BIJOGRAFIJA
Minn Persuna Mistħija Sirt Missjunarja
BĦALA tifla, jien kont mistħija u nibżaʼ min-nies. Imma maż-żmien, Ġeħova għenni nħobb in-nies u nsir missjunarja. Kif? L-ewwel, permezz tal-gwida li tani missieri. Imbagħad, bl-eżempju eċċellenti taʼ oħt żagħżugħa. U fl-aħħar, bil-paċenzja u l-qalb tajba taʼ żewġi. Tixtiequ ngħidilkom l-istorja tiegħi?
Jien twelidt fl-1951 fi Vjenna, l-Awstrija, ġo familja Kattolika. Kont nistħi ħafna, imma kont nemmen f’Alla u nitolbu spiss. Meta kelli disaʼ snin, missieri beda jistudja max-Xhieda taʼ Ġeħova u ftit wara anki ommi.
Jien u Elisabeth bilqiegħda warajja
Wara ftit sirna parti mill-kongregazzjoni taʼ Döbling fi Vjenna. Bħala familja konna nagħmlu ħafna affarijiet flimkien. Konna naqraw u nistudjaw il-Bibbja, nattendu l-laqgħat, u anki ngħinu bħala volontiera fl-assembleat. Matul it-tfulija tiegħi, missieri għenni biex inkabbar l-imħabba tiegħi għal Ġeħova. Missieri dejjem kien jitlob biex jien u oħti nsiru pijunieri. Imma dak iż-żmien, din ma kinitx il-mira tiegħi.
KIF BDEJT FIS-SERVIZZ FULL-TIME
Tgħammidt fl-1965 meta kelli 14-il sena. Però, kont insibha diffiċli nkellem nies li ma nafx fuq is-service. Kont naħseb ukoll li żgħażagħ oħra huma aħjar minni u vera xtaqt li jaċċettawni u nkun ħabiba tagħhom. Minħabba f’hekk, ftit wara li tgħammidt, bdejt inqattaʼ ħafna ħin maʼ ħbieb li ma kinux jaqdu lil Ġeħova. Għalkemm kont nieħu pjaċir magħhom, kont naf li qed nagħmel xi ħaġa ħażina għax huma ma kinux iħobbu lil Ġeħova. Kont sibtha diffiċli ma nibqax nagħmilha magħhom. Imma kien hemm xi ħaġa li għenitni.
Jien tgħallimt ħafna minn Dorothée (xellug)
Dak iż-żmien, tfajla jisimha Dorothée, li kellha 16-il sena, saret pubblikatriċi fil-kongregazzjoni tagħna. Kienet impressjonatni kemm kienet tħobb tipprietka minn dar għal dar. Jien kont ftit ikbar minnha, imma ma tantx kont noħroġ service. Kont ngħid: ‘Il-ġenituri tiegħi Xhieda, imma Dorothée waħedha fil-verità. Għalkemm tieħu ħsieb lil ommha li hi marida, hi xorta toħroġ ħafna fuq is-service!’ Vera kienet t’eżempju għalija u għenitni biex anki jien inkun nixtieq nagħmel iktar għal Ġeħova. Wara ftit, jien u Dorothée bdejna naqdu bħala pijunieri flimkien. L-ewwel bħala pijunieri awżiljarji u mbagħad bħala pijunieri regulari. L-entużjażmu li kellha Dorothée biex tipprietka effettwa b’mod tajjeb lili. Hi għenitni wkoll nibda l-ewwel studju tal-Bibbja. U maż-żmien, bdejt insibha iktar faċli li nitkellem man-nies fuq il-bibien u kull fejn niltaqaʼ magħhom.
Fl-ewwel sena tiegħi bħala pijuniera regulari, ħu jismu Heinz ġie fil-kongregazzjoni tagħna. Hu kien tgħallem il-verità fil-Kanada waqt li kien qed iżur lil ħuh, li kien Xhud taʼ Ġeħova. Heinz kien ġie inkarigat fil-kongregazzjoni tagħna fi Vjenna bħala pijunier speċjali. Jien mill-ewwel ħadt grazzja miegħu. Imma peress li hu xtaq ikun missjunarju u jien ma xtaqtx, għall-ewwel ma wrejtux kif kont qed inħossni. Imma mbagħad, jien u Heinz bdejna noħorġu flimkien, iżżewwiġna, u bdejna naqdu bħala pijunieri flimkien fl-Awstrija.
