LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w26 April pp. 20-25
  • Tgħallem Mingħand l-“Alla taʼ Kull Faraġ”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Tgħallem Mingħand l-“Alla taʼ Kull Faraġ”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)——2026
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • XI TFISSER IL-KELMA FARAĠ FIL-BIBBJA
  • KIF NISTGĦU NFARRĠU LILL-OĦRAJN
  • META JKOLLOK BŻONN IL-FARAĠ INT
  • Arranġament Biex Ninkuraġġixxu lill-Beteliti
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2023
  • Qatt M’Aħna Waħedna
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2025
  • ‘Farraġ lill-Imnikktin Kollha’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Nipprovdu faraġ lill-vittmi t’abbuż
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2019
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)——2026
w26 April pp. 20-25

22-28 TAʼ ĠUNJU 2026

GĦANJA 90 Inkuraġġixxu lil xulxin

Tgħallem Mingħand “l-Alla taʼ Kull Faraġ”

“Bl-inkuraġġiment li nirċievu mingħand Alla, aħna . . . ninkuraġġixxu lil oħrajn.”—2 KOR. 1:4.

DAK LI SE NITGĦALLMU

Kif infarrġu lill-oħrajn billi nimitaw l-eżempju taʼ Ġeħova u taʼ dawk li jimitaw lilu.

1. Għala għandna nfarrġu lill-oħrajn?

ILKOLL kemm aħna nħossuna “mdejqin . . . minħabba d-diversi provi li għaddejjin minnhom,” għalhekk xi kultant ikollna bżonn il-faraġ u l-inkuraġġiment. (1 Pt. 1:6) Aħna napprezzaw meta jkun hemm oħrajn li jfarrġuna meta nkunu qed inbatu. Għalhekk, aħna rridu nkunu minn taʼ quddiem biex infarrġu lill-oħrajn meta jkunu għaddejjin minn żmien diffiċli. (Mat. 7:12) Ġeħova, “l-Alla taʼ kull faraġ,” jurina kif infarrġu lill-oħrajn “tkun xi tkun il-prova li jkunu għaddejjin minnha.” Aħna nistgħu nimitaw l-eżempju tiegħu billi ‘ninkuraġġixxu lil xulxin.’ (2 Kor. 1:​3, 4, ntt; 1 Tes. 4:18) Aħna nagħmlu dan għax inħobbu lil ħutna, u mhux taʼ bilfors. F’dan l-artiklu, se nikkunsidraw (1) xi tfisser il-kelma faraġ fil-Bibbja, (2) kif nistgħu nfarrġu lill-oħrajn, u (3) x’nistgħu nagħmlu meta jkollna bżonn il-faraġ.

XI TFISSER IL-KELMA FARAĠ FIL-BIBBJA

2. Xi jfisser meta l-Bibbja tgħidilna biex infarrġu lill-oħrajn?

2 Fil-Bibbja, il-kelma Griega tradotta “faraġ” għandha iktar minn tifsira waħda, jiddependi mill-kuntest. Din tistaʼ tfisser “tinkuraġġixxi,” “tħeġġeġ lil xi ħadd jagħmel xi ħaġa,” jew “tgħin lill-oħrajn iħossuhom aħjar.” (Rum. 12:8; ara n-nota taʼ studju bl-Ingliż “encourages.”) Din il-kelma letteralment tfisser “li xi ħadd joqgħod maġenb xi ħaddieħor biex jgħinu.” Għalhekk, nistgħu nimmaġinaw persuna tmur tiġri biex tgħin lill-ħabib tagħha li jkun qed ibati. Persuna tistaʼ tfarraġ lill-ħabib tagħha b’diversi modi. Imma hi tagħmel ċert li l-ħabib iħossu aħjar.

3. X’nistgħu nitgħallmu minn Barnaba? (Ara wkoll l-istampa.)

3 Aħseb dwar dan l-eżempju fil-Bibbja. Kristjan jismu Ġużeppi tant kien jinkuraġġixxi u jfarraġ lill-oħrajn li l-appostli bdew isejħulu Barnaba, li jfisser “Bin il-Faraġ.” (Atti 4:​36, ntt) Dan l-isem tant kien jiddeskrivih tajjeb li fil-Bibbja qatt ma reġaʼ ssemma bl-isem Ġużeppi, imma dejjem Barnaba. Il-Bibbja turina li Barnaba spiss kien jgħin lill-aħwa meta huma kellhom bżonn l-għajnuna. Pereżempju, ftit wara li Sawl sar Kristjan, hu mar Ġerusalemm u ried jiltaqaʼ mad-dixxipli. Però, huma bdew jibżgħu minnu minħabba li ppersegwita lill-aħwa. Imma Barnaba fdah lil Sawl u għenu biex isir jaf lill-appostli.—Atti 9:​26-28.

Barnaba kien qalbu tajba maʼ Sawl u għenu jiltaqaʼ ma’ xi appostli. L-appostli jidhru ftit dubjużi waqt li Sawl riesaq lejhom.

Barnaba spiss kien jgħin lill-aħwa meta kellhom bżonn l-għajnuna (Ara paragrafu 3)


KIF NISTGĦU NFARRĠU LILL-OĦRAJN

4. X’inhu wieħed mill-aqwa modi kif infarrġu lill-oħrajn? (Rumani 1:​11, 12)

4 Meta jkun possibbli, mur arahom. Ġeħova juża lill-qaddejja tiegħu biex jagħtu faraġ lill-oħrajn. Pereżempju, meta l-profeta Elija ħassu dipress, Ġeħova uża anġlu biex jinkuraġġih. (1 Slat. 19:​4-7) L-appostlu Pawlu wkoll ried iżur lill-aħwa biex jinkuraġġihom għax b’hekk huma setgħu jinkuraġġixxu lil xulxin. (Aqra Rumani 1:​11, 12.) Meta tmur tara lil xi ħadd, qattaʼ biżżejjed ħin miegħu biex tkun tistaʼ tinkuraġġih. (1 Kor. 16:7) Imma jekk ma tkunx tistaʼ tmur, int xorta tistaʼ tinkuraġġih ħafna billi ċċempillu, tibgħatlu xi ittra, jew xi messaġġ. Qed tħalli lil Ġeħova jużak biex b’hekk tfarraġ lill-oħrajn?

5. Liema sfidi nistgħu niffaċċjaw meta niġu biex ninkuraġġixxu lill-aħwa?

5 Minħabba li qed ngħixu f’dawn l-aħħar jiem diffiċli, aħna se jkollna iktar sfidi biex inżuru lil ħutna ħalli ninkuraġġuhom. Nistgħu nitgħallmu mill-eżempju taʼ Onesiforu, li kien minn Efesu. Meta Pawlu kien fil-ħabs f’Ruma, Onesiforu fittex lil Pawlu minkejja li setaʼ jispiċċa fil-ħabs jew anki jiġi maqtul. (2 Tim. 1:​16-18) L-aħwa fir-Russja jagħmlu bħalu meta l-aħwa jiġu ppersegwitati minħabba l-fidi tagħhom. Meta x-Xhieda jitressqu l-qorti, l-aħwa jmorru hemm biex jagħtuhom sapport, minkejja li jistgħu jiġu arrestati huma wkoll. In-nies t’Alla fil-passat u anki llum, inkuraġġew lil xulxin u baqgħu ferħanin minkejja l-persekuzzjoni li ffaċċjaw. Għax ma tippreparax lilek innifsek minn issa billi tistudja dwarhom?

6. Kif nistgħu nimitaw lil Ġeħova meta ninkuraġġixxu lill-oħrajn? (Ara wkoll l-istampa.)

6 Ismagħhom sew. Meta l-profeta Elija beda jibżaʼ għax ħaseb li se jiġi maqtul, hu fetaħ qalbu maʼ Ġeħova. Ġeħova kien jaf is-sitwazzjoni taʼ Elija u kif kien qed iħossu. Però, bi mħabba u bil-paċenzja xorta qagħad jisimgħu, anki meta beda jirrepeti l-istess affarijiet! (1 Slat. 19:​9, 10, 14) Ġeħova ħalla wkoll lill-profeta Ħabakkuk jgħidlu x’kien qed jinkwetah u d-dubji li kellu, avolja meta għamel dan setaʼ deher li ma tkellimx b’rispett. (Ħab. 1:​2, 3) Illum, Ġeħova jismaʼ dak kollu li ngħidulu fit-talb, minkejja li hu jkun jaf diġà x’għandna bżonn. Aħna nistgħu nimitaw lil Ġeħova billi meta jkunu qed jitkellmu l-aħwa, nisimgħuhom sew u b’rispett. Għalhekk, ‘kun ħafif biex tismaʼ’ u twaqqafhomx jew tieħu għalik, anki jekk jgħidu xi ħaġa mingħajr ma jaħsbu jew joqogħdu jirrepetu l-istess ħaġa.—Ġak. 1:19; Ekk. 7:9.

Oħt qed tismaʼ bil-paċenzja lil oħt li hi mdejqa hekk kif qed tiftaħ qalbha magħha tard filgħaxija.

Imita lil Ġeħova billi tismaʼ sew lill-aħwa meta jkunu qed jitkellmu (Ara paragrafu 6)


7. Kif nistgħu nkunu nafu meta ħabib ikollu bżonn l-għajnuna?

7 Ipprova ifhem x’tistaʼ tagħmel biex tgħin. Ġeħova jkun jaf eżatt kif persuna tkun qed tħossha, imma aħna ma nistgħux inkunu nafu dan. Nistgħu nifhmu biss kif tkun qed tħossha jekk noqogħdu attenti għal dak li tgħid. Taħsibx li taf x’għandha bżonn il-persuna għax tkun taf xi jkollok bżonn int kieku tkun fl-istess sitwazzjoni. Aħna lkoll differenti. Għalhekk, ħu l-ħin, ismaʼ sew, u staqsi mistoqsijiet li jgħinuk biex issir taf x’għandha bżonn il-persuna.—Prov. 20:5.

8. Ġesù kif farraġ lil Marta u lil Marija wara li miet Lazzru? (Ara wkoll l-istampi.)

8 Aħseb dwar kif Ġesù inkuraġġixxa lil Marta u lil Marija wara li miet ħuhom, Lazzru. Iż-żewġ nisa kienu mdejqin ħafna minħabba li tilfu lil ħuhom; imma Ġesù ma inkuraġġihomx bl-istess mod. Wara li Marta tkellmet miegħu, Ġesù tkellem magħha dwar l-irxoxt u għenha biex issaħħaħ il-fidi tagħha fl-irxoxt. Imma meta Marija marret tibki fuqu, Ġesù milli jidher ma tkellimx dwar l-irxoxt magħha. Minflok, hu beka magħha u staqsieha fejn qiegħdu lil Lazzru. (Ġw. 11:​20-35) X’inhi l-lezzjoni għalina? Meta nipprovaw ninkuraġġixxu lil dawk li jkunu qed ibatu, aħna rridu nifhmu x’għandhom bżonn u mhux nipprovaw ninkuraġġixxu lil kulħadd bl-istess mod.

Grupp taʼ stampi: Anzjan qed iżur żewġ aħwa rġiel li tilfu n-nisa tagħhom. 1. L-anzjan ipoġġi idu fuq l-ispalla tal-ħu li qed jibki. 2. L-anzjan jaqra skrittura mal-ħu kbir fl-età waqt li qed jaraw xi ritratti.

Biex ninkuraġġixxu lill-oħrajn, irridu nipprovaw nifhmu dak li jkollhom bżonn (Ara paragrafu 8)a


9. Kif nistgħu nużaw il-Bibbja biex ninkuraġġixxu lill-oħrajn? (Rumani 15:​4, 5)

9 Uża l-Bibbja. Meta taqsam l-“inkuraġġiment mill-Iskrittura” maʼ xi ħadd, tkun qed tgħinu biex isaħħaħ it-tama tiegħu fil-wegħdi taʼ Ġeħova. (Aqra Rumani 15:​4, 5.) Imbagħad din it-tama se tagħtihom iktar faraġ u inkuraġġiment. (Isa. 40:31) Kif tistaʼ ssib xi vers mill-Bibbja biex tinkuraġġixxi lil xi ħadd? Xi wħud iżommu lista taʼ versi li jkunu jistgħu jużawhom meta jkollhom bżonn, bħalma tistaʼ ssib taħt is-suġġett “Inkuraġġiment” fil-ktieb Skritturi li Jgħinuna Ngħixu Bħala Kristjani. Itlob lil Ġeħova biex jgħinek tuża l-Bibbja bl-aħjar mod possibbli biex tkun tistaʼ tinkuraġġixxi. L-ispirtu tiegħu jistaʼ jgħinek biex tiftakar l-iskritturi li jkollok bżonn biex tgħin lil ħaddieħor.—Ġw. 14:26.

10. Meta nipprovaw ninkuraġġixxu lil xi ħadd, għala għandna nitkellmu bil-ħlewwa?

10 Tkellem bil-ħlewwa. Xi kultant, jaf ikollna ninkuraġġixxu lill-ħbieb tagħna billi ngħinuhom ibiddlu l-mod taʼ kif ikunu qed iħarsu lejn il-problema tagħhom. Jekk dan ikun il-każ, aħseb sew x’se tgħid qabel titkellem ħalli bil-kliem tiegħek tgħin lill-persuna tħossha aħjar u mhux tweġġagħha. (Prov. 12:18) Ġeħova ħallielna l-aqwa eżempju meta tkellem maʼ Elija. Elija b’mod żbaljat ħaseb li hu kien l-uniku wieħed li kien qed jaqdi lil Ġeħova u li x-xogħol li kien qed jagħmel bħala profeta ma kellux riżultati tajbin. Bil-ħlewwa, Ġeħova għen lil Elija biex jirranġa l-mod kif kien qed jaħseb mingħajr ma qallu li kien żbaljat. (1 Slat. 19:​15-18) Int ukoll tistaʼ tgħin lill-aħwa jekk turi ħlewwa u taħseb sew x’se tgħid. Meta tagħti xi taħdita jew tikkummenta fil-laqgħat, dejjem tkellem bil-ħlewwa u kun pożittiv. B’hekk, tkun qed tipprova tinkuraġġixxi u ssaħħaħ lill-aħwa.

11. Dawk li jkunu qed ibatu, spiss xi jkollhom bżonn? (1 Ġwanni 3:18)

11 Għin b’modi prattiċi. Spiss, dawk li jkunu qed ibatu jkollhom bżonn iktar minn kliem taʼ faraġ. (Aqra 1 Ġwanni 3:18.) Barnaba ħalla eżempju tajjeb meta biegħ biċċa art li kellu u ta l-flus lill-appostli biex ikunu jistgħu jgħinu lill-aħwa li kienu fil-bżonn. (Atti 4:​36, 37) Ħafna minn ħutna llum juru mħabba b’mod simili billi jagħtu lill-aħwa dak li jkollhom bżonn. Gabriela, mill-Polonja, ħassitha vera mdejqa u inkwetata meta l-għargħar għamlu ħafna ħsara lid-dar tagħha. Hi tgħid: “Vera bdejt nibżaʼ u ninkwieta, u anki l-ġenituri tiegħi li kienu jgħixu miegħi. Ma kontx naf kif konna se nkampaw. Imma aħwa mill-kongregazzjonijiet li kienu qrib tagħna ġew u f’ġurnata waħda għamlu ħafna xogħol fid-dar tagħna. Din l-esperjenza kkonvinċietni iktar li Ġeħova qed jiggwida lill-poplu tiegħu biex jinkuraġġixxu lil dawk li qed ibatu.”

12. Kif tistaʼ tgħin lill-aħwa meta tibqaʼ leali lejn Ġeħova?

12 Ibqaʼ leali lejn Ġeħova. Pawlu qal lit-Tessalonikin li hu ħassu ferħan u inkuraġġit meta semaʼ li huma baqgħu leali lejn Ġeħova minkejja l-persekuzzjoni. Hu kien jaf li x-xogħol li għamel magħhom ma kienx għalxejn. (1 Tes. 3:​5-8) U Pawlu kien jaf li jekk jibqaʼ leali lejn Ġeħova meta jbati minħabba l-provi, hu wkoll kien se jinkuraġġixxi lill-aħwa biex jibqgħu leali. (Kol. 2:​1, 2) Bl-istess mod, meta ħutna jaraw kif Ġeħova qed jgħinna biex nibqgħu nissaportu l-provi tagħna, huma wkoll se jiġu inkuraġġiti ħafna. Dan għax ikunu jafu li Ġeħova se jgħinhom fil-provi tagħhom ukoll.

13. Xi rridu nagħmlu iktar jekk irridu ninkuraġġixxu lill-oħrajn?

13 Kun paċenzjuż. Aħwa skuraġġiti jaf ma jħossuhomx aħjar mill-ewwel wara li nkunu għamilna sforz biex ngħinuhom. Imma l-Bibbja tgħidilna:“Ibqgħu inkuraġġixxu lil xulxin.” Dan ifisser li aħna għandna bżonn nagħmlu dan għal darba wara l-oħra. (1 Tes. 5:11) Għalhekk, aħna rridu nkunu paċenzjużi waqt li nkomplu ninkuraġġixxu lil dawk li jħossuhom skuraġġiti. (1 Tes. 5:14) Bla dubju, kultant kulħadd ikollu bżonn l-inkuraġġiment. Allura x’nistgħu nagħmlu?

META JKOLLOK BŻONN IL-FARAĠ INT

14-15. X’għandna nagħmlu meta nħossuna mdejqin jew ansjużi?

14 Itlob lil Ġeħova. Meta tħossok imdejjaq jew ansjuż itlob lil Ġeħova biex jgħinek tħossok kalm. (Slm. 94:19) Meta titlob, iftaħ qalbek miegħu u kun speċifiku. (Slm. 62:8) Huwa vera li Ġeħova jkun diġà jaf kif tħossok anki qabel titlob. Imma meta tgħidlu kif tkun qed tħossok, tkun qed turih li int taf li jħobbok u li jismaʼ t-talb tiegħek. U Ġeħova dejjem jagħmel xi ħaġa biex jgħin lill-persuna li għandha l-fidi fih u titlob lilu. (Marku 11:24) Filippin 4:​6, 7 jgħidilna: “Itolbuh bil-ħniena. . . . Jekk tagħmlu hekk, Alla se jagħtikom il-paċi, u din se tipproteġi lil qalbkom u l-ħsibijiet tagħkom.”

15 Itlob l-għajnuna mingħand oħrajn. Għid lill-ħabib tiegħek jew lill-anzjan li tafda kif tkun qed tħossok. L-aħwa jistgħu jgħinuk tħossok aħjar u jagħtuk dak li jkollok bżonn. Imma huma ma jafux kif tkun qed tħossok jew x’għandek bżonn jekk ma tgħidilhomx. (Prov. 14:10) Tistaʼ tgħidilhom biex joqogħdu jisimgħuk waqt li tkun qed tiftaħ qalbek magħhom. Jew tistaʼ ssaqsihom biex jaqsmu miegħek xi vers jew artiklu inkuraġġanti li jkunu sabu huma.

16. X’jistaʼ jiġri meta xi ħadd jipprova jinkuraġġik, imma x’għandek tiftakar?

16 Kun paċenzjuż u lest li taħfer. L-aħwa jistgħu jiżbaljaw meta jipprovaw jinkuraġġuk. Pereżempju, huma jistgħu jgħidu jew jagħmlu xi ħaġa li biha tħossok agħar, minflok aħjar. Jekk jiġrilek hekk, kun paċenzjuż magħhom. (1 Kor. 13:​4, 7) U ftakar fil-kliem li nsibu f’​Ġakbu 3:2: “Jekk xi ħadd ma jitfixkilx f’dak li jgħid, ikun perfett.” Ftakar li l-aħwa jixtiequ jgħinuk. Mela tajjeb li żżomm f’moħħok li “l-intenzjoni hi tajba, imma l-ġisem hu dgħajjef.”—Mat. 26:41.

17. X’għandna nkunu determinati li nagħmlu?

17 Minħabba li qegħdin ngħixu fl-aħħar żminijiet, ilkoll kemm aħna għandna bżonn il-faraġ. Aħna qed nistennew li l-ħajja se ssir iktar diffiċli u li l-għedewwa t’Alla se jsiru iktar irrabjati. Għalhekk, għandna bżonn l-inkuraġġiment iktar minn qatt qabel. Ejja nagħmlu dak kollu li nistgħu biex ninkuraġġixxu lil xulxin.

INT KIF TWIEĠEB?

  • Fil-Bibbja, xi tfisser il-kelma “faraġ”?

  • X’nistgħu nagħmlu biex ninkuraġġixxu lill-oħrajn?

  • X’nistgħu nagħmlu meta jkollna bżonn l-inkuraġġiment?

GĦANJA 130 Aħfer

a X’TURINA L-ISTAMPA: Anzjan qed jismaʼ sew lil ħu li għadha kif mititlu l-mara. Iktar tard, l-anzjan iżur ħu li l-mara tiegħu ilha li mietet, u huma qed jitkellmu dwar l-affarijiet sbieħ li jiftakru dwarha.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja