Il-Biżaʼ Meta Se Jintemm?
JISSORPRENDIK li tkun taf li l-vera sigurtà għandha x’taqsam maʼ raġel li għex 2,000 sena ilu? Billi wera l-bżonn għall-imħabba, Ġesù Kristu rrakkonta parabbola rimarkabbli: “Wieħed raġel kien nieżel Ġeriko minn Ġerusalemm, u waqaʼ f’idejn il-ħallelin; dawn neżżgħuh, biċċruh bis-swat u telqu, u ħallewh nofsu mejjet.” Għalkemm żewġ vjaġġaturi injoraw il-vittma, Samaritan taʼ qalb tajba wera ħniena. Min, iżda, jimpurtah mill-vittmi tal-kriminalità llum? X’serħan mill-biżaʼ nistgħu nistennew?—Luqa 10:30-37.
Fil-waqt li jgħidu li jemmnu f’Alla, ħafna jaħsbu li l-liġi u l-ordni għandhom jiġu inforzati mill-bniedem. Imma pieni tal-ħabs iktar ħorox jew iktar pulizija mħallsin aħjar se jġibu fi tmiem lill-kriminalità vjolenti? Temmen int tassew li aġenziji li jżommu l-ordni, għalkemm jagħmlu sforzi sinċieri biex jipprovdu xi ftit tas-sigurtà, se jeliminaw affarijiet bħalma huma l-abbuż mid-droga, il-kriminalità organizzata, u l-faqar? Madankollu, l-għatx u l-ġuħ tagħna għat-tjieba m’għandhomx għax ikunu għalxejn.—Mattew 5:6.
Salm 46:1 jgħid: “Kenn u qawwa hu Alla għalina, għajnuna kbira sibnieh fid-dwejjaq.” Se naraw li dawn il-kelmiet m’humiex biss poeżija sabiħa.
Bħalma taf, il-mezzi taʼ l-aħbarijiet kuljum jirrapportaw qtil bla rażan fi gwerer ċivili u attakki terroristiċi. F’xi partijiet tad-dinja, saret ħaġa komuni li jesterminaw żgħażagħ li jkunu jridu jeħilsu minnhom u xhieda t’atti kriminali. Il-ħajja għala saret tant irħisa? Għalkemm jistaʼ jkun hemm diversi kaġunijiet għal vjolenza bħal din, hemm raġuni waħda li m’għandniex inħallu barra.
Skond il-Kelma t’Alla, il-Bibbja, “[i]d-dinja kollha qiegħda taħt idejn il-ħażin.” (1 Ġwann 5:19) Fil-fatt, Ġesù Kristu identifika lil Satana x-Xitan mhux biss bħala giddieb imma bħala “qattiel.” (Ġwann 8:44) Billi jinfluwenza lill-bnedmin b’diversi modi, dan il-kreatura spirtu potenti qiegħed jippromwovi ż-żjieda fil-vjolenza taʼ llum. “Ħażin għalikom, ja art u baħar, għax fikom niżel id-Demonju, b’korla kbira fuqu, għax jaf li żmien ftit baqagħlu,” jgħid Apokalissi 12:12. B’hena, iżda, din is-sistema mill-agħar se tiġi mibdula maʼ “smewwiet ġodda u art ġdida, li fihom tgħammar il-ġustizzja.”—2 Pietru 3:13.
B’żjieda maʼ din it-tama meraviljuża taʼ dinja ġdida, x’għajnuna għandna issa stess?
Qabel inħarsu lejn it-tweġiba pożittiva għal dik il-mistoqsija, tajjeb inżommu f’moħħna li saħansitra Kristjani ġenwini m’għandhom ebda garanzija li se jiġu protetti mill-kriminalità. L-appostlu Pawlu ddeskriva xi riskji li ffaċċja hu personalment. Kien sab ruħu “f’perikli taʼ xmajjar, perikli mill-ħallelin, perikli min-nies taʼ ġens[u], perikli mill-pagani, perikli fl-ibliet, perikli fid-deżert, perikli fil-baħar.” (2 Korintin 11:26) Madankollu Pawlu salva minn dawn il-perikli. L-istess fi żmienna; billi noqogħdu attenti, xorta waħda nistgħu nwettqu xogħolna b’mod normali kemm jistaʼ jkun. Ħalli nikkunsidraw xi affarijiet li se jkunu t’għajnuna.
Jekk wieħed jgħix f’inħawi perikolużi, il-kondotta mill-aħjar tiegħu tistaʼ tkun taʼ protezzjoni, ladarba n-nies josservaw lil oħrajn mill-qrib. Għalkemm il-ħallelin jippjanaw u jwettqu atti kriminali, ħafna jqisu lilhom infushom bħala nies normali. Evita li tikkritika dak li jagħmlu, u tipprovax issir taf f’hiex inhuma involuti. B’hekk, tistaʼ tnaqqas il-possibiltà li ssir suġġett għal ritaljazzjoni. Żomm f’moħħok li l-ħallelin jipprovaw isibu min xtara xi ħaġa ġdida jew min sejjer fuq btala u b’hekk mhux se jkun id-dar, u għalhekk kun diskret f’dak li tmur tgħid lil ħaddieħor.
Ħafna mix-Xhieda taʼ Jehovah sabu li r-reputazzjoni tagħhom bħala ministri offritilhom ammont notevoli taʼ protezzjoni. Xi kriminali spiss urew li jirrispettaw lil Kristjani bħal dawn, li mingħajr parzjalità huma disposti li jgħinu lin-nies tal-komunità. Ix-Xhieda nfushom m’humiex qattelin jew ħallelin, lanqas ma ‘jindaħlu fejn ma jesagħhomx,’ u għalhekk m’humiex taʼ theddida.—1 Pietru 4:15.
Sigurtà Fid-Dinja Ġdida T’Alla
Aħna niddeploraw ‘it-tkattir tal-ħażen’ imbassar minn Ġesù Kristu, imma minflok ma nkunu anzjużi żżejjed, nistgħu nkunu fiduċjużi li Alla dalwaqt se jaqlaʼ mill-għeruq din is-sistema mill-agħar. Barra li bassar ippridkar mad-dinja kollha taʼ “din il-bxara t-tajba tas-Saltna,” Ġesù fakkar lis-segwaċi tiegħu: “Min jibqaʼ jżomm sħiħ sa l-aħħar, dan isalva.”—Mattew 24:12-14.
Nistgħu nkunu ċerti li dawk li jonsbu lil ħaddieħor, kultant b’kattiverja li ma titwemminx, se jiġu eliminati. Proverbji 22:22, 23 jgħid: “Tisraqx il-fqir għax hu fqir, u taħqarx l-imsejken fil-qorti; għax il-Mulej jiddefendi l-kawża tagħhom, u jeqred lil dawk li jridu jeqirduhom.” Jehovah se jelimina lil dawk li jagħmlu l-ħażen, bħalma huma l-ħallelin, il-qattelin, u l-perverti sesswali. Iktar minn hekk, mhux se jinjora l-vittmi t’atti kriminali bħal dawn. Hu se jegħleb it-telfiet tagħhom u jirrestawra bis-sħiħ saħħithom.
Tabilħaqq, dawk li ‘jitbiegħdu mill-ħażen u jagħmlu t-tajjeb’ se jiksbu ħajja taʼ dejjem jew billi jsalvaw mit-tribulazzjoni l-kbira li ġejja jew billi jiġu rxoxtati mill-imwiet. “Il-ġusti jirtu l-art, u jgħammru fiha għal dejjem.” (Salm 37:27-29) Benefiċċji bħal dawn se jkunu disponibbli minħabba s-sagrifiċċju taʼ rahan taʼ Ġesù. (Ġwann 3:16) Imma kif se tkun il-ħajja fil-Ġenna restawrata?
Il-ħajja taħt is-Saltna t’Alla se tkun tassew pjaċevoli. Jehovah ibassar: “U l-poplu tiegħi f’post tas-sliem, jgħammar bla biżaʼ, mistrieħ fil-kwiet.” (Isaija 32:18) Dawk kollha li jiksbu ħajja taʼ dejjem se jkunu aġġustaw il-personalità tagħhom. Ħadd m’hu se jkun mill-agħar jew inġust, lanqas ma se jkun hemm ħadd li jistaʼ jaqaʼ vittma taʼ persuna bħal din. Il-profeta Mikea jgħid: “Kull wieħed jintasab taħt id-dielja tiegħu, u taħt is-siġra tat-tin tiegħu; u ma jkunx hemm min iwerwirhom.” (Mikea 4:4; Eżekjel 34:28) X’kuntrast maʼ l-inħawi perikolużi taʼ llum! (w95, 8/15)
[Kaxxa f’paġna 6]
OQGĦOD ATTENt
Ħafna kriminali jaħdmu l-ħin kollu, billi jieħdu l-kriminalità bħala professjoni. Jistgħu jaħdmu fi gruppi taʼ tnejn jew tlieta, saħansitra jekk wieħed biss jipponta arma tan-nar lejk. L-evidenza qiegħda dejjem tiżdied li iżgħar ma jkun il-kriminal, iktar ikun perikoluż. X’tistaʼ tagħmel jekk taqaʼ vittma?
Żomm kalm biex ma tinnervjax lill-ħalliel—in-nuqqas t’esperjenza tiegħu tistaʼ toqtlok. Jekk int wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah, identifika lilek innifsek bħala tali. Madankollu, kun lest biex lill-ħalliel tagħtih dak li jrid. Jekk titnikker, il-periklu jiżdied. Wara, tistaʼ tħoss li m’hemmx periklu jekk titlob li tingħata lura l-karta taʼ l-identità jew flus biex tħallas għal tal-linja.
Spiss ma tistax tgħid min hu kriminal. Xi ħallelin huma vvizzjati bid-droga jew professjonisti, oħrajn sempliċement iridu l-flus biex jieklu. Hi x’inhi l-okkażjoni, iġġorrx ammont kbir taʼ flus. Evita li toqgħod turi ġojjelli, ċrieket tad-deheb, jew arloġġi għaljin. Imxi u ivvjaġġa b’mod normali, mingħajr ma turi biżaʼ. Tiċċassax lejn individwi bħal li kieku biex tidentifikahom. F’każ taʼ sparar fit-triq, intefaʼ maʼ l-art; il-ħwejjeġ jistgħu jinħaslu wara.—Ex pulizija f’Rio de Janeiro.
[Stampa f’paġna 5]
Ibqaʼ kalm u lill-ħalliel agħtih dak li jrid. Jekk titnikker, il-periklu jiżdied