IL-MIRA LI NKUN MISSJUNARJA
Heinz spiss kien jitkellem dwar ix-xewqa li kellu li jsir missjunarju. Għalkemm qatt ma kien jagħmilli pressjoni, kien jgħinni naħseb b’mistoqsijiet bħal, “La m’għandniex tfal, taħseb li nistgħu nagħmlu iktar għal Ġeħova?” Minħabba li kont persuna mistħija, il-ħsieb li nkun missjunarja kien ibeżżagħni. Vera li kont pijuniera, imma ħsibt li hi diffiċli wisq biex inkun missjunarja. Żewġi kien paċenzjuż u qatt ma qataʼ qalbu li flimkien nistgħu nilħqu din il-mira. Kien tani parir li vera għenni. Inkuraġġieni biex ma noqgħodx niffoka fuq affarijiet li jbeżżgħuni imma fuq kif nistaʼ ngħin lil oħrajn.
Fl-1974, Heinz jagħmel l-Istudju taʼ It-Torri tal-Għassa f’kongregazzjoni żgħira tal-lingwa Serbo-Kroat f’Salzburg, l-Awstrija
Maż-żmien, ridt inkun missjunarja, allura applikajna għall-Iskola taʼ Gilegħad. Però, ħu li kien jaħdem fil-fergħa tani parir biex l-ewwel nitgħallem nitkellem aħjar bl-Ingliż. Wara tliet snin nipprova nitgħallem aħjar l-Ingliż, bla ma konna qed nistennew, irċivejna inkarigu biex naqdu f’kongregazzjoni tal-lingwa Serbo-Kroat f’Salzburg, l-Awstrija. Domna nippritkaw b’din il-lingwa sebaʼ snin, imbagħad żewġi sar l-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet u għal sena żorna l-kongregazzjonijiet b’din il-lingwa. Ma kinitx lingwa faċli imma kellna ħafna studji tal-Bibbja.
Imbagħad fl-1979, l-aħwa fil-fergħa talbuna biex immorru l-Bulgarija. Imma minħabba li x-xogħol tal-ippritkar ma setax isir, qalulna biex immorru hemm taparsi fuq vaganza. Qalulna biex nieħdu magħna letteratura żgħira u ndaħħluha bil-moħbi għall-ħames aħwa nisa li kienu jgħixu f’Sofia, il-Bulgarija. Vera bżajt, imma Ġeħova għenni. Dawn l-aħwa nisa kienu vera kuraġġużi u ferħanin avolja setgħu jispiċċaw il-ħabs jekk jaqbduhom il-pulizija. L-eżempju tagħhom tani l-kuraġġ biex nagħmel dak kollu li kienet titlobni nagħmel l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova.
Sadanittant, erġajna applikajna għal Gilegħad u din id-darba ġejna aċċettati. Ħsibna li se nattendu din l-iskola bl-Ingliż fl-Istati Uniti. Imma f’Novembru tal-1981, din l-iskola bdiet issir fil-Ġermanja wkoll. Allura stajna nattendu l-iskola bil-Ġermaniż, u b’hekk kien eħfef għalija biex nifhem. Fejn kienu se jibagħtuna?
NAQDU BĦALA MISSJUNARJI F’PAJJIŻ MIMLI GWERER
Bagħtuna l-Kenja! Però, l-uffiċċju tal-fergħa tal-Kenja staqsiena jekk konniex lesti mmorru naqdu f’pajjiż viċin, l-Uganda. Ftit iktar minn għaxar snin qabel, uffiċjal militari jismu Idi Amin, kien ħa taħt idejh il-gvern tal-Uganda. Meta kien imexxi hu, qatel eluf taʼ nies u miljuni batew. Imbagħad, fl-1979, xi għedewwa tiegħu ġegħluh jaħrab u b’hekk inbidel il-gvern. Inkun onesta, bdejt nibżaʼ mmur f’pajjiż fejn kien hemm daqshekk vjolenza. Imma Gilegħad kienet ippreparatna nafdaw f’Ġeħova. Allura aċċettajna li mmorru.
Is-sitwazzjoni fl-Uganda kienet diffiċli ħafna. Heinz, fit-2010 Yearbook, iddeskrivieha b’dan il-mod: “Ħafna servizzi, . . . bħall-ilma u t-telefown, ma kinux jaħdmu. . . . Kien hemm ħafna sparar u qtil, speċjalment billejl. . . . Kulħadd kien jibqaʼ d-dar jittama, u ħafna drabi jitlob, li ħadd ma jiġi jisirqu jew joqtlu.” Minkejja dawn l-isfidi, l-aħwa fl-Uganda żammew il-fidi tagħhom b’saħħitha!
Nipprepara l-ikel fid-dar tal-familja Waiswa
Fl-1982, jien u Heinz wasalna fil-belt kapitali tal-Uganda, Kampala. Għall-ewwel ħames xhur, qgħadna maʼ Sam u Christina Waiswa, flimkien mal-ħamest itfal tagħhom u erbaʼ membri oħra tal-familja. Huma spiss kienu jieklu ikla waħda kuljum, imma dejjem kienu lesti li jaqsmu dak li kellhom magħna. Matul iż-żmien li qgħadna magħhom, tgħallimna ħafna affarijiet. Pereżempju, tgħallimna kif niffrankaw l-ilma billi ninħaslu bi ftit litri taʼ ilma, u l-ilma li nkunu użajna nużawh biex nifflaxxjaw it-tojlit. Imbagħad fl-1983, jien u żewġi sibna dar f’parti oħra taʼ Kampala li ma kinitx daqshekk perikoluża.
Vera konna nieħdu pjaċir nippritkaw f’Kampala. Niftakar darba f’xahar wieħed qassamna 4,000 rivista! Imma l-iktar ħaġa sabiħa kienet il-mod kif in-nies kienu jwieġbu għall-aħbar tajba. Kienu jirrispettawh lil Alla u kienu jieħdu pjaċir jitkellmu fuq il-Bibbja. Jien u Heinz kellna bejn 10 u 15-il studju tal-Bibbja kull wieħed u konna nitgħallmu ħafna mill-istudenti tagħna. Pereżempju, għalkemm biex jiġu l-laqgħat kellhom jimxu ħafna, huma qatt ma kienu jgergru u dejjem kienu jkunu ferħanin.
Fl-1985 u fl-1986 kien hemm żewġ gwerer oħra fl-Uganda. Spiss konna naraw tfal iġorru armi kbar. Dawn it-tfal kienu jintużaw bħala suldati u biex jikkontrollaw min jgħaddi fit-toroq. Matul dak iż-żmien, konna nitolbu lil Ġeħova biex jagħtina l-għerf ħalli nevitaw il-periklu waqt ix-xogħol tal-ippritkar u anki biex ma nibżgħux. Ġeħova kien jismagħna, għax spiss meta konna niltaqgħu maʼ xi ħadd li kien ikun irid jitgħallem dwar Ġeħova ma konniex nibżgħu.
Jiena, Heinz, u bejnietna Tatjana
Konna nieħdu pjaċir nitkellmu man-nies minn pajjiżi oħra li kienu jgħixu fl-Uganda. Pereżempju, aħna ltqajna u studjajna maʼ Murat u Dilbar Ibatullin, koppja miżżewġa mir-Russja. Murat kien tabib. It-tnejn li huma ġew fil-verità u għadhom jaqdu lil Ġeħova sal-lum. Iktar tard, kelli l-privileġġ niltaqaʼ maʼ Tatjana Vileyska, mill-Ukrajna, li tant kienet dipressa li riedet tagħmel suwiċidju. Wara li tgħammdet, hi reġgħet marret lura l-Ukrajna u iktar tard għenet fix-xogħol tat-traduzzjoni għall-pubblikazzjonijiet tagħna.a
MISSJUNARJI F’PAJJIŻ IEĦOR
Fl-1991, waqt li jien u Heinz konna qegħdin vaganza fl-Awstrija, irċivejna ittra li kienet tgħidilna li kellna inkarigu ġdid fil-Bulgarija. Għal ħafna snin, ix-xogħol tal-ippritkar ma setax isir f’ċertu pajjiżi fl-Ewropa, imma dan inbidel u x-Xhieda taʼ Ġeħova setgħu jippritkaw f’dawn il-pajjiżi. Il-Bulgarija kienet wieħed minnhom. Kif semmejt qabel, jien u r-raġel tiegħi konna daħħalna xi letteratura bil-moħbi meta x-xogħol tagħna kien projbit. Imma issa konna se nintbagħtu l-Bulgarija biex nippritkaw.
L-aħwa fil-fergħa qalulna biex ma mmorrux lura l-Uganda. Allura ma erġajniex morna lura biex nippakkjaw jew biex ngħidu ċaw lill-aħwa t’hemm. Minflok, morna l-Betel tal-Ġermanja, tawna karozza u soqna lejn il-Bulgarija. Konna inkarigati maʼ grupp t’20 pubblikatur f’Sofia.
Iffaċċjajna diversi sfidi ġodda fil-Bulgarija. L-ewwel sfida kienet li ma konniex nafu l-lingwa. It-tieni, l-uniku żewġ pubblikazzjonijiet bil-Bulgaru li kellhom kienu l-ktieb Il-Verità li Twassal għal Ħajja Eterna u Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja. U t-tielet, konna nsibuha diffiċli nibdew studji tal-Bibbja. Però minkejja dawn l-isfidi, l-aħwa fil-grupp li konna fih kienu vera żelużi. Imma ftit wara, il-Knisja Ortodossa ma bdietx tieħu pjaċir li bdejna nippritkaw, u beda l-inkwiet.
Fl-1994, il-gvern ma baqax iqis lix-Xhieda taʼ Ġeħova bħala reliġjon u ħafna Bulgari ħassew li konna grupp reliġjuż perikoluż. Xi aħwa ġew arrestati, u fuq it-televixin u l-gazzetti bdew jaqilgħu l-gideb fuqna. Bdew jgħidu li x-Xhieda jħallu t-tfal imutu għax ma jagħtuhomx demm u li jgħidu lil Xhieda oħra biex joqtlu lilhom infushom. Jien u Heinz bdejna nsibuha diffiċli nippritkaw. Spiss konna niltaqgħu maʼ nies li jgħajtu magħna, iċemplu lill-pulizija, u jitfgħulna l-affarijiet. Ma stajniex indaħħlu letteratura fil-pajjiż, u biex nikru swali għal-laqgħat saret diffiċli ħafna. Darba waħda, il-pulizija daħlu fuqna waqt konvenzjoni u waqqfuha. Jien u Heinz ma konniex imdorrijin b’nies li jobogħduna daqshekk. In-nies fil-Bulgarija kienu differenti ħafna min-nies fl-Uganda li kienu lesti jistudjaw il-Bibbja! X’għenna nissaportu dawn il-bidliet?
Xi ħaġa li għenitna kienet li konna nqattgħu l-ħin mal-aħwa. Huma kienu ferħanin li sabu l-verità u kienu japprezzaw l-għajnuna li tajniehom. Bqajna magħqudin u kollha kien jimpurtana minn xulxin. Minn dawn l-esperjenzi tgħallimna li nistgħu nkunu ferħanin f’kull inkarigu jekk dejjem naħsbu f’oħrajn minflok fuq il-problemi tagħna.
Fl-2007, fil-fergħa tal-Bulgarija
Maż-żmien l-affarijiet tjiebu. Fl-1998, il-gvern reġaʼ rreġistra x-Xhieda taʼ Ġeħova bħala reliġjon u ħafna iktar pubblikazzjonijiet ġew tradotti bil-Bulgaru. Imbagħad fl-2004, uffiċċju tal-fergħa ġdid ġie dedikat lil Ġeħova. Illum hemm 2,953 pubblikatur f’57 kongregazzjoni fil-Bulgarija. Fl-2024, għat-Tifkira attendew 6,475 persuna. Għalkemm xi darba kien hemm biss ħames aħwa f’Sofia, issa hemm disaʼ kongregazzjonijiet! Aħna rajna b’għajnejna stess kif ‘iċ-ċkejken isir elf.’—Isa. 60:22.
INKAMPA MAʼ SFIDI PERSONALI
F’ħajti kelli ħafna problemi taʼ saħħa. Matul is-snin, kelli ħafna tumuri, darba anki kelli wieħed f’rasi. Ħadt ir-raġġi u għamilt operazzjoni taʼ 12-il siegħa fl-Indja biex ineħħuli kemm jistgħu minnu. Wara biex nirkupra qgħadna fil-fergħa tal-Indja, imbagħad morna lura fl-inkarigu tagħna fil-Bulgarija.
Sadanittant, Heinz beda jbati minn marda ereditarja rari jisimha Huntington. Minħabba din il-marda kien ibati biex jimxi, jitkellem, u anki jikkontrolla l-muskoli taʼ ġismu. Hekk kif il-marda tiegħu gravat, jien kelli nieħu ħsiebu iktar. Ġieli ħassejtni għajjiena ħafna u kont ninkwieta li mhux se nkun nistaʼ nieħu ħsiebu iktar. Però, ħu jismu Bobi kien jistiednu biex imur service miegħu. Bobi ma kienx jistħi x’jaħsbu n-nies meta Heinz ma kienx jitkellem sew jew ma kienx ikun jistaʼ jikkontrolla jdejh u saqajh. Kont naf li stajt norbot fuq Bobi meta jien ma stajtx nieħu ħsieb lil żewġi. Għalkemm jien u Heinz ma kellniex tfal f’din is-sistema, konna nħossu li Ġeħova kien provdielna lil Bobi bħala t-tifel tagħna!—Mrk. 10:29, 30.
Heinz bata wkoll bil-kanċer. B’dispjaċir, hu miet fl-2015. Nimmissjah ħafna. Hu dejjem kien jgħinni biex ma ninkwetax. Kienet diffiċli biex nidra mingħajru. Imma għandi ħafna memorji sbieħ tiegħu u nħobb niftakar fihom! (Luqa 20:38) Spiss niftakar fil-kliem li kien jgħidli b’qalb tajba u fil-pariri tajbin li tani. Jien vera grata li stajna naqdu lil Ġeħova flimkien għal ħafna snin.
GRATA GĦALL-GĦAJNUNA TAʼ ĠEĦOVA
Jien inħoss li Ġeħova għenni nissaporti kull sitwazzjoni li kelli f’ħajti. Ġeħova għenni wkoll negħleb il-mistħija u nsir missjunarja li tħobb in-nies. (2 Tim. 1:7) Bl-għajnuna taʼ Ġeħova, jien u oħti llum it-tnejn naqdu fis-servizz full-time. Hi u żewġha bħalissa jaqdu fis-circuit tal-lingwa Serba fl-Ewropa. Ġeħova wieġeb it-talb li kien jitlob missieri meta konna żgħar!
Kull darba li nagħmel l-istudju personali nħossni kalma u nħoss il-paċi li Ġeħova jagħtina. Fi żmien diffiċli, tgħallimt nitlob b’qalbi kollha lil Ġeħova bħalma kien jagħmel Ġesù. (Luqa 22:44) U mod kif Ġeħova jwieġeb it-talb tiegħi hu permezz tal-imħabba u l-qalb tajba li juru miegħi l-aħwa tal-kongregazzjoni tiegħi. Huma spiss jistidnuni biex inqattaʼ l-ħin magħhom u jgħiduli kemm iħobbuni. Dan vera jagħmilni ferħana.
Spiss nimmedita dwar l-irxoxt u nimmaġina lili u l-familja tiegħi fil-Ġenna tal-art. Inħobb nimmaġina lil ommi u lil missieri quddiem id-dar tiegħi kif kienu meta żżewġu, żgħar u ħelwin. Nimmaġina lil Heinz bilwieqfa fejn iż-żiemel tiegħu. U nimmaġina lil oħti ssajjar ikla tajba biex nerġgħu nilqgħuhom lura. Meta noqgħod naħseb dwar dawn l-affarijiet, inħossni ferħana, jgħinni biex nissaporti, u biex inkun grata għal dak kollu li Ġeħova għamel miegħi.
Meta noqgħod naħseb kif kienet ħajti u kif se tkun fil-futur, inħossni bħalma ħassu David meta qal f’Salm 27:13, 14: “Min jaf x’kien jiġri minni kieku ma kellix fidi li se nesperjenza l-qalb tajba taʼ Ġeħova kemm indum ħaj! Ittama f’Ġeħova; kun kuraġġuż u sod. Iva, ittama f’Ġeħova.”
a Ara l-bijografija taʼ Tatjana Vileyska fi Stenbaħ! bl-Ingliż tat-22 taʼ Diċembru 2000, pp. 20-24.