KARATTRU MILL-BIBBJA
Tgħallem Irrispetta Ħafna lil Alla bħal Għobadija
Għobadija kien jieħu ħsieb id-dar tar-re ħażin Aħab. Dan kien ħalla l-qima lil Bagħal timla l-art t’Iżrael. Imma Għobadija kien jirrispetta ħafna lil Ġeħova minn ‘mindu kien żgħir,’ u għalhekk kien jibżaʼ li jagħmel xi ħaġa li ma togħġobx lil Ġeħova. (1 Slat. 18:1-13) Allura meta r-Reġina Ġeżabel tat kmand biex jinqatlu l-profeti kollha taʼ Ġeħova, Għobadija kellu jkun kuraġġuż u jagħmel xi ħaġa biex jgħinhom. Li taħbi profeta wieħed biss kien diġà perikoluż, imma Għobadija ħeba 100 profeta u pprovdilhom l-ikel fi żmien taʼ ġuħ kbir! Min jaf kemm kien diffiċli li jagħmel dan mingħajr ma jarah ħadd! Dan għax kien hemm mijiet taʼ profeti foloz li kienu jaqdu lir-re u lir-reġina.—1 Slat. 18:19.
X’nistgħu nitgħallmu minn dan ir-raġel li kien jirrispetta ħafna lil Alla? Għalkemm Għobadija kien jibżaʼ minn Aħab, hu kien jibżaʼ iktar li jagħmel xi ħaġa li ma togħġobx lil Ġeħova. Din il-biżaʼ tagħtu l-kuraġġ biex jirriskja ħajtu ħalli jipproteġi lil ħutu. Aħna wkoll għandna bżonn inkomplu nkabbru r-rispett tagħna lejn Ġeħova, speċjalment jekk l-awtoritajiet ma jħalluniex inqimuh. Il-biżaʼ li ma nogħġbux lil Alla se tagħtina s-saħħa biex ngħinu lil ħutna li qed jissaportu sitwazzjonijiet diffiċli.