LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w26 April pp. 26-31
  • Ibqgħu Saħħu l-Ħbiberija Tagħkom Bħala Koppja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ibqgħu Saħħu l-Ħbiberija Tagħkom Bħala Koppja
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)——2026
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • KIF TAGĦŻEL LIL XI ĦADD LI JIBQAʼ L-AQWA ĦABIB TIEGĦEK
  • QATTGĦU L-ĦIN FLIMKIEN BIEX ISSAĦĦU L-ĦBIBERIJA TAGĦKOM
  • IBQGĦU QRIB XULXIN META JINQALGĦU L-PROBLEMI
  • Kif Issib l-Aħjar Persuna Biex Tiżżewweġ
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
  • Iż-żwieġ—Rigal mingħand Alla
    Kif tibqa’ fl-imħabba t’Alla
  • Wara l-ġurnata tat-tieġ
    Kif tibqa’ fl-imħabba t’Alla
  • Iż-Żwieġ—Għotja Mingħand Alla taʼ Mħabba
    “Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla”
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)——2026
w26 April pp. 26-31

29 TAʼ ĠUNJU–5 TAʼ LULJU 2026

GĦANJA 131 “Dak li Alla għaqqad flimkien”

Ibqgħu Saħħu l-Ħbiberija Tagħkom Bħala Koppja

“Hemm ħabib li jintrabat miegħek iktar minn ħuk.”—PROV. 18:24.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Raġel u mara miżżewġin li jridu li jkollhom żwieġ ferħan għandhom iħobbu lil Ġeħova u jkunu qrib taʼ xulxin.

1. Ħbieb tajbin għala huma rigal mingħand Ġeħova?

ĦBIEB tajbin huma rigal mingħand Ġeħova. (Ġak. 1:17) Huma jħobbu lil Alla u lilna. Huma jriduna nkunu ferħanin, jgħinuna meta nkunu mdejqin, u jagħtuna parir onest meta jkollna bżonn. Huma leali u nistgħu nistrieħu fuqhom. Ħbieb bħal dawn vera ‘jferrħu l-qalb’!—Prov. 27:9.

2. Għala hu importanti li koppja miżżewġa tibqaʼ ssaħħaħ il-ħbiberija tagħha? (Mattew 19:6)

2 Raġel u mara miżżewġin għandhom ikunu ħbieb tal-qalb. Ikun tajjeb li jiftakru li hemm bżonn jagħmlu sforz biex il-ħbiberija tagħhom tissaħħaħ. Jekk jittraskurawha, jistgħu jibdew iħossuhom waħedhom, frustrati, u saħansitra rrabjati. Imma jekk jibqgħu jaħdmu biex ikunu qrib taʼ xulxin, jistgħu jgawdu l-aqwa ħbiberija li jistaʼ jkollhom tnejn min-nies. (Aqra Mattew 19:6.) F’dan l-artiklu se naraw kif koppji miżżewġin jistgħu jkomplu jsaħħu l-ħbiberija tagħhom. Imma l-ewwel ejja naraw kif aħwa single jistgħu jagħżlu lil xi ħadd biex jibqaʼ l-aqwa ħabib tagħhom.

KIF TAGĦŻEL LIL XI ĦADD LI JIBQAʼ L-AQWA ĦABIB TIEGĦEK

3-4. X’se jgħin lil xi ħadd isib raġel jew mara tajba? (Proverbji 18:22)

3 Qabel ma nieħdu xi deċiżjonijiet importanti, irridu naħsbu dwar x’jistgħu jkunu r-riskji, il-benefiċċji, u x’jistaʼ jiġri ’l quddiem. Deċiżjonijiet importanti jistgħu jbiddlulna l-kumplament taʼ ħajjitna, allura rridu naħsbuha sew qabel niddeċiedu.

4 Meta nagħżlu ħabib għal ħajjitna kollha, jiġifieri r-raġel jew il-mara tagħna, inkunu qed nieħdu waħda mill-iktar deċiżjonijiet importanti f’ħajjitna. Peress li Ġeħova għamel l-arranġament taż-żwieġ, jagħmel sens li nfittxu l-għajnuna tiegħu meta niġu biex nagħżlu r-raġel jew il-mara tagħna. Hu jrid li raġel isib mara tajba u li mara ssib raġel tajjeb. Ġeħova dejjem jaf x’inhu l-aħjar għalina. (Aqra Proverbji 18:22; Isa. 48:​17, 18) Il-prinċipji li nsibu fil-Kelma t’Alla jistgħu jgħinu Kristjan isib lil xi ħadd tajjeb għalih.

5. Jekk trid tiżżewweġ, għala hu importanti li tagħżel lil xi ħadd mgħammed?

5 Meta nitgħammdu nsiru ħbieb t’Alla. (Slm. 25:14) Allura, jekk tixtieq tiżżewweġ għandek tagħżel lil xi ħadd li jħobb lil Ġeħova. (1 Kor. 7:39) Billi tagħmel hekk, int tkun qed turi li tapprezza l-livelli taʼ Ġeħova u se tibda tara l-mara tiegħek bħala rigal mingħandu.a (Prov. 19:14) Apparti minn hekk, se tevita l-problemi li jiġu għax tidħol taħt “madmad li mhux l-istess,” jiġifieri tiżżewweġ lil xi ħadd li ma jaqdix lil Ġeħova. (2 Kor. 6:14) Anki jekk ma jkunx hemm lil min tiżżewweġ fil-verità, ma jkunx għaqli li taħseb biex tiżżewweġ lil xi ħadd jekk ma jħobbx lil Ġeħova. Lanqas ma jagħmel sens li tirraġuna li iktar ’il quddiem jaf jidħol fil-verità.

6-7. Liema mistoqsijiet għandek issaqsi meta tibda toħroġ ma’ xi ħadd?

6 Ovvjament, mhux kull min hu mgħammed hu tajjeb għalik. Jekk qed tinteressa ruħek f’xi ħadd ikun tajjeb li ssaqsi lilek innifsek: ‘Kif jittrattahom lil tal-familja? Jirrispetta u jieħu ħsieb lil oħrajn? Min huma l-ħbieb tiegħu? Kif jaġixxi meta ħaddieħor ikollu opinjoni differenti minn tiegħu? Ikun irid li tgħaddi tiegħu jew jekk tkun xi ħaġa li ma tmurx kontra l-Bibbja, ikun lest li jismaʼ l-opinjoni taʼ ħaddieħor? Kif iqis il-flus?’

7 Tistaʼ ssaqsi wkoll: ‘Juri li jħobbu ħafna lil Ġeħova? Qiegħed jilbes “il-personalità l-ġdida”? Se jgħinni naqdi aħjar lil Ġeħova? Għandna l-istess miri spiritwali? Nimmaġinana li nsiru l-aqwa ħbieb u mhux sempliċement ħbieb?’ (Kol. 3:​9, 10) Jekk int oħt, il-ħu li qed toħroġ miegħu se jkun ħabib tajjeb u kap tal-familja tajjeb? (1 Kor. 11:3) Jekk int ħu, l-oħt li qed toħroġ magħha se tikkopera miegħek u tirrispetta d-deċiżjonijiet li tieħu anki jekk tiżbalja? Jieħu ż-żmien biex twieġeb mistoqsijiet bħal dawn. Allura, uża dan iż-żmien biex issir taf lill-persuna li tixtieq tiżżewweġ.

8-9. X’jistaʼ jgħin lil xi ħadd li qed jaħseb biex jiżżewweġ jieħu deċiżjoni tajba? (Ara wkoll l-istampa.)

8 Meta tkun qed toħroġ ma’ xi ħadd, x’aktarx se tieħu deċiżjoni tajba jekk tipprova ssir taf lill-persuna sew. Tkellem m’oħrajn biex tkun taf x’opinjoni għandhom dwarha. Forsi tistaʼ ssaqsi dwar ir-reputazzjoni u l-kwalitajiet tal-persuna. Pereżempju, in-nies jarawha umli, qalbha tajba, u raġonevoli? Sarah, oħt mill-Gujana Franċiża li żżewġet lil ħu jismu Daniel, tgħid: “Staqsejt lil oħrajn x’jaħsbu dwar Daniel. Pereżempju, tkellimt mal-ħu li kien jgħix u jagħmel pijunier miegħu, m’anzjan fil-kongregazzjoni tiegħu, mal-ħbieb li jafuna sew it-tnejn li aħna, u m’aħwa nisa fil-kongregazzjoni tiegħu.” Bi mħabba, forsi tistaʼ ssaqsi lill-persuna li tixtieq tiżżewweġ jekk hemmx xi ħaġa mill-passat jew fil-preżent li jkun tajjeb li tkun taf. Dan jaf ikun importanti għax ċerti affarijiet jistgħu jaqilgħu l-problemi fiż-żwieġ iktar tard.

9 Tinjorax xi dubji li qed ibeżżgħuk u ħabib matur li jiġbidlek l-attenzjoni dwar xi affarijiet negattivi li għandha l-persuna. Jekk tagħmel hekk, tkun tistaʼ tiddeċiedi aħjar jekk għandekx tkompli toħroġ ma’ dak li jkun.b Issa, għall-kumplament taʼ dan l-artiklu se nitkellmu dwar koppji li diġà huma miżżewġin.

Koppja li qed joħorġu flimkien qed jieħdu pjaċir jitkellmu f’gathering mal-ħbieb.

Matul iż-żmien li tkun qed toħroġ mal-persuna, ipprova sir afha sew (Ara paragrafi 8-9)


QATTGĦU L-ĦIN FLIMKIEN BIEX ISSAĦĦU L-ĦBIBERIJA TAGĦKOM

10. Għala jkun tajjeb li koppja miżżewġa tqattaʼ l-ħin flimkien u jagħtu attenzjoni lil xulxin?

10 Koppja miżżewġa jistgħu jżommu l-ħbiberija u ż-żwieġ tagħhom b’saħħithom billi jagħmlu ħin għal xulxin minkejja li jkollhom ħafna x’jagħmlu. Dan jagħtihom opportunità biex jgħidu xi jkun ġara matul il-ġurnata, biex jgħidu lil xulxin x’qed iħossu u x’qed jaħsbu, biex juru affezzjoni lejn xulxin, u biex jagħmlu affarijiet li jieħdu pjaċir bihom.

11. X’jistaʼ jdgħajjef il-ħbiberija bejn raġel u mara miżżewġin?

11 Raġel u mara miżżewġin li huma ħbieb kbar jippreferu jkunu flimkien milli ’l bogħod minn xulxin. Ovvjament, ma jistgħux joqogħdu l-ħin kollu flimkien. Imma li jkunu ’l bogħod minn xulxin għal żmien twil jistaʼ jkun perikoluż. Pereżempju, hemm min aċċetta xogħol f’pajjiż ieħor, u b’hekk ikun ’il bogħod mill-familja għal żmien twil. Vera li jkunu jistgħu jaqilgħu iktar flus, imma l-fatt li jkunu ’l bogħod minn xulxin għal żmien twil jistaʼ jġib ħafna problemi fiż-żwieġ.

12-13. (a) Xi koppji miżżewġin x’għamlu biex iqattgħu iktar ħin flimkien? (Ara wkoll l-istampa.) (b) Kemm għandha tkun importanti l-ħbiberija taʼ bejnietkom? (Ara l-kaxxa “Kemm Hi Importanti Għalik il-Persuna l-Oħra fiż-Żwieġ?”)

12 Innota x’għamlu xi koppji biex jagħmlu ċert li jqattgħu l-ħin flimkien b’mod regolari. Leah fil-Guam tgħid: “Jien u r-raġel nieħdu pjaċir nagħmlu affarijiet differenti flimkien. Aħna rari noħorġu għalina jew naċċettaw stediniet fejn ma nkunux mistidnin it-tnejn.” Roxanne fl-Istati Uniti tgħid: “Minħabba li jkollna ħafna x’nagħmlu, bdejna nippjanaw meta jkun tajjeb li nqattgħu ħin flimkien bħalma nagħmlu b’affarijiet importanti oħra.” (Ara l-prinċipju f’​Għamos 3:3.) Damien fi Franza jispjega: “Indunajna li hu importanti li nkunu nafu xi tħobb tagħmel il-persuna l-oħra. Dan għenna biex nibdew nieħdu pjaċir nagħmluha t-tnejn li aħna.” (Mat. 7:12) U Katie fl-Istati Uniti tgħid: “Kultant inneħħu l-mowbajls ħalli ma jtellfuniex.”

13 Iktar importanti minn hekk, qattgħu ħin flimkien f’affarijiet spiritwali. Myriam fi Franza tgħid: “Aħna nibdew il-ġurnata billi naqraw il-Bibbja. Imbagħad ngħidu lil xulxin x’jogħġobna u kif nistgħu npoġġu fil-prattika dak li tgħallimna. Vera nieħu pjaċir inqattgħu dan il-ħin flimkien.” Hi żżid tgħid: “Vera nieħu pjaċir meta nitolbu flimkien u nara kemm ir-raġel tiegħi jħobb lil Ġeħova.” Katie li ssemmiet qabel tgħid: “L-iktar li nieħdu pjaċir flimkien hu meta noħorġu service. Aħna nersqu iktar qrib xulxin meta nisimgħu lil xulxin nitkellmu dwar Ġeħova, u għadna nitgħallmu affarijiet ġodda minn xulxin.”—Prov. 27:17.

Il-koppja li rajna fl-istampa taʼ qabel issa huma miżżewġin u qed jieħdu pjaċir flimkien waqt li qed jikkampjaw.

Saħħaħ iż-żwieġ tiegħek billi tqattgħu l-ħin flimkien b’mod regolari (Ara paragrafi 12-13)


Kemm Hi Importanti Għalik il-Persuna l-Oħra fiż-Żwieġ?

F’ħajjitna jkollna ħafna nies li jkunu importanti għalina. Imma min għandu jkun l-iktar importanti għalija?—Flp. 1:10.

  1. 1. Ġeħova. Il-ħbiberija tagħna ma’ Ġeħova għandha tieħu l-ewwel post f’ħajjitna. (Mat. 6:33; Mrk. 12:30) Aħna qatt ma nagħmlu xi ħaġa li ma togħġobx lil Ġeħova biex sempliċement nogħġbu l-persuna l-oħra fiż-żwieġ.—Atti 5:29; ara l-prinċipju f’​Ġenesi 2:​16, 17; 3:6.

  2. 2. Il-persuna l-oħra fiż-żwieġ. Aħna “ġisem wieħed” mal-persuna l-oħra fiż-żwieġ. Aħna nieħdu ħsiebha daqskemm nieħdu ħsieb lilna nfusna.—Ġen. 2:24; Efes. 5:​28, 29, 33.

  3. 3. Nies u responsabbiltajiet oħra. Aħna rridu nieħdu ħsieb il-ġenituri tagħna, tal-familja, ħutna spiritwali, u responsabbiltajiet teokratiċi. Imma apparti Ġeħova, ħadd u xejn m’għandu jkun iktar importanti mir-raġel jew il-mara tagħna. Allura, irridu nagħmlu ċert li qed nieħdu ħsiebhom sew u li jkunu ferħanin.—1 Tim. 5:8.

IBQGĦU QRIB XULXIN META JINQALGĦU L-PROBLEMI

14-15. Koppja għala għandha tagħmel l-aħjar tagħha biex tegħleb il-problemi li jaf jinqalgħu fiż-żwieġ? Agħti eżempju.

14 Bħala tnejn min-nies imperfetti, koppja miżżewġa se jkollha l-isfidi fiż-żwieġ. B’mod realistiku, il-Bibbja tgħid li l-miżżewġin se “jkollhom il-problemi fil-ħajja tagħhom.” (1 Kor. 7:28) Meta jinqalgħu l-problemi, għala jkun tajjeb li jagħmlu l-aħjar tagħhom biex jibqgħu qrib xulxin u jegħlbu l-isfidi?

15 Aħseb f’dan l-eżempju. Jekk xi binja jew pittura famuża jkollha l-ħsara, is-sidien x’aktarx ikunu jridu jirranġawha. Huma jaf iqattgħu ħafna ħin u jonfqu ħafna flus biex jirranġawha imma ma jaqtgħux qalbhom, anki jekk jiħdilhom ħafna snin. Għala? Għax dik il-binja jew pittura hi prezzjuża għalihom. B’mod simili, iż-żwiġijiet kollha huma prezzjużi. Anki fl-iktar żwiġijiet b’saħħithom jinqalgħu l-problemi. Imma bħalma binja jew pittura spiss tistaʼ tiġi rranġata, koppja wkoll tistaʼ ssalva ż-żwieġ tagħha. Aktarx hemm bżonn il-ħin u ħafna xogħol biex jitranġaw l-affarijiet, imma Ġeħova jieħu pjaċir jekk il-koppja taħdem iebes biex issaħħaħ iż-żwieġ tagħha u jibqgħu flimkien. (Mal. 2:16) Meta jagħmlu hekk, ikunu qed juru li jirrispettaw u jħobbu anki lil Ġeħova, mhux lilhom biss.

16. Skont l-​1 Korintin 13:​4-8a, x’jistaʼ jgħin lil koppja li qed tiffaċċja problemi kbar fiż-żwieġ? (Ara wkoll l-istampa u l-kaxxa “Għajnuna Biex Issaħħaħ il-Ħbiberija Tiegħek.”)

16 Jekk jinqalgħu l-problemi fiż-żwieġ, tkunx ħafif biex tissepara. (1 Kor. 7:​10, 11) Minflok, saqsi lilek innifsek, ‘Nistaʼ nagħmel iktar biex insaħħaħ din il-ħbiberija tagħna?’ Studja dak li tgħid il-Bibbja dwar l-imħabba u aħseb dwar kif tistaʼ turiha iktar bil-modi li jissemmew fl-​1 Korintin 13:​4-8a. (Aqra.) Minflok ma tfittex mod kif tistaʼ toħroġ miż-żwieġ tiegħek, agħmel dak kollu li tistaʼ biex tersaq eqreb tal-persuna l-oħra. Iffoka fuq dak li tistaʼ tagħmel int biex jerġaʼ jkollkom żwieġ ferħan. Itlob lil Ġeħova biex jgħinek. Sib pubblikazzjonijiet u vidjows li jistgħu jgħinuk tkun taf x’għandek tagħmel. Tistaʼ anki ssaqsi lil anzjani u aħwa maturi oħra biex jgħinuk. Il-Bibbja tqabbel iż-żwieġ ma’ “ħabel bi tlieta.” Ġeħova hu l-iktar parti importanti u b’saħħitha f’dan il-ħabel. Allura, meta tagħmel kif irid hu, iż-żwieġ tiegħek se jkun b’saħħtu.—Ekk. 4:12.

L-istess koppja qegħdin id-dar jitkellmu flimkien u jidhru emozzjonati. Il-mara qed tibki u titkellem mar-raġel, u hu qed jismagħha bil-kalma u b’idu fuq spallejha. Quddiemhom fuq il-mejda hemm Bibbja miftuħa u l-browxer “Il-familja tiegħek tistaʼ tkun ferħana.”

Ibqgħu qrib xulxin meta jinqalgħu l-problemi fiż-żwieġ (Ara paragrafu 16)


Għajnuna Biex Issaħħaħ il-Ħbiberija Tiegħek

L-organizzazzjoni taʼ Ġeħova ttina pubblikazzjonijiet, vidjows, u affarijiet oħra biex tgħin lill-koppji miżżewġin isaħħu l-ħbiberija tagħhom u tgħin lill-koppji li għandhom problemi serji ħalli jerġgħu jkunu qrib taʼ xulxin. Ippruvajt xi suġġeriment minn dawn li ġejjin?

  • Il-browxer Il-familja tiegħek tistaʼ tkun ferħana

  • Is-serje taʼ vidjows Kif ikollok żwieġ ferħan

  • Is-serje t’artikli “Għajnuna għall-Familja”

  • Is-sezzjoni fil-jw.org “Żwieġ u familja”

17. Kif jistgħu jkunu ferħanin dawk li qed jaħsbu biex jiżżewġu u dawk li huma miżżewġin?

17 Ġeħova jrid li l-qaddejja kollha tiegħu jkunu ferħanin, inkluż dawk li qed jaħsbu biex jiżżewġu u dawk li huma miżżewġin. Allura, jekk int single u tixtieq tiżżewweġ oqgħod attent li tagħżel lil xi ħadd li jistaʼ jibqaʼ l-ħabib tiegħek. U jekk inti diġà miżżewweġ, ibqaʼ saħħaħ il-ħbiberija tiegħek mal-persuna l-oħra fiż-żwieġ. Aħdem biex tegħleb il-problemi li jistgħu jinqalgħu fiż-żwieġ billi tistrieħ fuq l-għajnuna taʼ Ġeħova. Meta tagħmel hekk, int se ‘tgawdi l-ħajja’ mal-persuna li tħobb!—Ekk. 9:9.

INT KIF TWIEĠEB?

  • Xi ħadd single kif jistaʼ jagħżel lil xi ħadd li jibqaʼ l-aqwa ħabib tiegħu?

  • X’jistaʼ jgħin lil koppja miżżewġa biex issaħħaħ il-ħbiberija tagħha?

  • X’jistaʼ jgħin lil koppja miżżewġa biex jibqgħu qrib xulxin meta jinqalgħu l-problemi fiż-żwieġ?

GĦANJA 132 Issa sirna ħaġa waħda

a L-informazzjoni f’dan l-artiklu tgħodd kemm għall-irġiel u kemm għan-nisa.

b Għal aktar suġġerimenti dwar kif wieħed isir jaf lil ħaddieħor, ara l-artiklu “Kif Ikollok Għerusija li Tgħinek Tieħu Deċiżjoni Tajba” f’​It-Torri tal-Għassa taʼ Mejju 2024, taħt is-sottitlu “Siru Afu lil Xulxin Sew.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja