LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w26 Mejju pp. 2-7
  • Għala Huma Importanti l-Prinċipji tal-Bibbja?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għala Huma Importanti l-Prinċipji tal-Bibbja?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)——2026
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • X’INHUMA L-PRINĊIPJI TAL-BIBBJA?
  • GĦALA L-PRINĊIPJI TAL-BIBBJA HUMA IMPORTANTI?
  • KIF INKUNU NAFU LIEMA HUMA L-PRINĊIPJI TAL-BIBBJA?
  • KUN DETERMINAT LI TGĦIX FI QBIL MAL-PRINĊIPJI TAL-BIBBJA
  • Uża l-Prinċipji tal-Bibbja Biex Tittrennja l-Kuxjenza Tiegħek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)——2026
  • Ħalli l-Prinċipji Divini Jiggwidawlek il-Passi Tiegħek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Deċiżjonijiet li Juru li Tafda f’Ġeħova
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2023
  • Il-Prinċipji tal-Bibbja Kif Inhuma ta’ Ġid Għalina?
    Aħbar Tajba Mingħand Alla!
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)——2026
w26 Mejju pp. 2-7

6-12 TAʼ LULJU 2026

GĦANJA 98 L-Iskrittura—Imnebbħa minn Alla

Għala Huma Importanti l-Prinċipji tal-Bibbja?

‘Hekk kif taqdu lil Alla, użaw l-abbiltà li taħsbu.’—RUM. 12:1.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Se jiġi spjegat x’inhuma l-prinċipji u kif inkunu nafu liema huma meta naqraw il-Bibbja.

1-2. (a) Il-Bibbja għala tistaʼ tissejjaħ ktieb antik? (b) Il-Bibbja għala għadha tgħodd sal-lum?

IL-BIBBJA hi ktieb antik. Din bdiet tinkiteb xi 3,500 sena ilu u tlestiet kważi 2,000 sena ilu. Minkejja dan, il-messaġġ li nsibu fil-“kelma t’Alla” għadu jgħodd sal-lum. (Lhud 4:12; 2 Tim. 3:​16, 17) Miljuni taʼ nies huma xhieda taʼ dan, għax din għenithom jieħdu deċiżjonijiet għaqlin u jkunu iktar ferħanin.

2 Imma kif jistaʼ ktieb tant antik għadu jgħodd sal-lum? Hemm żewġ raġunijiet bażiċi. L-ewwel, il-messaġġ li nsibu fil-Bibbja ġej mill-“Alla l-ħaj,” il-Ħallieq tagħna li hu għaref iktar minn kull persuna oħra. (1 Tim. 4:10; Rum. 16:​26, 27) It-tieni, il-Bibbja hi miktuba b’tali mod li fiha prinċipji li ma jispiċċaw qatt. Allura se jibqgħu jgħinuna, ikun xi jkun iż-żmien u tkun xi tkun il-problema, bħalma għenu lin-nies tal-passat.

3. Liema mistoqsijiet se nwieġbu f’dan l-artiklu?

3 X’inhuma l-prinċipji tal-Bibbja? Għala huma tant importanti għalina llum? Meta naqraw il-Bibbja, kif nistgħu nkunu nafu liema huma l-prinċipji? Dan l-artiklu se jwieġeb dawn il-mistoqsijiet. Se naraw ukoll kif Ġesù għenna nifhmu aħjar kif jaħseb Ġeħova.

X’INHUMA L-PRINĊIPJI TAL-BIBBJA?

4. X’inhuma l-prinċipji tal-Bibbja?

4 Il-prinċipji tal-Bibbja huma veritajiet bażiċi li fuqhom huma bbażati l-liġijiet t’Alla. Xi kultant, prinċipju jistaʼ jkun jidher ċar f’liġi. (Mat. 22:37) Madankollu, il-prinċipji huma ħafna aħjar minn liġijiet speċifiċi. Liġijiet speċifiċi jistgħu jkunu limitati meta jiġu applikati. Dawn jistgħu jingħataw fi żmien jew sitwazzjoni partikulari. Imma l-prinċipji tal-Bibbja juru l-mod kif jaħsibha Ġeħova f’ħafna affarijiet. Il-prinċipji tistaʼ tgħid li huma r-raġuni għala tkun ingħatat il-liġi. Hemm raġuni valida għal kull liġi li Ġeħova ta. Imma l-prinċipji li huma bbażati fuqhom jistgħu jiġu applikati f’ħafna ċirkostanzi differenti u jibqgħu jgħoddu dejjem. (Slm. 119:111) Il-liġijiet jaf ikollhom bżonn jinbidlu, imma l-prinċipji la jiskadu u lanqas isiru antikwati.—Isa. 40:8.

5. Agħti eżempju li juri d-differenza bejn il-liġijiet u l-prinċipji. (Ara wkoll l-istampi.)

5 Aħseb f’dan l-eżempju li se jgħinna nifhmu d-differenza bejn il-liġijiet u l-prinċipji. Omm li tkun qed issajjar tgħid lit-tifel żgħir tagħha, ‘Tmissx il-borma.’ Dan hu kmand jew liġi. Imma l-prinċipju jew il-ħsieb taʼ dik il-liġi hu: Tmissx xi ħaġa li taħraq, inkella se tweġġaʼ. Dan japplika wkoll għal affarijiet oħra li jaħarqu, pereżempju ħadida tal-mogħdija, heater, jew kwalunkwe ħaġa oħra li taħraq u li tistaʼ tweġġaʼ biha. Dan il-prinċipju ma japplikax biss fid-dar imma kullimkien. Naturalment, it-tifel meta jikber aktarx li anki hu se jsajjar. Madankollu, xorta jrid joqgħod attent li ma jmissx il-borma jew taġen li jkun jaħraq għax jistaʼ jweġġaʼ. Allura, il-liġi tistaʼ tinbidel, imma hu xorta se jkollu jiftakar ir-raġuni għala ngħata dik il-liġi.

Grupp taʼ stampi: Omm u t-tifel tagħha qed isajru flimkien fil-kċina. 1. Hi u ssajjar qed tgħid lit-tifel żgħir tagħha biex ma jmissx il-borma li hi taħraq. 2. Snin wara, hi qed issajjar flimkien mat-tifel tagħha.

Liġi jaf tinbidel, imma l-prinċipju għala tkun ngħatat il-liġi jibqaʼ jgħodd (Ara paragrafu 5)


GĦALA L-PRINĊIPJI TAL-BIBBJA HUMA IMPORTANTI?

6. (a) Ġeħova x’jagħtina fil-Kelma tiegħu? (b) Ġeħova kif juri li jafdana?

6 Peress li Ġeħova jħobbna ħafna, jagħtina liġijiet ħalli ma nweġġgħux lilna nfusna u lanqas lil oħrajn. (Ġak. 2:11) Barra minn hekk, hu jgħinna nifhmu l-prinċipji jew il-ħsieb għala jkun tana dawn il-liġijiet. Ġeħova ma taniex liġi għal kull sitwazzjoni, imma fil-Bibbja nsibu prinċipji li jgħinuna nieħdu deċiżjonijiet tajbin u nagħmlu dak li hu sew anki meta ma jkunx hemm liġi. Billi tana dawn il-prinċipji, Ġeħova juri li jafdana u tana l-libertà li nieħdu deċiżjonijiet, nuru li nħobbuh, u li rridu nobduh.—Gal. 5:13.

7. Agħti eżempju li juri kemm huma importanti l-prinċipji tal-Bibbja. (Ara wkoll l-istampa.)

7 Biex naraw kif il-prinċipji tal-Bibbja jistgħu jgħinuna, aħseb fit-tabelli li jkun hemm fit-toroq għal dawk li jkunu qed isuqu. Ħafna minn dawn it-tabelli juru li tistaʼ taqlaʼ multa jekk ma tobdix dik il-liġi. Dawn jistgħu juru kemm tistaʼ ssuq jew meta jkollok bżonn tieqaf. Però, hemm tabelli oħrajn li jgħinu lis-sewwieq biex jevita l-perikli. Pereżempju, hemm tabelli li jwissu li t-triq tistaʼ tkun tiżloq jew li jistgħu jaqsmu xi annimali. Sewwieqa tajba se jużaw l-għaqal u joqogħdu attenti kif isuqu meta jaraw tabelli li juru li jistaʼ jkun hemm il-periklu. Pereżempju, jekk tkun nieżla x-xita jew ikun ħafna ċpar, is-sewwieq se joqgħod attent kif isuq f’dawn il-kundizzjonijiet perikolużi. B’mod simili, bħala Kristjani aħna nevitaw għalkollox li nagħmlu kwalunkwe ħaġa li hi kkundannata fil-Bibbja. Però, noqogħdu attenti wkoll li la nagħmlu u lanqas biss naħsbu f’affarijiet li jistgħu jwassluna biex niksru l-liġijiet t’Alla. Għalhekk, biex nieħdu deċiżjonijiet tajbin, hemm bżonn li nifhmu kif jaħsibha Ġeħova dwar il-kwistjoni.

Karozza qed tiġi misjuqa fi triq imserrpa billejl. Bid-dawl tagħha, is-sewwieq jistaʼ jara tabelli taʼ twissija.

Xi tabelli fit-toroq iwissu lil min ikun qed isuq li jistaʼ jkun hemm xi periklu. Il-prinċipji tal-Bibbja jistgħu jgħinuna bl-istess mod (Ara paragrafu 7)


8. Skont Rumani 12:​1, 2, meta nfittxu l-prinċipji tal-Bibbja, x’niġu trenjati nagħmlu?

8 Hemm iktar benefiċċji meta nfittxu għall-prinċipji tal-Bibbja u ngħixu fi qbil magħhom. Pereżempju, aħna niġu trenjati nifhmu kif jaħsibha Ġeħova dwar xi kwistjoni. Meta naqraw rakkonti tal-Bibbja, nitgħallmu nfittxu x’inhuma l-lezzjonijiet u naħsbu fil-fond dwarhom. Ikun tajjeb li nistaqsu għala Ġeħova kiteb dawn il-lezzjonijiet jew kif nistgħu nużawhom f’ħajjitna. B’dan il-mod, nitgħallmu ‘nużaw l-abbiltà li naħsbu’ biex naqdu lil Ġeħova, u b’hekk ‘inkunu konvinti minn dak li jrid minna, li hu tajjeb, aċċettabbli, u perfett.’—Aqra Rumani 12:​1, 2.a

9. Liema benefiċċji oħra hemm meta ngħixu fi qbil mal-prinċipji tal-Bibbja? (Lhud 5:​13, 14)

9 Meta nitgħallmu ngħixu fi qbil mal-prinċipji tal-Bibbja, se nsiru Kristjani maturi. Meta nifhmu aħjar kif jaħsibha Ġeħova, il-ħbiberija tagħna miegħu se tissaħħaħ. (Aqra Lhud 5:​13, 14.) Tfal żgħar jaf ikollhom bżonn lista twila taʼ liġijiet jew regoli biex ikunu jafu x’għandhom jagħmlu f’diversi sitwazzjonijiet. Imma huma jaf jobdu sempliċement biex ma jiġux ikkastigati. Però, Ġeħova lilna jittrattana bħala adulti u mhux bħal tfal żgħar. Hu jafdana li se nieħdu deċiżjonijiet li huma fi qbil ma’ dak li jrid hu. U meta nagħmlu hekk, hu se jkun ferħan ħafna.—Slm. 147:11; Prov. 23:​15, 26; 27:11.

KIF INKUNU NAFU LIEMA HUMA L-PRINĊIPJI TAL-BIBBJA?

10. Kif inkunu nafu liema huma l-prinċipji tal-Bibbja?

10 Meta naqraw il-Bibbja, aħna nfittxu lezzjonijiet biex insibu l-prinċipji li jgħinuna nifhmu x’jaħseb Ġeħova u kif iħossu dwar ċerti affarijiet. Inkunu nistgħu nifhmu wkoll għala Ġeħova jkun ta ċerti liġijiet. Iktar ma nifhmu għala, iktar se nifhmu lil Ġeħova. Imma biex nifhmu kif jaħsibha Alla, għandna bżonn nitolbuh biex jgħinna, u nitgħallmu naħsbu fil-fond dwar dak li naqraw. (Prov. 2:​10-12) Nistgħu nistaqsu mistoqsijiet bħal: ‘Alla għala taʼ din il-liġi? Jekk Ġeħova ma jiħux pjaċir b’din l-imġiba kif iħossu jekk nagħmel xi ħaġa simili? X’nitgħallem minn dan ir-rakkont tal-Bibbja u kif nistaʼ napplikah f’ħajti?’ Meta nifhmu għala Ġeħova ta ċertu liġijiet u x’lezzjonijiet hemm meta naqraw ir-rakkonti tal-Bibbja, aħna se nkunu nistgħu nieħdu deċiżjonijiet tajbin u li jferrħu lil Ġeħova.

11. Ġesù x’għamel biex inkunu nafu liema huma l-prinċipji tal-Bibbja? (Ara wkoll l-istampi.)

11 Fil-Prietka taʼ fuq il-Muntanja, Ġesù wriena kif inkunu nafu liema huma l-prinċipji tal-Bibbja. Ejja naraw tliet eżempji. F’kull wieħed minnhom, Ġesù l-ewwel qal il-liġi. Imbagħad hu qal x’kien il-ħsieb jew il-prinċipju għala ngħatat dik il-liġi. Hekk kif nimmeditaw fuq dak li qal Ġesù, se naraw li dawn il-prinċipji nistgħu napplikawhom illum. U fl-istess ħin, se naraw kif permezz tagħhom nistgħu nieħdu deċiżjonijiet għaqlin f’ħajjitna.

Ġesù bilqiegħda taħt siġra qed jgħallem grupp taʼ dixxipli.

Fil-Prietka taʼ fuq il-Muntanja, Ġesù wriena kif inkunu nafu liema huma l-prinċipji tal-Bibbja li jkunu fil-liġijiet t’Alla (Ara paragrafu 11)


12. Liema prinċipju nsibu fil-liġi f’​Mattew 5:​21, 22? (Ara wkoll l-istampa.)

12 Aqra Mattew 5:​21, 22. “M’għandkomx toqtlu.” X’inhu l-prinċipju għala ngħatat din il-liġi? Ġeħova ma jridx li aħna nobogħdu lil oħrajn. Imma lanqas ma jrid li nagħmlu, ngħidu, jew saħansitra naħsbu xi ħaġa ħażina dwarhom. Ġesù wera li anki jekk xi ħadd ma joqtolx, xorta jistaʼ jkun qed jikser ir-raġuni għala ngħatat il-liġi jekk hu jobgħod lil ħuh. Jekk xi ħadd “jibqaʼ rrabjat għal ħuh” jew jgħajru, l-individwu li jibqaʼ rrabjat xorta “se jiġi ġġudikat.” Infatti, huma ħsibijiet u emozzjonijiet ħżiena bħal dawn li jwasslu lil xi ħadd biex joqtol.—1 Ġw. 3:15.

13. Kif nistgħu napplikaw il-prinċipju li nsibu f’​Mattew 5:​21, 22 f’ħajjitna? (Ara wkoll l-istampi.)

13 Kif nistgħu napplikaw il-prinċipju li nsibu f’​Mattew 5:​21, 22? M’għandniex nibqgħu rrabjati jew inżommu f’qalbna. (Lev. 19:18; Ġob 36:13) Għala? Għax jekk nibqgħu rrabjati, nistgħu nibdew nobogħdu lill-persuna u dan jistaʼ jwassalna biex ngħidu jew nagħmlu xi ħaġa li ġġib il-mibegħda. (Prov. 10:12) Dan jinkludi l-gossip u l-malafama li jistgħu jagħmlu l-ħsara lir-reputazzjoni t’oħrajn. (Prov. 20:19; 25:23) Meta Ġesù ta l-lezzjoni dwar il-mibegħda, l-Internet, it-telefown, u l-kompjuter kienu għadhom ma jeżistux. Imma l-prinċipju li ta jgħodd anki meta nużaw dawn l-affarijiet. Għalhekk, bħala Kristjani maturi, aħna se noqogħdu attenti u qatt ma nużawhom biex ngħidu jew nagħmlu affarijiet li jġibu l-mibegħda. Aħna dejjem irridu nevitaw li ngħidu xi ħaġa li tistaʼ tħassar ir-reputazzjoni taʼ xi ħadd.

Grupp taʼ stampi: 1. Hemm miktub il-liġi tal-Bibbja: “M’għandkomx toqtlu.” 2. Żewġ aħwa nisa qed jgħidu fuq in-nies waqt li hemm oħt oħra li mhux tħossha komda b’dak li qed tismaʼ.

(Ara paragrafi 12-13)


14. Liema prinċipju nsibu fil-liġi f’​Mattew 5:​27, 28? (Ara wkoll l-istampa.)

14 Aqra Mattew 5:​27, 28. “Tagħmilx adulterju.” X’inhu l-prinċipju għala ngħatat din il-liġi? Ġeħova mhux biss jobgħod l-immoralità imma anki l-ħsibijiet li jwasslu għaliha. Ġesù spjega li jekk raġel miżżewweġ jibqaʼ jħares lejn mara (li ma tkunx martu) b’tali mod li jkun jixtieq ikollu relazzjoni sesswali magħha, hu jkun għamel dnub. Allura, hemm bżonn li nneħħu kwalunkwe ħsieb immorali malajr kemm jistaʼ jkun, anki jekk biex nagħmlu dan hemm bżonn li nagħmlu sforz kbir min-naħa tagħna. (Mat. 5:​29, 30) Dan il-prinċipju japplika wkoll għall-Kristjani single.

15. Kif nistgħu napplikaw il-prinċipju li nsibu f’​Mattew 5:​27, 28 f’ħajjitna? (Ara wkoll l-istampi.)

15 Kif nistgħu napplikaw il-prinċipju li nsibu f’​Mattew 5:​27, 28? Aħna m’għandniex noqogħdu naħsbu dwar affarijiet immorali. (2 Sam. 11:​2-4; Ġob 31:​1-3) Ovvjament, Kristjan matur se jevita kull tip taʼ pornografija u mhux se jirraġuna li qed iħares biss u allura mhu qed jagħmel xejn ħażin. Mhux se jirraġuna bħalma jagħmlu n-nies tad-dinja li jemmnu li hemm xi tipi taʼ pornografija li ma jagħmlux ħsara. Fi żmien Ġesù, ma kienx hemm affarijiet bħal kompjuters, mowbajls, films, jew ritratti. Minkejja dan, Ġesù tana prinċipju li jgħallimna kif iħossu Ġeħova dwar stampi u vidjows li huma immorali u li llum nistgħu narawhom fuq dawn l-affarijiet. Dan jgħinna nifhmu li Ġeħova vera ma jiħux pjaċir bl-affarijiet li qed jagħmlu llum, bħal li jibagħtu messaġġi, stampi, u vidjows immorali minn fuq il-mowbajl jew jieħdu sehem f’affarijiet immorali fid-dinja virtwali tal-Internet. Meta persuna miżżewġa tobdi dan il-prinċipju, se tevita li tqarraq bil-persuna l-oħra fiż-żwieġ. (Mal. 2:15) Imma dan jgħin ukoll lill-Kristjani kollha, miżżewġin jew le, biex jevitaw kwalunkwe ħaġa li tistaʼ twassal għall-immoralità sesswali.—Prov. 5:​3-14.

Grupp taʼ stampi: 1. Hemm miktub il-liġi tal-Bibbja: “Tagħmilx adulterju.” 2. Ħu jneħħi app taʼ social media minn fuq il-mowbajl tiegħu.

(Ara paragrafi 14-15)


16. Liema prinċipju nsibu fil-liġi f’​Mattew 5:​43, 44? (Ara wkoll l-istampa.)

16 Aqra Mattew 5:​43, 44. “Ħobb lil ħaddieħor.” X’inhu l-prinċipju għala Alla ta din il-liġi? Ġeħova jrid li aħna nħobbu lin-nies kollha. Però b’dispjaċir, il-Lhud fi żmien Ġesù applikaw ħażin din il-liġi u qalu li kienet tfisser li setgħu jobogħdu lill-għedewwa tagħhom. Imma Ġesù kien jaf li Alla ma tax din il-liġi għal din ir-raġuni. Hu kien jaf li Missierna tas-sema kollu mħabba jistenna li aħna nħobbu lil kulħadd, hi x’inhi n-nazzjonalità jew il-kultura li ġejjin minnha.—Mat. 5:​45-48.

17. Kif nistgħu napplikaw il-prinċipju li nsibu f’​Mattew 5:​43, 44 f’ħajjitna? (Ara wkoll l-istampi.)

17 Kif nistgħu napplikaw il-prinċipju li nsibu f’​Mattew 5:​43, 44? Meta aħna nħobbu lil kulħadd, m’aħniex se nieħdu sehem f’xi gwerra jew niġġieldu. (Isa. 2:4; Mik. 4:3) Dan il-prinċipju se jgħinna biex nuru qalb tajba ma’ dawk li ġejjin minn xi pajjiż ieħor jew li għandhom kultura jew reliġjon oħra. (Atti 10:​34, 35) Se jgħinna wkoll naħfru lil dawk li weġġgħu lilna jew lil dawk li aħna nħobbu.—Mat. 18:​21, 22; Mrk. 11:25; Luqa 17:​3, 4.

Grupp taʼ stampi: 1. Hemm miktub il-liġi tal-Bibbja: “Ħobb lil ħaddieħor.” 2. Koppja qed juru l-browxer “Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!” lil raġel taʼ razza differenti fis-suq.

(Ara paragrafi 16-17)


KUN DETERMINAT LI TGĦIX FI QBIL MAL-PRINĊIPJI TAL-BIBBJA

18. (a) X’għandna nkunu determinati li nagħmlu? (b) X’se niddiskutu fl-artiklu li jmiss?

18 Kemm aħna grati li Ġeħova jittrattana bħala adulti u mhux bħala tfal żgħar li jkollhom bżonn ħafna regoli! Hu jridna napplikaw il-prinċipji tal-Bibbja li se jgħinuna sabiex nieħdu deċiżjonijiet għaqlin. (1 Kor. 14:20) Hekk kif nieħdu dawn id-deċiżjonijiet, ejja nkunu determinati li ‘nibqgħu nifhmu xi jrid Ġeħova.’ (Efes. 5:17) Aħna se nieħdu deċiżjonijiet li huma fi qbil ma’ dak li jrid Ġeħova għax inħobbuh u mhux għax nibżgħu mill-kastig. Imma għandna rigal ieħor li se jgħinna nieħdu deċiżjonijiet li jogħġbu lil Ġeħova. Din hi l-kuxjenza tagħna. Dan se narawh fl-artiklu li jmiss.

INT KIF TWIEĠEB?

  • X’inhu prinċipju tal-Bibbja?

  • Il-prinċipji kif inhuma differenti mil-liġijiet?

  • X’inhuma xi prinċipji li Ġesù għallem fil-Prietka taʼ fuq il-Muntanja?

GĦANJA 95 Id-dawl qed jitqawwa

a Hemm ħafna sitwazzjonijiet fil-ħajja li Ġeħova ma taniex liġi għalihom. Allura hemm bżonn nifhmu kif il-prinċipji tal-Bibbja għandhom x’jaqsmu ma’ xulxin, ħalli b’hekk inkunu nistgħu nieħdu deċiżjonijiet għaqlin. Aħna nistgħu nużaw l-abbiltà li naħsbu li tana Alla biex nieħdu deċiżjonijiet li bihom nagħmluh ferħan u li jkun jistaʼ jberikna. Għall-Kristjani tal-ewwel seklu, din kienet bidla kbira u kienet xi ħaġa li kellhom bżonn jitgħallmu, għax qabel huma kienu mdorrijin isegwu ħafna regoli li kienu għamlu l-mexxejja reliġjużi.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja