Aħna Neħtieġu Ħbieb Veri
JENNY u Sue jinsabu mitlufin f’konversazzjoni stimulanti. It-tbissim fuq l-uċuħ, l-għajnejn jiddu—kull ħaġa fl-attitudni tagħhom tirrivela l-interess profond f’dak li l-persuna l-oħra għandha x’tgħid. Għalkemm minn ambjenti differenti, huma ovvjament għandhom ħafna inkomuni u għandhom rispett profond lejn xulxin.
Xi mkien ieħor, Eric u Dennis qegħdin jaħdmu flimkien fuq proġett, wieħed mill-ħafna taʼ matul is-snin li ħadmu flimkien. Huma rilassati, u d-daħk m’huwiex nieqes. Hekk kif il-konversazzjoni ddur għal suġġetti serji, huma bis-sinċerità kollha jagħtu l-opinjonijiet tagħhom. Bħal Jenny u Sue, Eric u Dennis huma ħbieb veri.
Dawn id-deskrizzjonijiet jistgħu jolqtuk, billi jġegħluk taħseb dwar ħbiebek stess. Mill-banda l-oħra, jistgħu jġegħluk tixxennaq għal ħbiberiji bħal dawn. Int ukoll jistaʼ jkollok dawn.
Għala Neħtieġu Ħbieb Veri
Ħbiberiji li jibnu huma essenzjali għall-benesseri mentali u fiżiku tagħna. Meta nkunu qegħdin inħossuna waħedna, madankollu, dan ma jfissirx li hemm xi ħaġa ħażina ġo fina. Xi riċerkaturi jgħidu li s-solitudni hija ġuħ, indikatur naturali li aħna neħtieġu l-kumpanija. Hu x’inhu, sewwa sew bħalma l-ikel inaqqas jew ineħħi l-ġuħ, ix-xorta addattata taʼ ħbiberiji tistaʼ tnaqqas is-solitudni jew saħansitra ġġegħelha tgħib. Barra minn hekk, li jkollna ħbieb veri li jistmawna m’hijiex xi lussu li ma jistax jinkiseb.
Il-bnedmin ġew maħluqin bi bżonn għall-kumpanija. (Ġenesi 2:18) Il-Bibbja tgħid li ħabib veru, jew kumpann, “jitwieled għal żmien il-hemm.” (Proverbji 17:17) Għalhekk, ħbieb ġenwini għandhom ikunu kapaċi jitolbu l-għajnuna taʼ xulxin meta din tkun meħtieġa. Imma l-ħbiberija tfisser iktar milli sempliċement ikollok lil xi ħadd lejn min iddur jew li tkun kumpann fix-xogħol jew fil-ħin liberu. Ħbieb tajbin joħorġu l-aqwa kwalitajiet f’xulxin. Proverbji 27:17 jgħid: “Kif il-ħadid isinn il-ħadid, hekk jitgħallem wieħed mill-ieħor.” Bħalma biċċa ħadida tistaʼ tiġi wżata biex issinn xafra magħmula mill-istess metall, ħabib wieħed jistaʼ jirnexxilu jsinn l-istat intellettwali u spiritwali taʼ ieħor. Jekk xi diżappunti jagħmluna dipressi, il-ħarsa simpatetika u l-inkuraġġiment Skritturali taʼ ħabib jistgħu jkunu ferm edifikanti.
Fil-Bibbja, il-ħbiberija hija assoċjata maʼ l-imħabba, il-familjarità, il-kunfidenzjalità, u l-kumpanija. Ħbiberiji jistgħu jinvolvu lil ġirien, sħabna fuq ix-xogħol, u iktar. Xi wħud ukoll iqisu lil ċerti qraba fost l-iktar ħbieb intimi tagħhom. Għal ħafna llum, madankollu, ħbieb veri huma diffiċli biex issibhom u żżommhom. Dan għala? Tistaʼ int tgawdi ħbiberiji veri u dejjiema? (w96 3/15)