Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Il-gvernijiet meta se jgħidu “paċi u sigurtà”?
Bħalma rajna fil-“Mistoqsijiet mill-Qarrejja” li kellna f’It-Torri tal-Għassa taʼ Novembru 2025, Ġeħova dalwaqt se jdaħħalha f’moħħ “l-għaxart iqrun” “biex jagħmlu dak li jrid hu,” jiġifieri li l-gvernijiet kollha jagħtu l-qawwa u l-awtorità tagħhom lill-“bhima salvaġġa li l-kulur tagħha kien aħmar jgħajjat.” Din tirrappreżenta lill-Ġnus Magħquda u tissejjaħ ukoll “l-istatwa tal-ewwel bhima salvaġġa.” (Riv. 13:14, 15; 17:3, 16, 17) Imbagħad “l-għaxart iqrun” u l-bhima salvaġġa li tkun għadha kif ħadet il-qawwa se jneħħu r-reliġjon falza minn mad-dinja kollha. Il-gvernijiet se jgħidu “paċi u sigurtà”a qabel jew wara l-qerda tar-reliġjon falza?—1 Tes. 5:3.
Fi kliem sempliċi, aħna ma nistgħux ngħidu bl-eżatt meta se jgħidu “paċi u sigurtà.” Li kieku konna nafu d-dettalji kollha ma kienx ikollna għalfejn noqogħdu attenti u għassa. Imma Ġesù kemm-il darba qal lis-segwaċi tiegħu biex ‘jibqgħu għassa.’ (Mat. 24:42; 25:13; 26:41) Issa ejja neżaminaw x’bassar Ġeħova permezz tal-appostlu Pawlu fl-ittra tiegħu lit-Tessalonikin.
Pawlu kiteb: “Meta jkunu qed jgħidu: ‘Paċi u sigurtà!’ imbagħad tiġi fuqhom qerda f’daqqa.” (1 Tes. 5:2, 3) Il-pubblikazzjonijiet tagħna taʼ spiss kienu jispjegaw kliem Pawlu b’dan il-mod: Id-dikjarazzjoni tal-“paċi u sigurtà” se ssir eżatt qabel ma jibda ż-żmien taʼ tbatija kbira, li se jibda bil-qerda taʼ Babilonja l-Kbira, jiġifieri r-reliġjonijiet foloz kollha tad-dinja. Din id-dikjarazzjoni li se ssir fil-futur hi deskritta bħala l-aħħar sinjal li jkun se jibda ż-żmien taʼ tbatija kbira.
Imma wara studju aktar bir-reqqa jidher li jistaʼ jkun hemm mod ieħor kif nifhmuha. Jistaʼ jkun li jgħidu “paċi u sigurtà” wara l-qerda tar-reliġjon falza. Għala jistaʼ jiġri hekk? Ikkunsidra l-mistoqsijiet li ġejjin.
Ir-reliġjon falza xi rwol kellha fil-gwerer tal-popli? Il-Bibbja tispjega: “Din il-belt [Babilonja l-Kbira, “il-prostituta l-kbira”] instabet ħatja tal-qtil . . . taʼ dawk kollha li nqatlu b’mod vjolenti.” (Riv. 17:1, 5; 18:24) Matul l-istorja, il-prostituta l-kbira, appoġġjat il-gwerer tal-popli u spiss kienet ir-raġuni għala nqatlu miljuni taʼ nies. B’hekk, hi ġabet gwerra u vjolenza, u mhux paċi u sigurtà. Għalhekk tqum il-mistoqsija: Se jgħidu “paċi u sigurtà” biss wara li titneħħa Babilonja l-Kbira? Jistaʼ jkun, imma ma nistgħux inkunu ċerti.
X’se jiġri wara li jgħidu “paċi u sigurtà”? Pawlu jgħid: “Imbagħad tiġi fuqhom qerda f’daqqa.” (1 Tes. 5:3) In-nota taʼ studju bl-Ingliż maʼ dan il-vers tgħid: “Pawlu hawn jindika li ftit li xejn se jkun hemm żmien bejn meta jgħidu ‘paċi u sigurtà’ u l-qerda li se tiġi fuq dawk li jgħiduha. Din se tiġi f’daqqa u mhux se jaħarbu minnha.” Jekk il-qawwiet politiċi jgħidu “paċi u sigurtà” wara li titneħħa r-reliġjon falza, imbagħad il-qerda fuq dawk il-popli kollha se tiġi f’daqqa waħda.
In-nies taʼ Ġeħova kif se jiġu effettwati mill-ġrajjiet imbassrin? Pawlu jgħid: “Aħwa, m’intomx fid-dlam, għalhekk dan il-jum mhux se jiġi fuqkom għal għarrieda bħalma jiġi fuq il-ħallelin.” (1 Tes. 5:4) Aħseb dwar dan: Jekk jgħidu “paċi u sigurtà” wara li tiġi meqruda r-reliġjon falza, allura n-nies taʼ Ġeħova se jkunu jafu li waslet biex tiġi l-qerda fuq il-popli. Mill-banda l-oħra, il-popli se jaħsbu li qegħdin fis-sigurtà u mhux se jistennew li se jinqerdu. Għalhekk, il-qerda għalihom se tiġi bħal ħalliel.
Li nafu fiċ-ċert hu li fil-futur qrib “l-għaxart iqrun” u l-bhima salvaġġa li tawha l-qawwa u l-awtorità tagħhom se jeqirdu r-reliġjon falza. Dan se jkun il-bidu taż-żmien taʼ tbatija kbira. Nafu wkoll li f’ċertu żmien il-popli se jgħidu “paċi u sigurtà.” Meta se jiġri dan? Rajna żewġ possibbiltajiet. L-ewwel waħda hi: Huma se jgħidu “paċi u sigurtà” qabel jeqirdu r-reliġjon falza. It-tieni waħda hi: Huma se jgħidu “paċi u sigurtà” wara li jeqirdu għalkollox lir-reliġjon falza. Irridu nistennew u naraw x’se jiġri. Spiss, il-profeziji tal-Bibbja nkunu nistgħu nifhmuhom għalkollox meta jkunu qed jitwettqu jew wara.—Ara l-prinċipju fi Ġwanni 12:16.
Sadanittant, l-iktar ħaġa importanti mhix meta jgħidu “paċi u sigurtà,” imma li nibqgħu leali lejn Alla. Irridu “nibqgħu mqajmin u f’sensina,” ħalli nkunu preparati għalkollox, jiġru kif jiġru l-affarijiet.—1 Tes. 5:6.
a Il-mod kif tkellem l-appostlu Pawlu jistaʼ jfisser li huma jistgħu jgħidu “paċi u sigurtà” diversi drabi jew darba biss.