Jien kif se nagħmel ċert li b’mod regulari nibqaʼ nipprepara għal-laqgħat, nattendihom, noħroġ service, u naqra l-Bibbja?’ (Ġoż. 1:8; Mat. 28:19, 20; Lhud 10:25) Aħseb ukoll, ‘Meta kont l-iskola qabel, kif irnexxieli nagħmel dawn l-affarijiet?’ Jekk tħoss li kien hemm xi affarijiet li stajt tagħmilhom aħjar, x’bidliet tistaʼ tagħmel? Kun determinat li tibqaʼ involut f’li taqdi lil Ġeħova waqt li tkompli l-iskola. Hu importanti li tmur tajjeb l-iskola, imma mhux li tuża ħafna ħin u enerġija li jżommuk lura milli tagħmel progress f’li taqdi lil Ġeħova.a—Mat. 6:24.
6. Biex tara jekk għadekx tpoġġi lil Ġeħova l-ewwel f’ħajtek, x’mistoqsijiet tistaʼ ssaqsi lilek innifsek? (Ara wkoll l-istampa.)
6 Biex tara jekk Ġeħova għadux l-iktar importanti f’ħajtek waqt li tkun qed tistudja, kull xahar eżamina lilek innifsek. Biex tagħmel hekk, tistaʼ ssaqsi lilek innifsek: ‘Jiena spiss nitlef il-laqgħat jew nasal tard? Jien spiss naħseb fuq l-affarijiet tal-iskola waqt il-laqgħat? Il-laqgħat qed nagħmilhom fuq Zoom minflok immur il-hall mal-aħwa?’ Ukoll, tistaʼ ssaqsi lilek innifsek, ‘Naqqast mill-qari tal-Bibbja u mit-talb tiegħi? Noħroġ service għax taʼ bilfors u jkolli ġenn biex nieqaf?’ Jekk weġibt iva għal xi waħda minn dawn il-mistoqsijiet, agħmel bidliet malajr. Tħallix l-iskola żżommok milli tpoġġi lil Ġeħova l-ewwel f’ħajtek.
Tħallix l-iskola twaqqfek milli żżomm lil Ġeħova l-ewwel f’ħajtek (Ara paragrafu 6)
TĦALLIX LIL OĦRAJN JINFLUWENZAW IL-MOD KIF TAĦSEB
7. L-istudju kif jistaʼ jaffettwa l-mod kif taħseb?
7 L-isfida. Skont il-kors li se tieħu, jistaʼ jkun titgħallem “filosofiji u r-raġunar falz,” bħall-ateiżmu u l-evoluzzjoni. (Kol. 2:8) Dan jistaʼ jwasslek ukoll biex tibda tafda wisq fik innifsek minflok f’Ġeħova. Ħu żagħżugħ qal: “Ma konniex biss qed nitgħallmu sengħa, imma konna qed nitgħallmu mod kif naħsbu li spiss ma kienx il-mod kif jaħseb Ġeħova. Pereżempju, kienu jgħallmu li jistaʼ jkollok suċċess bis-saħħa tiegħek stess. Dan beda jġegħelni naħseb li ma kellix bżonn lil Ġeħova biex inkun ferħan, u b’hekk sar iktar diffiċli biex nafda fih.”
8. Għala hu importanti li “taħseb b’mod ċar”? (Proverbji 5:1, 2)
8 Aqra Proverbji 5:1, 2. Il-Bibbja twissi biex toqgħod attent ħalli “taħseb b’mod ċar.” Biex tkompli tagħmel hekk, trid tagħmel sforz. Dan hu importanti għax ix-Xitan u s-sistema tiegħu l-ħin kollu jipprovaw iġegħluna naħsbu bħalhom. (1 Pt. 5:8) Il-mod kif jaħsbu n-nies dwar dak li hu tajjeb u ħażin, l-oriġini tal-ħajja, u jekk Alla jeżistix vera, jistaʼ jdaħħallek dubji dwar dak li jgħallem Ġeħova. L-għalliema u oħrajn jistgħu jġegħluk taħseb li l-ideat tagħhom dwar dawn l-affarijiet huma aħjar minn ideat oħrajn. Imma l-verità hi li l-ideat tagħhom huma “bluha għal Alla.”—1 Kor. 3:18-20.
9. X’tistaʼ tagħmel biex ma tħallix lil oħrajn iġegħluk tiddubita dak li temmen?
9 Dak li tistaʼ tagħmel qabel tkompli l-iskola. Qabel tkompli l-iskola kun konvint li dak li tgħid il-Bibbja hu veru. Saqsi lilek innifsek: ‘Jien għala nemmen f’Alla? Kif naf li l-Bibbja hi l-Kelma t’Alla? Xi kkonvinċieni li l-morali tal-Bibbja huma aħjar minn dak li n-nies jgħidu li hu tajjeb u ħażin?’ Xi ħaġa oħra li tistaʼ tgħinek hi li taħseb kif ġejt affettwat mill-iskola. Tistaʼ ssaqsi: ‘Bdejt niddubita jekk Alla jeżistix minħabba li ħafna jemmnu fl-evoluzzjoni? Kont insibha diffiċli li ngħid le għal affarijiet ħżiena li jagħmlu sħabi tal-klassi? Jekk tħoss li fil-passat stajt tagħmel xi ħaġa aħjar, issa kif tistaʼ tkun iktar konvint?’ Kun determinat li ma tħallix lil oħrajn iġegħluk tiddubita dak li temmen.—2 Tim. 2:16-18.b
10. X’tistaʼ tagħmel biex tibqaʼ konvint mit-twemmin tiegħek?
10 Meta tkompli tistudja, eżamina lilek innifsek b’mod regulari. Saqsi lilek innifsek: ‘Qiegħed ninfluwenza ruħi minn dawk taʼ madwari li qed jagħmlu affarijiet li ma jogħġbux lil Ġeħova? Ninduna jekk niġi mgħallem ideat taʼ bniedem minflok il-verità? Jien konvint għalkollox li s-Saltna t’Alla biss tistaʼ ssolvi l-problemi tal-bniedem?’ Biex tkun ċert li sħabek tal-klassi u l-għalliema mhux qed jinfluwenzaw il-mod kif taħseb, kompli aqra, immedita, u applika dak li titgħallem mill-Bibbja. Meta tagħmel dan, se tkun iktar ċert li dak kollu li tgħid il-Bibbja hu veru.—1 Tim. 4:15.
UŻA L-ĦIN TIEGĦEK SEW
11. Meta tkun qed tistudja, għala jistaʼ jkun diffiċli li tuża l-ħin sew?
11 L-isfida. Meta tkompli l-iskola, ħa tiħodlok ħafna ħin, speċjalment meta jkollok xi eżami jew xi proġetti li trid tlesti. Jekk ma tużax il-ħin sew, se tispiċċa b’ħafna stress jew tħossok dejjem għajjien. Għalhekk, importanti ħafna li tieħu ħsieb is-saħħa fiżika u emozzjonali tiegħek.
12. X’inhuma xi affarijiet li trid tagħmel ħin għalihom? (Efesin 5:15, 16)
12 Aqra Efesin 5:15, 16. Jistaʼ jkun diffiċli biex tuża “l-ħin bl-aħjar mod.” Dan għaliex ikollok ħafna affarijiet x’tagħmel. Pereżempju, hu importanti li tistudja imma hu iktar importanti li tagħmel ħin biex tkun mal-familja u l-aħwa tal-kongregazzjoni. (Slm. 133:1; Prov. 18:1) Ovvjament, l-iktar ħaġa importanti hi li tagħmel affarijiet li jżommuk qrib Ġeħova. (Mat. 6:33) Jistaʼ jkun ukoll li trid taħdem u tgħin fl-affarijiet tad-dar. Barra minn hekk, għandek bżonn tieħu ħsieb saħħtek billi tistrieħ biżżejjed u tagħmel l-eżerċizzju. (Ekk. 4:6; 1 Tim. 4:8) Biex tagħmel dan kollu hemm bżonn li tuża l-ħin sew.
13. X’tistaʼ tagħmel biex tuża l-ħin bl-aħjar mod?
13 Dak li tistaʼ tagħmel qabel tkompli l-iskola. Il-Bibbja tgħid li min jippjana jkollu suċċess. (Prov. 21:5) Għalhekk, agħmel skeda realistika qabel tkompli bl-istudju. Aħseb fis-snin meta kont l-iskola u saqsi lilek innifsek: ‘Irnexxieli nsib ħin biex nagħmel l-affarijiet importanti kollha?’ Jekk tħoss li fil-passat stajt tagħmel xi ħaġa aħjar, x’tistaʼ tirranġa? Kun determinat li inti tikkontrolla l-ħin u mhux il-ħin jikkontrolla lilek.c
14. X’mistoqsijiet jistgħu jgħinuk biex teżamina lilek innifsek?
14 Waqt li tkun qed tistudja, b’mod regulari ara kif qed tuża l-ħin. Saqsi lilek innifsek: ‘L-iskeda tiegħi qed tħallili ħin biex nistrieħ biżżejjed u nagħmel l-eżerċizzju? Għandi ħin biex inkun mal-aħwa tal-kongregazzjoni? Illesti l-homework fil-ħin? Jekk le, għax għandi ħafna x’nagħmel jew għax inħalli għall-aħħar? Tal-familja u oħrajn jaqblu li qed nuża l-ħin b’mod tajjeb?’ Jekk hemm bżonn li tirranġa l-iskeda jew iżżomm magħha aħjar, aħdem fuqha malajr. Int tistaʼ titkellem ma’ xi wħud li jużaw il-ħin tagħhom sew.—Prov. 11:14.
IBQAʼ ‘AGĦMILHA MAL-GĦORRIEF’
15. Waqt li tkun għaddej bil-kors, liema sfidi tistaʼ tiffaċċja?
15 L-isfida. Meta tkun għaddej bil-kors, sħabek tal-iskola jistgħu jibdew jistidnuk biex toħroġ magħhom. Forsi tkun tixtieq li tmur. Wara kollox, taqblu fuq ħafna affarijiet, speċjalment minħabba li tqattaʼ ħafna ħin magħhom l-iskola. Forsi saħansitra tħoss li taqbel iktar ma’ sħabek tal-iskola milli ma’ xi aħwa. Imma hemm bżonn li toqgħod attent. Għalkemm taqbel ma’ sħabek tal-klassi fuq xi affarijiet, int differenti minnhom għax trid togħġob lil Ġeħova u huma le. U iktar ma tqattaʼ ħin magħhom, iktar tistaʼ tibda taħsibha bħalhom. (1 Kor. 15:33) Hekk ġralu ħu jismu Michael, li ħa kors t’erbaʼ snin biex isir electrician. Hu jgħid, “Kont inqattaʼ iktar minn 40 siegħa fil-ġimgħa ma’ sħabi tax-xogħol li kienu jitkellmu ħażin, jisimgħu diski ħżiena, u li ma jurux rispett lejn in-nisa. Bdejt naħseb li dak li jgħidu u jagħmlu ma kienx daqshekk ħażin.”
16. Xi jfisser li ‘tagħmilha mal-għorrief’? (Proverbji 13:20)
16 Aqra Proverbji 13:20. Il-Bibbja twissina dwar il-periklu taʼ li nagħmluha ma’ kumpanija ħażina. Mill-banda l-oħra, “min jagħmilha mal-għorrief se jsir għaref.” Dan juri b’mod ċar li aħna ninfluwenzaw ruħna skont ma’ min nagħżlu li nkunu, kemm għat-tajjeb u kemm għall-ħażin. Għalhekk, agħżel ħbieb li jħobbu lil Ġeħova bħalek u li jixtiquk tkun vera ferħan.—Slm. 101:6, 7; 119:63.
17. X’tistaʼ tagħmel biex tevita kumpanija ħażina?
17 Dak li tistaʼ tagħmel qabel tkompli l-iskola. Iddeċiedi kemm se tqattaʼ ħin u kemm se tkun close ma’ sħabek tal-iskola. Xhud jismu Trenton jgħid: “Inkun dħuli ma’ sħabi tal-klassi imma ma nqattax ħin magħhom wara l-iskola. Huma biss sħabi tal-klassi u mhux ħbieb close tiegħi.” Int x’se tiddeċiedi li tagħmel? Biex twieġeb din il-mistoqsija saqsi lilek innifsek: ‘Fis-snin taʼ qabel meta kont l-iskola, kif għamilt dan?’ Jekk tħoss li fil-passat stajt għamilt xi ħaġa aħjar, x’tistaʼ tirranġa? Kun determinat li ‘tibqaʼ tagħmilha mal-għorrief’ u tevita li tagħmilha ma’ dawk li ma jħobbux lil Ġeħova.d
18. Liema mistoqsijiet għandek issaqsi lilek innifsek? (Ara wkoll l-istampa.)
18 B’mod regulari eżamina lilek innifsek billi tistaqsi: ‘Qed insir wisq close ma’ tal-klassi? L-affarijiet li jagħmlu, il-kliem li jgħidu, u l-attitudni tagħhom qegħdin jaffettwaw kif nitkellem u naħseb? Ġeħova kif iħossu dwar il-ħbiberija tiegħi ma’ sħabi tal-iskola?’ (Slm. 1:1) Jekk tinduna li għandek bżonn tbiddel xi ħaġa, agħmilha malajr. Kun ċert li l-aqwa ħbieb tiegħek iħobbu lil Ġeħova bħalma tħobbu inti. U żżommx lura milli tagħti xhieda lil sħabek tal-iskola. Int għandek l-aqwa opportunità biex tkellimhom dwar Ġeħova u l-Bibbja.
Iżżommx lura milli tagħti xhieda lil tal-klassi (Ara paragrafu 18)e
AĦSEB BIL-QUDDIEM BIEX TIBQAʼ TOGĦĠOB LIL ĠEĦOVA
19. Kif tistaʼ tipprepara lilek innifsek biex tibqaʼ togħġob lil Ġeħova waqt li tkompli l-iskola? Agħti eżempju.
19 Persuna li tkun sejra hike tagħmel ċert minn xi affarijiet qabel ma tibda. Għalkemm hi ma tkunx tistaʼ tgħid xi sfidi se tiffaċċja, hi tkun b’saħħitha biżżejjed, tilbes ħwejjeġ addattati, u tkun taf fejn sejra. Bl-istess mod, ipprepara lilek innifsek hekk kif tkun qed tieħu l-kors. Żomm il-ħbiberija tiegħek ma’ Ġeħova b’saħħitha billi tilbes “l-armatura sħiħa mingħand Alla,” u ftakar għala tixtieq tkompli tistudja. Il-mira tiegħek m’għandhiex tkun li ssir sinjur jew issir xi ħadd importanti f’din id-dinja, imma li togħġob lil Ġeħova f’kull ħaġa li tagħmel.—Efes. 6:11-13; 1 Kor. 9:26, 27; 10:31.
20. Kif tistaʼ ‘tkompli teżamina jekk intix qed tgħix fi qbil mal-fidi tiegħek f’Alla’?
20 Il-Bibbja tħeġġiġna: “Komplu eżaminaw jekk intomx qed tgħixu fi qbil mal-fidi tagħkom f’Alla. Komplu agħtu prova taʼ dak li intom.” (2 Kor. 13:5) Tistaʼ tagħmel dan waqt li tkompli l-iskola. B’liema mod? Billi b’mod regulari, tagħmel eżami tiegħek innifsek biex tara kif int sejjer. Pereżempju, qed iżżomm rutina spiritwali tajba? Qed toqgħod attent li l-mod kif taħseb mhux jiġi influwenzat mill-mod taʼ kif jaħsbu n-nies fid-dinja? Qed tuża l-ħin sew? Qed tagħżel ħbieb mill-kongregazzjoni u tevita kumpanija ħażina? Dawn huma mistoqsijiet li trid issaqsi lilek innifsek jekk qiegħed l-iskola, fuq il-post tax-xogħol, jew xi mkien ieħor. Agħmel ċert li jibqaʼ jkollok ħbiberija b’saħħitha ma’ Ġeħova f’kull ċirkustanza li tistaʼ tiffaċċja. Serraħ moħħok li Ġeħova se jbierek l-isforzi tiegħek.—Prov. 3:5, 6.
GĦANJA 87 Ejjew! Sibu serħan
a Għal ideat taʼ kif tistaʼ tibqaʼ taqdi lil Ġeħova, ara l-artiklu bl-Ingliż fuq jw.org “Young People Ask . . . What Will I Need to Do After Baptism?—Part 1: Keep Up Your Activity.”
b Għal ideat taʼ kif ma tħallix lil ħaddieħor jinfluwenzak, ara l-artiklu “Titqarrqux bl-‘għerf taʼ din id-dinja’” f’It-Torri tal-Għassa taʼ Mejju 2019.
c Għal ideat taʼ kif kuljum tistaʼ tuża l-ħin bl-aħjar mod, ara l-artiklu fuq jw.org “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Kif nistaʼ nqassam il-ħin?”
d Għal ideat taʼ kif tistaʼ toqgħod attent meta tiġi biex tagħżel il-ħbieb, ara lezzjoni 48 “Agħżel Ħbieb Tajbin” fil-ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!
e X’TURINA L-ISTAMPA: Waqt li oħt qed tieħu kors tal-hairdressing, qed tagħti xhieda bit-tattika lil studenta tal-klassi.