LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w95 9/1 pp. 8-13
  • Stedina bl-Imħabba lill-Uħud Għajjenin

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Stedina bl-Imħabba lill-Uħud Għajjenin
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Dawk “Imħabbtin u Mtaqqlin”
  • Il-​Veru Kaġun Tat-​Tbatija
  • L-​Istedina Taʼ Ġesù Llum
  • Serħan u Rifreskar
  • “Ejjew għandi, . . . u jien inserraħkom”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2019
  • Rimedju Prattiku Kif Teħles mill-Istress
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Għala Niltaqgħu Flimkien?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Gwaj għal ġenerazzjoni li ma tridx tagħti widen
    Ġesù—It-triq, il-verità, u l-ħajja
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
w95 9/1 pp. 8-13

Stedina bl-​Imħabba lill-​Uħud Għajjenin

“Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jien inserraħkom.”—MATTEW 11:28.

1. Ġesù x’ra fil-​Galilija fit-​tielet mawra tiegħu taʼ pridkar?

LEJN il-​bidu tas-​sena 32 E.K., Ġesù kien qiegħed jagħmel it-​tielet mawra tiegħu taʼ pridkar fid-​distrett tal-​Galilija. Ivvjaġġa minn ġo l-​ibliet u l-​irħula, “jgħallem fis-​sinagogi, ixandar il-​Bxara t-​tajba tas-​Saltna, u jfejjaq kull xorta taʼ mard u ’l kull min kien nieqes minn saħħtu.” Hekk kif għamel dan, ra l-​folol, u “tħassarhom, għax kienu mdejqa u mitluqa bħal ngħaġ bla ragħaj.”—Mattew 9:35, 36.

2. Ġesù kif għen lin-​nies?

2 Ġesù, madankollu, għamel iżjed milli sempliċi ħass ħniena għall-​folol. Wara li struwixxa lid-​dixxipli tiegħu biex jitolbu lil “Sid il-​ħsad,” Alla Jehovah, hu bagħathom biex jgħinu lin-​nies. (Mattew 9:38; 10:1) Imbagħad offra lin-​nies l-​assiguranza persunali tiegħu tal-​mogħdija lejn serħan u faraġ ġenwini. Estenda lilhom din l-​istedina li tqanqal il-​qalb: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jien inserraħkom. Ħudu fuqkom il-​madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jien taʼ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-​mistrieħ għal ruħkom.”—Mattew 11:28, 29.

3. L-​istedina taʼ Ġesù għala hija ugwalment attraenti llum?

3 Illum ngħixu fi żmien meta ħafna jħossuhom imtaqqlin u mgħobbijin wisq. (Rumani 8:22; 2 Timotju 3:1) Għal xi wħud, li sempliċement jaqilgħu l-​għixien jikkonsmalhom tant mill-​ħin u l-​enerġija tagħhom li ftit jibqgħalhom għall-​familja tagħhom, ħbieb, jew kwalunkwe ħaġa oħra. Ħafna huma mtaqqlin b’xi mard serju, tbatijiet, dipressjoni, u problemi fiżiċi u emozzjonali oħrajn. Taħt pressjoni, xi wħud jipprovaw isibu serħan billi jagħtu ruħhom għal ġiri wara pjaċiri, ikel, xorb, saħansitra abbuż taʼ drogi. Dan, m’għandniex xi ngħidu, jitfagħhom biss f’ċirku vizzjuż, li jġibilhom iżjed problemi u pressjonijiet. (Rumani 8:6) B’mod ċar, l-​istedina bl-​imħabba taʼ Ġesù tinstemaʼ daqstant attraenti llum daqs kemm kienet dak in-​nhar.

4. Liema mistoqsijiet għandna nikkunsidraw sabiex nibbenefikaw mill-​istedina bl-​imħabba taʼ Ġesù?

4 Għal xiex, iżda, kienu suġġetti n-​nies taʼ żmien Ġesù, sabiex dehru “mdejqa u mitluqa,” u b’hekk qanqlu lil Ġesù biex iħoss ħniena għalihom? X’kienu l-​piżijiet u t-​tagħbijiet li kellhom iġorru, u l-​istedina taʼ Ġesù kif kienet se tgħinhom? It-​tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet jistgħu jkunu t’għajnuna kbira għalina biex nibbenefikaw mill-​istedina bl-​imħabba taʼ Ġesù għall-​uħud għajjenin.

Dawk “Imħabbtin u Mtaqqlin”

5. Għala kien xieraq li l-​appostlu Mattew jirrapporta dwar din il-​ġrajja fil-​ministeru taʼ Ġesù?

5 Huwa taʼ interess li Mattew biss irrapporta dwar din il-​ġrajja fil-​ministeru taʼ Ġesù. Billi qabel kien kollettur tat-​taxxi, Mattew, li kien magħruf ukoll bħala Levi, kien familjari sewwa maʼ piż partikulari li n-​nies kienu qegħdin iġorru. (Mattew 9:9; Mark 2:14) Jgħid il-​ktieb Daily Life in the Time of Jesus: “It-​taxxi li [l-Lhud kellhom] iħallsu fi flus u f’affarijiet simili kienu ibsin iżżejjed, u kienu saħansitra iżjed ibsin għaliex żewġ għamliet taʼ tassazzjoni kienu jsiru fuqhom f’daqqa, taxxi ċivili u taxxi reliġjużi; u l-​ebda waħda minnhom ma kienet ħafifa.”

6. (a) Liema kienet is-​sistema tat-​taxxi wżata fi żmien Ġesù? (Ara l-​kaxxa.) (b) Il-​kolletturi tat-​taxxi għala kellhom reputazzjoni daqshekk ħażina? (ċ) Pawlu dwar liema ħaġa ħass il-​bżonn li jfakkar lill-​Kristjani sħabu?

6 Dak li għamel dan kollu speċjalment taʼ piż kien is-​sistema tat-​taxxi f’dak iż-​żmien. Uffiċjali Rumani kienu jagħtu d-​dritt li jiġbru t-​taxxi fil-​provinċji lil dawk li kienu joffru l-​iżjed flus. Dawn, mill-​banda l-​oħra, kienu jimpjegaw nies fil-​komunitajiet lokali biex jieħdu ħsieb tax-​xogħol attwali tal-​ġbir tat-​taxxi. Kull wieħed fl-​iskema piramida ħassu ġġustifikat bis-​sħiħ li jżid il-​parti, jew is-​sehem tiegħu stess. Per eżempju, Luqa rrakkonta li “kien hemm raġel, jismu Żakkew; dan kien wieħed mill-​kapijiet tal-​publikani, u kien għani.” (Luqa 19:2) ‘Il-​kap tal-​publikani’ Żakkew u dawk taħt is-​superviżjoni tiegħu milli jidher bnew il-​fortuna tagħhom minn fuq il-​miżerja tan-​nies. L-​abbuż u l-​korruzzjoni inkuraġġiti minn sistema bħal din ġagħlu lin-​nies jikklassifikaw lill-​kolletturi tat-​taxxi mal-​midinbin u l-​prostituti, u x’aktarx bix-​xieraq fil-​biċċa l-​kbira tal-​każi. (Mattew 9:10; 21:31, 32; Mark 2:15; Luqa 7:34) Peress li n-​nies ħassew piż kważi insapportabbli, mhux taʼ b’xejn li l-​appostlu Pawlu ħass il-​bżonn li jfakkar lill-​Kristjani sħabu biex ma jurtawx ruħhom taħt il-​madmad Ruman imma biex ‘jagħtu lil kulħadd dak li ħaqqu, taxxi lil min imissu t-​taxxi, dazju lil min imissu d-​dazju.’—Rumani 13:7a; qabbel Luqa 23:2.

7. Il-​liġijiet penali Rumani kif żiedu mal-​piż tal-​poplu?

7 Pawlu fakkar ukoll lill-​Kristjani biex juru “lilu li jsejjaħ għall-​biżaʼ, biżaʼ bħal dan; lilu li jsejjaħ għall-​unur, unur bħal dan.” (Rumani 13:7b, New World Translation) Ir-​Rumani kienu magħrufin għall-​krudeltà u s-​severità tal-​liġijiet penali tagħhom. Flaġellar, swat, sentenzi ħorox taʼ ħabs, u esekuzzjonijiet kienu jintużaw taʼ spiss sabiex iżommu lin-​nies f’posthom. (Luqa 23:32, 33; Atti 22:24, 25) Saħansitra l-​mexxejja Lhud ngħataw l-​awtorità biex jamministraw kastigi bħal dawn skond ma kien jidhrilhom li kien xieraq. (Mattew 10:17; Atti 5:40) Sistema bħal din kienet ċertament mill-​iktar repressiva, jekk mhux għalkollox oppressiva, għal kulmin kien jgħix taħtha.

8. Il-​mexxejja reliġjużi kif għabbew piż fuq il-​poplu?

8 Agħar mit-​taxxi u l-​liġijiet Rumani, madankollu, kien il-​piż imqiegħed fuq in-​nies komuni mill-​mexxejja reliġjużi taʼ dak iż-​żmien. Fil-​fatt, dan deher li kien it-​tħassib primarju taʼ Ġesù meta ddeskriva lin-​nies bħala “mħabbtin u mtaqqlin.” Ġesù qal li minflok ma jagħtu tama u konsolazzjoni lin-​nies mgħaffġin, il-​mexxejja reliġjużi “jorbtu qatet kbar u tqal u jgħabbuhom fuq spallejn ħaddieħor, waqt li huma stess anqas b’sebagħhom il-​wieħed ma jridu jħarrkuhom.” (Mattew 23:4; Luqa 11:46) Wieħed ma jistax ma jinnotax fil-​Vanġeli l-​istampa ċara tal-​mexxejja reliġjużi​—speċjalment l-​iskribi u l-​Fariżej—​bħala grupp imkabbar, bla qalb, u ipokrita. Huma ħarsu bi stmerrija lejn in-​nies komuni bħala li kienu bla skola u m’humiex indaf, u kienu jistmerru lill-​barranin f’nofshom. Kummentarju fuq l-​attitudni tagħhom josserva: “Raġel li jgħabbi żżejjed liż-​żiemel illum il-​ġurnata jistaʼ jiġi akkużat quddiem il-​liġi. Xi ngħidu dwar raġel li għabba 613-il kmandament fuq ‘in-​nies tar-​rabaʼ’ li ma kellhom ebda taħriġ reliġjuż; u mbagħad, waqt li m’għamel xejn biex jgħinhom, ikkundannahom bħala atei?” M’għandniex xi ngħidu, il-​veru piż kien, mhux il-​Liġi Mosajka, imma l-​massa taʼ tradizzjoni imposta fuq in-​nies.

Il-​Veru Kaġun Tat-​Tbatija

9. Il-​kundizzjonijiet fost in-​nies taʼ żmien Ġesù kif ipparagunaw maʼ dawk fi żmien is-​Sultan Salamun?

9 Xi drabi l-​piż materjali fuq in-​nies kien wieħed tqil, u għalhekk kien hemm faqar mifrux. L-​Iżraeliti riedu jħallsu t-​taxxi raġonevoli kif stabbiliti mil-​Liġi Mosajka. Imbagħad matul il-​ħakma taʼ Salamun, in-​nies ħadu ħsieb taʼ proġetti nazzjonali li swew ħafna flus, bħalma kien il-​bini tat-​tempju u postijiet oħrajn. (1 Slaten 7:1-8; 9:17-19) Madankollu, il-​Bibbja tgħidilna li n-​nies kienu “lkoll ferħana jieklu u jixorbu. . . . Il-​poplu taʼ Ġuda u Iżrael kien jgħix fiż-​żgur, kulħadd taħt id-​dielja u t-​tina tiegħu, minn Dan sa Birsaba, iż-​żmien kollu taʼ Salamun.” (1 Slaten 4:20; 1 Slaten 5:5 [1 Slaten 4:20, 25, NW]) X’kien li għamel id-​differenza?

10. X’kienet ir-​raġuni għas-​sitwazzjoni taʼ Iżrael sa l-​ewwel seklu?

10 Dment li l-​ġens żamm sod mal-​vera qima, huma gawdew il-​favur taʼ Jehovah u kienu mberkin b’sigurtà u prosperità minkejja n-​nefqa nazzjonali kbira. Madankollu, Jehovah wissa li jekk huma ‘jduru, u jwarrbu minnu, u ma jħarsux l-​ordnijiet tiegħu,’ kienu se jġarrbu konsegwenzi kuntrarji serji. Fil-​fatt, “Iżrael [kellu] jiġi f’ilsien in-​nies, u jaqaʼ għaż-​żuffjett fost kemm [kienu] l-​ġnus.” (1 Slaten 9:6, 7) L-​affarijiet seħħew eżatt b’dak il-​mod. Iżrael waqaʼ taħt dominanza barranija, u s-​saltna li darba kienet glorjuża ġiet ridotta għal sempliċi stat kolonjali. Xi prezz kellhom iħallsu talli ttraskuraw l-​obbligi spiritwali tagħhom!

11. Ġesù għala ħass li n-​nies “kienu mdejqa u mitluqa bħal ngħaġ bla ragħaj”?

11 Dan kollu jgħinna nifhmu għala Ġesù ħass li n-​nies li ra “kienu mdejqa u mitluqa.” Dawn kienu Iżraeliti, in-​nies taʼ Jehovah, li fil-​biċċa l-​kbira kienu qegħdin jipprovaw jgħixu fi qbil mal-​liġijiet t’Alla u jwettqu l-​qima tagħhom b’mod aċċettabbli. Minkejja dan, ġew sfruttati u mgħaffġin mhux biss mill-​qawwiet politiċi u kummerċjali imma wkoll mill-​mexxejja reliġjużi apostati fosthom. Kienu “bħal ngħaġ bla ragħaj” għaliex ma kellhom lil ħadd min jieħu ħsiebhom jew li jaqbeż għalihom. Kellhom bżonn taʼ l-​għajnuna biex ikampaw maʼ realtajiet ħorox ħafna. Kemm kienet f’waqtha l-​istedina bl-​imħabba u ġentili taʼ Ġesù!

L-​Istedina Taʼ Ġesù Llum

12. Il-​qaddejja t’Alla u nies sinċieri oħrajn liema pressjonijiet iħossu llum?

12 F’ħafna modi l-​affarijiet huma simili llum. Nies sinċieri li qegħdin jipprovaw jaqilgħu l-​għixien b’mod onest isibu l-​pressjonijiet u dak li titlob minnhom is-​sistema t’affarijiet korrotta ibsin biex jissaportuhom. Saħansitra dawk li ddedikaw ħajjiethom lil Jehovah m’humiex meħlusin. Rapporti juru li xi wħud fost il-​qaddejja taʼ Jehovah qegħdin isibuha dejjem iżjed diffiċli biex iwettqu r-​responsabbiltajiet kollha tagħhom, minkejja li jridu jagħmlu dan. Iħossuhom imtaqqlin wisq, għajjenin, bla saħħa. Xi wħud saħansitra jħossuhom li jkun taʼ serħan li kieku sempliċement jistgħu jtajru kollox mar-​riħ u jisparixxu x’imkien sabiex ikunu jistgħu jserrħu ftit il-​menti tagħhom. Qatt ħassejtek hekk? Taf lil xi ħadd qrib tiegħek f’dik is-​sitwazzjoni? Iva, l-​istedina taʼ Ġesù li tqanqal il-​qalb għandha tifsir kbir għalina llum.

13. Għala nistgħu nkunu ċerti li Ġesù jistaʼ jgħinna nsibu mistrieħ u rifreskar?

13 Qabel ma Ġesù ħareġ l-​istedina bl-​imħabba tiegħu, stqarr: “Kollox kien mogħti lili minn Missieri, u ħadd ma jagħraf lill-​Iben jekk mhux il-​Missier, kif ħadd ma jagħraf lill-​Missier jekk mhux l-​Iben u dak li lilu l-​Iben irid jgħarrafulu.” (Mattew 11:27) Minħabba din ir-​relazzjoni intima bejn Ġesù u Missieru, niġu żgurati li billi naċċettaw l-​istedina taʼ Ġesù u nsiru dixxipli tiegħu, nistgħu nidħlu f’relazzjoni intima u persunali maʼ Jehovah, dak “Alla taʼ kull faraġ.” (2 Korintin 1:3; qabbel Ġwann 14:6.) Jerġaʼ, ladarba ‘kollox kien mogħti lilu,’ Ġesù Kristu waħdu għandu l-​qawwa u l-​awtorità biex iħaffef il-​piżijiet tagħna. Liema? Dawk imposti mis-​sistemi korrotti politiċi, kummerċjali, u reliġjużi, kif ukoll il-​piż impost mid-​dnub u l-​imperfezzjoni li writna. Xi ħsieb inkuraġġanti u rassiguranti huwa dak dritt mill-​bidu!

14. Ġesù minn liema taħbit setaʼ jipprovdi rifreskar?

14 Ġesù ssokta jgħid: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jien inserraħkom.” (Mattew 11:28) Ċertament Ġesù ma kienx qiegħed jitkellem kontra x-​xogħol iebes, għax hu taʼ spiss ta parir lid-​dixxipli tiegħu biex jistinkaw fix-​xogħol li riedu jagħmlu. (Luqa 13:24) Imma “mħabbtin” timplika xogħol iebes fit-​tul u taʼ tbatija, taʼ spiss mingħajr riżultat siewi. U “mtaqqlin” iġġorr il-​ħsieb taʼ li wieħed ikollu piż itqal mill-​kapaċità normali. Id-​differenza tistaʼ tiġi mxebbha maʼ dik bejn raġel li qiegħed iħaffer għal teżor moħbi u ieħor li jħaffer it-​trinek f’kamp tax-​xogħol iebes. It-​tnejn qegħdin jagħmlu xogħol iebes simili. Taʼ l-​ewwel, il-​biċċa xogħol daħal għaliha bil-​ħeġġa, imma l-​ieħor, għalih huwa xogħol monotonu u bla tmiem. Dak li jagħmel id-​differenza huwa l-​iskop tax-​xogħol, jew in-​nuqqas taʼ skop.

15. (a) Liema mistoqsijiet għandna nagħmlu lilna nfusna jekk inħossu li qegħdin inġorru piż tqil fuq spallejna? (b) X’jistaʼ jintqal dwar is-​sors tal-​piżijiet tagħna?

15 Tħossok int ‘imħabbat u mtaqqal,’ li hemm sempliċement wisq affarijiet mitlubin mill-​ħin u l-​enerġija tiegħek? Jidhru l-​piżijiet li qiegħed iġġorr tqal wisq għalik? Jekk iva, jistaʼ jgħin li tistaqsi lilek innifsek, ‘Għal xiex qiegħed nitħabat? Liema xorta taʼ tagħbija qiegħed inġorr?’ F’dan ir-​rigward, kummentatur tal-​Bibbja osserva iktar minn 80 sena ilu: “Jekk inqisu l-​piżijiet tal-​ħajja dawn jaqgħu f’żewġ klassijiet; nistgħu nsejħulhom dawk li nġibu b’idejna stess u dawk inevitabbli: dawk li huma dovuti, u dawk li m’humiex dovuti, għall-​azzjonijiet tagħna stess.” Imbagħad żied: “Ħafna minna jissorprendu ruħhom, wara eżami strett tagħhom infushom, li jsibu xi proporzjon kbir mill-​piżijiet kollha tagħna ġibna b’idejna stess.”

16. Liema piżijiet nistgħu b’mod mhux għaqli nimponu fuqna nfusna?

16 Liema huma xi ftit mill-​piżijiet li nistgħu nġibu fuqna nfusna? Illum ngħixu f’dinja materjalistika, li tħobb il-​pjaċiri, u li hija immorali. (2 Timotju 3:1-5) Saħansitra Kristjani ddedikati huma taħt pressjoni kontinwa biex jikkonformaw mal-​moda u stili taʼ ħajja tad-​dinja. L-​appostlu Ġwanni kiteb dwar “il-​ġibda tal-​ġisem u l-​ġibda taʼ l-​għajnejn u l-​kburija tal-​ħajja.” (1 Ġwann 2:16) Dawn huma influwenzi qawwijin li jistgħu faċilment jeffettwawna. Huwa magħruf li xi wħud kienu lesti li jidħlu f’ħafna dejn sabiex igawdu iżjed mill-​pjaċiri tad-​dinja jew biex iżommu ċertu stil taʼ ħajja. Imbagħad isibu li jridu jqattgħu ammont esaġerat taʼ ħin fuq ix-​xogħol, jew isibu diversi xogħlijiet, biex jakkwistaw il-​flus ħalli jħallsu d-​djun tagħhom.

17. Liema sitwazzjoni tistaʼ tagħmlu saħansitra iktar iebes li nġorru t-​tagħbija, u dan kif jistaʼ jiġi rrimedjat?

17 Fil-​waqt li wieħed jistaʼ jirraġuna li m’huwiex żbaljat li jkollok jew li tagħmel xi affarijiet li ħaddieħor għandu jew jagħmel, huwa importanti li janalizza jekk hux qiegħed iżid mat-​tagħbija tiegħu bla bżonn. (1 Korintin 10:23) Ladarba wieħed jistaʼ jġorr biss daqstant, xi ħaġa trid titneħħa sabiex tittieħed tagħbija oħra. Taʼ spiss, huma l-​affarijiet essenzjali għall-​benesseri spiritwali tagħna​—studju persunali tal-​Bibbja, attendenza għal-​laqgħat, u l-​ministeru taʼ l-​għalqa—​li qegħdin jitneħħew l-​ewwel. Ir-​riżultat huwa telf taʼ saħħa spiritwali, li, mill-​banda l-​oħra, jagħmilha saħansitra iktar iebes li ġġorr it-​tagħbija. Ġesù Kristu wissa kontra periklu bħal dan meta qal: “Oqogħdu attenti, u qisu li l-​ikel u x-​xorb iżżejjed u s-​sokor ma jmewtulkomx qalbkom, u tħallu li l-​ħafna tħassib għall-​ħtiġijiet tal-​ħajja jeħdilkom raskom, li ma ssibux dak il-​Jum fuqkom għal għarrieda [“bħal nassa,” NW].” (Luqa 21:34, 35; Lhud 12:1) Huwa diffiċli li tinduna b’nassa u taħrabha jekk tkun mgħobbi ħafna u mifluġ.

Serħan u Rifreskar

18. Ġesù x’offrilhom lil dawk li jiġu għandu?

18 Bl-​imħabba, għalhekk, Ġesù offra r-​rimedju: “Ejjew għandi, . . . u jien inserraħkom.” (Mattew 11:28) Il-​kelmiet “inserraħkom” hawnhekk u “mistrieħ” fil-​vers 29 jiġu mill-​kelmiet Griegi li jikkorrespondu mal-​kelma li l-​verżjoni Settwaġinta tuża biex tittraduċi l-​kelma Ebrajka għal “sabat” jew “żamma tas-​sabat.” (Eżodu 16:23) B’hekk, Ġesù ma wegħidx li dawk li jiġu għandu ma kienx se jkollhom iżjed xogħol, imma wiegħed li kien se jirrifreskahom sabiex ikunu b’saħħithom għax-​xogħol li jridu jagħmlu fi qbil maʼ l-​iskop t’Alla.

19. Wieħed kif ‘jiġi għand Ġesù’?

19 Kif, iżda, wieħed ‘imur għand Ġesù’? Lid-​dixxipli tiegħu, Ġesù qalilhom: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfaʼ salibu, u jimxi warajja.” (Mattew 16:24) Għaldaqstant, li tiġi għand Ġesù jimplika li tissottometti r-​rieda tiegħek stess għal dik t’Alla u taʼ Kristu, billi taċċetta xi tagħbija taʼ responsabbiltà, u tagħmel dan kontinwament. Jitlob dan kollu wisq minna? Huwa l-​prezz għoli wisq? Ejjew nikkunsidraw dak li Ġesù qal wara li ta l-​istedina bl-​imħabba lill-​uħud għajjenin. (w95 8/15)

Tistaʼ Tiftakar Int?

◻ In-​nies taʼ żmien Ġesù b’liema modi kienu mtaqqlin?

◻ Liema kien il-​veru kaġun tat-​tbatija tan-​nies?

◻ Kif għandna neżaminaw lilna nfusna jekk inħossuna mtaqqlin ħafna?

◻ Liema piżijiet nistgħu b’mod mhux għaqli nimponu fuqna nfusna?

◻ Kif nistgħu nirċievu r-​rifreskar li Ġesù wiegħed?

[Stampa f’paġna 11]

Liema huma xi piżijiet li nistgħu nġibu fuqna nfusna?

[Sors taʼ l-​Istampa f’paġna 11]

Bil-​kortesija tal-​Ministeru tat-​Turiżmu tal-​Bahamas

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja