Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Meta se nieqfu nippritkaw l-aħbar tajba?
Ġesù qal: “Din l-aħbar tajba tas-Saltna se tiġi ppritkata mad-dinja kollha biex tingħata xhieda lill-popli kollha, u mbagħad jiġi t-tmiem.” (Mat. 24:14) Il-kelma bil-Grieg għal “tmiem” f’dan il-vers u f’vers 6, u l-kelma “sal-aħħar” f’vers 13, hija telos. Din tirreferi għat-tmiem tas-sistema ħażina taʼ Satana f’Armageddon. (Riv. 16:14, 16) Allura, aħna se nkomplu nippritkaw l-aħbar tajba tas-Saltna eżatt sa qabel Armageddon. Dan juri li hemm bżonn nirranġaw dak li konna nifhmu qabel.
Qabel konna naħsbu li se nieqfu nippritkaw l-aħbar tajba meta jibda ż-żmien taʼ tbatija kbira, meta jattakkaw lil Babilonja l-Kbira. (Riv. 17:3, 5, 15, 16) Aħna konna nemmnu li meta jibda ż-żmien taʼ tbatija kbira, Ġeħova ma kienx se jibqaʼ jagħti ċans lin-nies biex iwieġbu għall-aħbar tajba. (Isa. 61:2) Apparti minn hekk, konna naħsbu li dawk li jsalvaw fiż-żmien taʼ tbatija kbira huma n-nies li se juru li kienu leali qabel ma jibda dak iż-żmien. Dan għax konna nqabblu lil dawn in-nies mal-Lhud li salvaw mill-qerda taʼ Ġerusalemm fis-sena 607 qabel Kristu (QK). Dawk il-Lhud kienu mmarkati li se jsalvaw minn qabel peress li kienu jqimu lil Ġeħova u jobogħdu l-ħażen. (Eżek. 5:11; 9:4) Imma aħna ma nistgħux inqabblu lil dawk il-Lhud maʼ żmienna, għax dan ma jaqbilx mal-kliem taʼ Ġesù f’Mattew 24:14. Dak il-vers juri li n-nies jistaʼ jkollhom iċ-ċans li jwieġbu għall-aħbar tajba sa qabel ma tibda Armageddon.
Il-mod il-ġdid kif nifhmu Mattew 24:14 juri li rridu nbiddlu wkoll il-mod kif nifhmu Rivelazzjoni 16:21, li jitkellem dwar silġ kbir. Wara li għamilna iktar riċerka fhimna li dawn iż-żewġ versi jaqblu flimkien. B’liema mod? Aħna fhimna dan minn kif il-Bibbja turi li n-nies se jwieġbu għall-messaġġ tas-Saltna. Pawlu kiteb li “għal dawk li qed jiġu salvati,” il-messaġġ tal-aħbar tajba hu messaġġ sabiħ, bħal “riħa tal-ħajja.” Imma għall-għedewwa t’Alla hu messaġġ ikrah, bħal “riħa tal-mewt.” (2 Kor. 2:15, 16) L-għedewwa t’Alla jobogħdu l-messaġġ tas-Saltna għax juri li d-dinja li jħobbu hi ħażina, li hi mmexxija minn Satana, u li se tinqered.—Ġw. 7:7; 1 Ġw. 2:17; 5:19.
Innota wkoll li l-maltempata taʼ silġ li jsemmi Rivelazzjoni 16:21 se tagħmel “ħsara kbira.” Dan jistaʼ jkun ifisser li matul iż-żmien taʼ tbatija kbira, il-messaġġ tal-aħbar tajba se jkun iktar dirett u se jilħaq ħafna iktar nies minn qabel. Minħabba f’hekk, ħafna iktar nies se jsiru jafu b’isem Ġeħova. (Eżek. 39:7) Jistaʼ jkun li dak iż-żmien, wara li tinqered Babilonja l-Kbira, xi wħud jinġibdu lejn l-aħbar tajba bħalma jinġibdu lejn riħa tfuħ. Forsi jiftakru li għal ħafna snin, ix-Xhieda taʼ Ġeħova kienu qalu li r-reliġjon falza kienet se tinqered u mbagħad jindunaw li dan ġara.
Dan hu simili ħafna għal dak li ġara fl-Eġittu wara l-Għaxar Kastigi. Wara li Ġeħova “[iġġudika] lill-allat kollha tal-Eġittu,” man-nies tiegħu “marru wkoll ħafna barranin” li ma kinux Iżraelin. (Eżo. 12:12, 37, 38) Jistaʼ jkun li dawn il-barranin iddeċidew li jmorru man-nies taʼ Ġeħova meta raw li dak kollu li qal Mosè dwar l-Għaxar Kastigi ġara.
Dawk kollha li jduru lejn Ġeħova wara l-qerda taʼ Babilonja l-Kbira se jkollhom l-opportunità li jissapportjaw lil ħut Kristu, jiġifieri l-magħżulin li jkunu għadhom fuq l-art. (Mat. 25:34-36, 40) Ovvjament, dak iċ-ċans li jiġu ġġudikati bħala nagħaġ se jispiċċa ftit qabel Armageddon, meta l-magħżulin li jkun baqaʼ fuq l-art jitilgħu fis-sema.
Din il-fehma iktar ċara tgħallimna iżjed dwar il-ħniena kbira taʼ Ġeħova u l-imħabba li għandu. Iva, hu “ma jixtieqx li jkun hemm min jinqered imma jixtieq li kulħadd jindem.”—2 Pt. 3:9.