13-19 TAʼ LULJU 2026
GĦANJA 127 It-tip taʼ persuna li għandi nkun
Uża l-Prinċipji tal-Bibbja Biex Tittrennja l-Kuxjenza Tiegħek
“Kull wieħed hu responsabbli li jagħmel dak li jitlob minnu Alla.”—GAL. 6:5.
DAK LI SE NITGĦALLMU
Se naraw kif il-prinċipji tal-Bibbja jistgħu jgħinuna nittrennjaw il-kuxjenza tagħna biex nieħdu deċiżjonijiet tajbin.
1-2. (a) Ġeħova liema rigal ta lil Adam u Eva? (b) Huma kif kellhom juru li japprezzaw dan ir-rigal?
L-ANNIMALI jaġixxu skont l-istint tagħhom. Ħafna magni jiġu programmati biex jaħdmu b’ċertu mod. Imma l-bnedmin huma differenti. Aħna ġejna maħluqin b’rigal speċjali li hu importanti ħafna għalina. Dan ir-rigal hu l-libertà tal-għażla, jiġifieri l-abbiltà li għandna biex nieħdu deċiżjonijiet u nagħżlu aħna stess xi rridu fil-ħajja tagħna. Il-Bibbja tgħidilna li l-ewwel raġel, Adam, ġie maħluq fix-xbieha, jew is-sura, t’Alla. (Ġen. 1:26, 27) Ġeħova ħalaq lil Adam u Eva bl-abbiltà li jiddeċiedu huma x’jagħmlu f’ħajjithom.
2 Lil Adam u Eva, Ġeħova ma tahomx lista twila taʼ liġijiet. Hu sempliċement qalilhom biex jieħdu ħsieb l-art, jimlew l-art bit-tfal tagħhom, u jirrispettaw l-awtorità tiegħu biex jiddeċiedi x’setgħu jagħmlu huma. (Ġen. 1:28; 2:16, 17) Adam u Eva kif kellhom juru li japprezzaw lil dak li tahom ir-rigal tal-libertà tal-għażla? Meta tqis dak kollu li Ġeħova tahom, Adam u Eva messhom obdew dan il-kmand sempliċi minn qalbhom. Kieku kienu juru li jħobbu lil Ġeħova, li riedu jagħmluh ferħan, u li japprezzaw dak li għamel magħhom.—Prov. 23:15.
3. Adam u Eva kif użaw ir-rigal tal-libertà tal-għażla?
3 Il-Bibbja tgħid li Adam u Eva m’użawx il-libertà tal-għażla tagħhom b’mod tajjeb. Minflok, huma għażlu li ma jobdux lil Ġeħova. Huma ħadu din id-deċiżjoni għax kienu jħobbu lilhom infushom u mhux lil Ġeħova. (Ġen. 3:1-7) Minħabba d-deċiżjoni li ħadu, illum aħna għadna qed inbatu l-konsegwenzi.—Rum. 5:12.
4. (a) Skont Galatin 6:5, x’għandna nagħmlu? (b) Liema rigal ieħor se nikkunsidraw f’dan l-artiklu?
4 Il-ħajja tal-lum tistaʼ tkun diffiċli ħafna minħabba li rridu nieħdu ħafna deċiżjonijiet kuljum. (Aqra Galatin 6:5.) Hemm deċiżjonijiet li jkunu faċli, imma hemm oħrajn li jkunu diffiċli. Kif nistgħu nieħdu deċiżjonijiet li jogħġbu lil Ġeħova? L-ewwel irridu nammettu li għandna bżonn l-għajnuna tiegħu. (Prov. 16:3; Ġer. 10:23) Għalkemm Ġesù kien perfett, hu kien jaf li għandu bżonn l-għajnuna t’Alla. (Lhud 5:7) Mela kemm iktar għandna bżonn il-gwida t’Alla aħna peress li imperfetti! Ejja niddiskutu rigal ieħor li tana Alla u li se jgħinna nieħdu deċiżjonijiet tajbin. Dan ir-rigal hu l-kuxjenza tagħna.
X’INHI L-KUXJENZA?
5. (a) X’inhi l-kuxjenza? (b) Il-kuxjenza kif tgħinna? (Rumani 2:14, 15)
5 Il-kuxjenza hi xi ħaġa ġo fina li tgħinna nkunu nafu x’inhu tajjeb u ħażin. Anki xi ħadd li ma jaf xejn dwar il-liġijiet t’Alla għandu kuxjenza. (2 Kor. 4:2) Il-kuxjenza tagħna qisha mħallef ġewwa fina li jgħidilna jekk il-mod kif naħsbu jew naġixxu hux tajjeb jew ħażin. (Aqra Rumani 2:14, 15.) Il-kuxjenza tagħna tistaʼ twissina jekk hux ħa nagħmlu xi ħaġa li nafu li hi ħażina. (1 Sam. 26:8-11) Jew tistaʼ tinkuraġġina biex nagħmlu xi ħaġa li nafu li hi tajba. Il-fatt li għandna l-libertà tal-għażla ma jfissirx li d-deċiżjonijiet tagħna kollha ħa jogħġbu lil Ġeħova. Il-kuxjenza tagħna għandha tgħinna nkunu nafu jekk id-deċiżjoni li se nieħdu hix tajba jew ħażina.
6. Il-kuxjenza għala mhux dejjem tgħinna nieħdu deċiżjonijiet tajbin?
6 Sfortunatament, il-kuxjenza tagħna mhux dejjem tgħinna nieħdu deċiżjonijiet tajbin. Minħabba li aħna imperfetti, anki l-kuxjenza tagħna hi imperfetta. Tistaʼ tiġi effettwata b’mod ħażin minn kif trabbejna, il-kultura tagħna, u x-xewqat ħżiena tagħna. Il-Bibbja tgħid li l-kuxjenza tagħna tistaʼ ssir “dgħajfa,” ‘imniġġsa,’ “immarkata b’ħadida tikwi,” jew saħansitra “ħażina.” (1 Kor. 8:12; Titu 1:15; 1 Tim. 4:2; Lhud 10:22) Din it-tip taʼ kuxjenza mhix se tgħinna nieħdu deċiżjonijiet tajbin. Din hi bħal arloġġ li ma jaħdimx sew u li jkollu bżonn jitranġa. Allura, hemm bżonn li naħdmu iebes biex il-kuxjenza tagħna tkun trenjata sew. (1 Pt. 3:16) Kif nistgħu nagħmlu dan?
KIF NITTRENNJAW IL-KUXJENZA TAGĦNA
7-8. (a) X’se jgħinna nittrennjaw il-kuxjenza tagħna? (b) Il-prinċipji tal-Bibbja kif jistgħu jiggwidawna? Agħti eżempju. (Ara wkoll l-istampa.)
7 Kif nistgħu nittrennjaw il-kuxjenza? Hemm bżonn li b’mod regolari naqraw il-Bibbja u naraw x’inhi l-ħarsa taʼ Ġeħova dwar x’inhu tajjeb u ħażin. Billi nistudjaw il-liġijiet taʼ Ġeħova, se nifhmu kif jaħsibha dwar l-affarijiet. Bħalma rajna fl-artiklu taʼ qabel, liġijiet speċifiċi jistgħu jiġu applikati biss f’ċerti sitwazzjonijiet. Hu għalhekk li jkun tajjeb ukoll li nfittxu l-prinċipji, għax dawn se jgħinuna nifhmu x’jaħseb Ġeħova u kif iħossu f’ħafna iktar sitwazzjonijiet.—Isa. 55:9.
8 Il-ħajja tagħna tistaʼ titqabbel ma’ xi ħadd li qed jivvjaġġa f’deżert. Immaġinak qiegħed hemm u la hemm toroq u lanqas tabelli. Jistaʼ jkun li billi nħarsu lejn ix-xemx jew l-istilel ikollna idea f’liema direzzjoni rridu mmorru. Imma jekk ikollna mappa li turi ċertu postijiet importanti, bħal xmajjar u muntanji, se tkun ħafna iktar t’għajnuna. Din se tgħinna nkunu nafu jekk morniex fid-direzzjoni t-tajba jew fid-direzzjoni l-ħażina. Il-mira tagħna għandha tkun li nferrħu lil Ġeħova. Il-Bibbja hi bħal mappa li ttina direzzjoni ċara biex tgħinna nagħmlu dan. Il-prinċipji tal-Bibbja huma bħal dawk l-affarijiet importanti li jidhru fuq il-mappa. Jekk napplikaw dawn il-prinċipji, se nilħqu l-mira tagħna u nagħmlu lil Ġeħova ferħan.
Il-prinċipji tal-Bibbja huma bħal postijiet importanti li jkunu mmarkati f’mappa, bħal xmajjar u muntanji, li jaċċertawna li mexjin fit-triq it-tajba (Ara paragrafu 8)
9. X’jistaʼ jgħinna iktar biex nittrennjaw il-kuxjenza? (Rumani 9:1)
9 Biex nittrennjaw il-kuxjenza b’mod tajjeb, għandna bżonn l-għajnuna tal-ispirtu qaddis t’Alla. (Aqra Rumani 9:1.) L-ispirtu qaddis jgħinna nifhmu kif jaħsibha Alla. Jistaʼ wkoll jimmotivana u jagħtina s-saħħa biex nagħmlu l-affarijiet kif jixtieq Ġeħova. (Flp. 2:13) Imma kif nistgħu nirċievu l-ispirtu qaddis taʼ Ġeħova?
10. Kif jistaʼ jkollna l-għajnuna mill-ispirtu qaddis? (Luqa 1:10, 13)
10 Itlob għall-ispirtu qaddis. (Aqra Luqa 11:10, 13.) Aħna nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova jrid itina l-ispirtu qaddis tiegħu. (Ġw. 3:34) Hu dejjem ħa jagħti l-ispirtu tiegħu b’mod ġeneruż lil dawk li jobduh. (Prov. 1:23; Ġak. 1:5) Imma x’se jgħinna iktar nittrennjaw il-kuxjenza tagħna?
11. (a) X’għandha tkun l-iktar mira importanti f’ħajjitna? (b) Għala hemm bżonn li nkunu ċerti li l-kuxjenza tagħna hi trenjata u qed taħdem sew?
11 Ipprova dejjem għoġob lil Ġeħova. (Prov. 8:34, 35) Din għandha tkun l-iktar mira importanti f’ħajjitna. Jekk inżommu f’moħħna din il-mira f’kull sitwazzjoni taʼ ħajjitna, dan jistaʼ jgħinna nittrennjaw il-kuxjenza tagħna. Meta jkollna l-kuxjenza tagħna taħdem kif suppost, aħna se naħsbu kif jaħseb Ġeħova u ħa jimpurtana minn kif iħossu hu. Meta naraw kemm il-ħajja hija diffiċli llum, se nindunaw kemm hu importanti li l-kuxjenza tagħna tkun trenjata sew. Spiss inkunu f’sitwazzjonijiet li l-Bibbja ma titkellimx b’mod speċifiku dwarhom. Dawn jistgħu jinvolvu d-divertiment, ix-xogħol, l-edukazzjoni, jew ma’ min nagħżlu li nqattgħu l-ħin. Allura, kif nistgħu nagħmlu ċert li d-deċiżjonijiet li nieħdu dwar dawn l-affarijiet jogħġbu lil Ġeħova?—2 Kor. 1:12.
12. X’se jgħinna nkunu nafu jekk il-kuxjenza tagħna hux tgħinna nieħdu deċiżjonijiet tajbin? (Efesin 5:10)
12 Immedita fuq dak li taqra mill-Kelma t’Alla. (Slm. 49:3) Meta taqra l-Bibbja, fittex prinċipji li se jgħinuk tifhem kif jaħsibha Ġeħova. (Aqra Efesin 5:10.) Hekk kif inkunu qed niffaċċjaw il-problemi, għandna bżonn infittxu l-prinċipji fil-Bibbja li se jgħinuna nkunu nafu jekk il-kuxjenza tagħna hux tgħinna nieħdu deċiżjonijiet tajbin. (Prov. 2:4-9, 11-13) Dawn il-prinċipji se jgħinuna biex nirranġaw u nikkoreġu l-kuxjenza tagħna skont il-bżonn. B’hekk, se nagħmlu ċert li nagħmlu dak li jixtieq Ġeħova.—Lhud 5:14.
13. X’m’għandniex nagħmlu? Agħti eżempju.
13 Tiħux deċiżjoni u mbagħad wara tmur tfittex x’jaħseb Ġeħova. Aħna ma rridux nagħmlu bħall-Iżraelin li baqgħu fl-art taʼ Ġuda wara l-qerda taʼ Ġerusalemm fis-607 qabel Kristu. Huma qalu lil Ġeremija: “Jalla Ġeħova l-Alla tiegħek jgħidilna minn fejn għandna ngħaddu u x’għandna nagħmlu.” (Ġer. 42:3-6) Imma huma kienu diġà ddeċidew x’kienu se jagħmlu. Meta d-direzzjoni taʼ Ġeħova m’għoġbithomx, huma m’obdewhx u għamlu dak li riedu. Dan ġab diżastru. (Ġer. 42:19-22; 43:1, 2, 4) Allura qabel ma nieħdu deċiżjoni, irridu nfittxu prinċipji tal-Bibbja li juru kif jaħsibha Ġeħova. Imbagħad naġixxu fi qbil magħhom.
14. Għala hemm bżonn li napplikaw il-prinċipji tal-Bibbja qabel ma nieħdu deċiżjonijiet?
14 Iddeċiedi skont il-prinċipji tal-Bibbja. (Mat. 7:24-29; Ġak. 1:23-25) Meta nieħdu deċiżjonijiet ibbażati fuq il-prinċipji tal-Bibbja, aħna nkunu qed naħdmu mal-ispirtu qaddis. B’hekk, Ġeħova se jkompli jtina l-ispirtu tiegħu. (Atti 5:32) Mill-banda l-oħra, jekk ninjoraw il-gwida tal-ispirtu taʼ Ġeħova, aħna nkunu qed ‘niħduha kontra l-ispirtu qaddis,’ jew innikktuh. (Efes. 4:30; Isa. 63:10; Atti 7:51) Ġeħova jistaʼ saħansitra ma jkomplix jitfaʼ l-ispirtu tiegħu fuqna. (Slm. 51:11; 1 Tes. 5:19) Dan iġib diżastru, għax aħna għandna bżonn il-qawwa u s-saħħa li jiġu mill-ispirtu qaddis.—Efes. 3:16.
KIF NISTGĦU NSIBU PRINĊIPJI TAL-BIBBJA LI JISTGĦU JGĦINUNA?
15-16. (a) Kif nistgħu nsibu prinċipji tal-Bibbja li jistgħu jgħinuna? (b) Liema prinċipji tal-Bibbja jistgħu jgħinu student tal-Bibbja biex ma jibqax ipejjep?
15 Uża l-pubblikazzjonijiet meta tistudja. Qabel ma nkunu nistgħu napplikaw il-prinċipji tal-Bibbja, hemm bżonn insiru nafu kif insibuhom fl-Iskrittura. Pereżempju, xi ngħidu jekk l-istudent tal-Bibbja tiegħek ma jifhimx għala m’għandux jibqaʼ jpejjep? Hu jaf jirraġuna: ‘Il-Bibbja ma titkellimx dwar it-tipjip. Allura kif nafu li hu ħażin?’ Kif tistaʼ tgħinu jsib prinċipji tal-Bibbja dwar dan u jirraġuna fuqhom? Pubblikazzjoni waħda li tgħinna hi Gwida għall-Pubblikazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Int tistaʼ turi l-istudent it-titlu “Tabakk u Tipjip.” U taħt dak it-titlu hemm referenza għall-artiklu “It-tipjip—Kif iqisu Alla?” (Ara It-Torri tal-Għassa tal-1 taʼ Ġunju 2014.) Hekk kif jaqra l-artiklu, liema skritturi u prinċipji se jsib?
16 Ikkunsidra ħames prinċipji li jissemmew f’dak l-artiklu. (1) M’għandniex insiru lsiera taʼ xi ħaġa li ġġib il-mewt. (Rum. 6:16) (2) M’għandna nagħmlu xejn li jagħmel il-ħsara lill-ġisem tagħna. (2 Kor. 7:1) (3) Ġeħova jridna naqduh b’ruħna kollha. (Mat. 22:37) (4) M’għandniex nagħmlu ħsara lill-oħrajn b’dak li nagħmlu aħna. (Mat. 22:39; 1 Kor. 10:24) (5) Ġeħova jistaʼ jagħtina s-saħħa biex nagħmlu dak li hu tajjeb. (Flp. 4:13) Mela għalkemm il-Bibbja ma ssemmix speċifikament it-tipjip, il-prinċipji li nsibu fiha jistgħu jgħinu lill-istudent tiegħek ikun jaf x’jaħseb Ġeħova.
17. Koppja li qed jippjanaw li jagħmlu tieġ fejn jistgħu jsibu prinċipji tal-Bibbja li jistgħu jgħinuhom?
17 Koppja li qed jippjanaw li jagħmlu tieġ fejn jistgħu jsibu prinċipji tal-Bibbja li jistgħu jgħinuhom jieħdu deċiżjonijiet tajbin? Għal darb’oħra, il-ktieb Gwida għall-Pubblikazzjonijiet jistaʼ jkun t’għajnuna. Taħt it-titlu “Tiġijiet u Riċevimenti,” hemm lista t’artikli li fihom prinċipji tal-Bibbja. Aħseb dwar sitt prinċipji tal-Bibbja li koppja jistgħu jikkunsidraw. (1) Dak kollu li jsir għandu jonora lil Ġeħova. (1 Kor. 10:31, 32) (2) L-ilbies tagħna għandu jkun xieraq, modest, u mhux estrem. (1 Tim. 2:9; 1 Pt. 3:3, 4) (3) Ma rridux nipprovaw nimpressjonaw lil oħrajn b’dak li nagħmlu bħalma jagħmlu fid-dinja taʼ Satana. (Ġw. 17:14; Ġak. 1:27; 1 Ġw. 2:15, 16) (4) Għandu jsir kollox bl-ordni. (1 Kor. 14:40) (5) It-tieġ m’għandux ikun party bla kontroll fejn in-nies jixorbu ħafna. (Gal. 5:21) (6) Għandu jkun hemm xi ħadd inkarigat biex jieħu ħsieb li jsir kollox kif jogħġob lil Ġeħova.—Ġw. 2:8, 9.
18-19. (a) Liema pubblikazzjoni oħra tistaʼ tgħinna? (b) Liema prinċipji tistaʼ ssib f’din il-pubblikazzjoni li jistgħu jgħinuk tieħu deċiżjonijiet tajbin dwar iċ-ċelebrazzjonijiet? (Ara l-kaxxa “Kif Tistaʼ Tkun Taf Kif Jaħsibha Ġeħova Dwar Dawn l-Affarijiet?”)
18 Pubblikazzjoni oħra li ħafna sabuha t’għajnuna hi Skritturi li Jgħinuna Ngħixu Bħala Kristjani. Din il-pubblikazzjoni fiha diversi skritturi taħt ħafna suġġetti. Meta int tkun għażilt is-suġġett, se tara lista taʼ mistoqsijiet flimkien mal-iskritturi li jistgħu jgħinuk tifhem x’inhuma l-prinċipji tal-Bibbja. Pereżempju, Kristjan forsi ma jkunx jaf jekk għandux imur xi ċelebrazzjoni. Jekk imur taħt it-titlu “Ċelebrazzjonijiet,” hu se jsib is-sottitlu “Ċelebrazzjonijiet li ma jiċċelebrawx il-Kristjani.”
19 Ikkunsidra xi affarijiet li jiġu diskussi f’dik is-sezzjoni: “Għala hu ħażin li tieħu sehem f’ċelebrazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mar-reliġjon falza? (1Kor 10:21; 2Kor 6:14-18; Ef 5:10, 11).” Taħt se ssib eżempji taʼ ċelebrazzjonijiet bħal dawn. Imbagħad, taħt is-sottitlu “Festi nazzjonali,” hemm lista taʼ prinċipji li nsibu mill-Iskrittura li jistgħu jiġu applikati meta Kristjan jiddeċiedi jekk għandux jiċċelebra festi nazzjonali, festi li jfakkru l-gwerer, jew ċelebrazzjonijiet li jagħtu qima lin-nies. Kemm aħna grati li l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova ttina dawn il-pubblikazzjonijiet biex jgħinuna nittrennjaw il-kuxjenza tagħna!
AGĦMEL ĊERT LI L-KUXJENZA TIEGĦEK HI TRENJATA SEW
20. Kif nistgħu nuru li ttrennjajna l-kuxjenza tagħna sew?
20 Aħna napprezzaw ir-rigal tal-libertà tal-għażla. Imma aħna nifhmu wkoll li għandna nittrennjaw il-kuxjenza tagħna ħalli nkunu nistgħu nużaw il-libertà tal-għażla b’mod li nferrħu lil Ġeħova. Kuxjenza trenjata sew se tgħinna nieħdu deċiżjonijiet li jogħġbu lil Ġeħova u li jonorawh. Biex nagħmlu hekk, hemm bżonn l-għajnuna tal-ispirtu qaddis taʼ Ġeħova. Allura, għandna nibqgħu nitolbu għall-ispirtu qaddis u nħalluh jiggwidana. Il-prinċipji tal-Bibbja wkoll se jgħinuna nittrennjaw il-kuxjenza tagħna. Ejja nagħmlu kulma nistgħu biex nużaw dawn ir-rigali mingħand Ġeħova bl-aħjar mod, imbagħad se naraw kemm il-Bibbja tistaʼ tgħinna.—2 Tim. 3:16, 17; Lhud 4:12.
GĦANJA 135 L-appell mill-qalb taʼ Ġeħova: “Ibni, kun għaref”