Ittra Mingħand il-Ġemgħa li Tiggverna
Għeżież Xhieda taʼ Ġeħova Sħabna:
Xi żminijiet eċċitanti qed ngħixu fihom! U x’ferħ qed ingawdu! Aħna tassew nieħdu gost naħdmu flimkien magħkom l-għeżież ħutna—“spalla maʼ spalla,” biex ngħidu hekk—f’li nagħtu l-akbar xhieda li qatt kien hawn lil Missierna tas-sema, Ġeħova.—Sof. 3:9; Ġw. 14:12.
Il-ferħ tagħna f’li naqdu lil Ġeħova ma jfissirx li aħna ma ngħaddux minn diffikultajiet serji. Matul is-sena taʼ servizz li għaddiet, xi wħud minnkom ġarrabtu tbatijiet minħabba terremoti, għargħar, uragani, u diżastri naturali oħrajn li jheddu l-ħajja. (Mt. 24:7) Ħafna jissieltu kuljum mal-effetti li jħalluhom bla saħħa tal-mard u l-età avanzata. Ilkoll kemm aħna rridu nħabbtu wiċċna mal-“uġigħ” li dejjem jiżdied. (Mt. 24:8) F’għadd taʼ pajjiżi, inkluż l-Armenja, l-Eritrea, u l-Korea t’Isfel, ħafna minn ħutna jiġu mitfugħin il-ħabs minħabba l-fidi tagħhom.—Mt. 24:9.
X’għenna nżommu attitudni pożittiva minkejja dawn id-diffikultajiet? L-iskrittura għas-sena 2010 fakkritna f’aspett importanti: ‘L-imħabba kollox tissaporti. L-imħabba ma tbatti qatt.’ (1 Kor. 13:7, 8) Iva, l-imħabba tagħna għal xulxin—kif ukoll l-imħabba tagħna għal Ġeħova—issaħħaħna biex nissaportu b’suċċess.
Ħafna li jsostnu li huma Kristjani jibqgħu mbellhin meta jaraw il-kobor u l-konsistenza tax-xogħol tal-ippritkar tagħna. Għalkemm forsi ma jaqblux mat-twemmin u t-tagħlim tagħna, xi wħud ġew imqanqlin jistqarru, “Intom qed tagħmlu x-xogħol li suppost qed nagħmlu aħna!” X’inhu aspett wieħed li jgħin lix-Xhieda taʼ Ġeħova jkomplu jippritkaw jum wara l-ieħor? Għal darb’oħra t-tweġiba hi l-imħabba. Bħal Missierna tas-sema, aħna ma rridu lil ħadd jinqered. (2 Pt. 3:9) Ix-xewqa tagħna li kulħadd jasal għall-indiema tidher fil-quċċata ġdida taʼ 7,508,050 pubblikatur li ġiet rapportata matul is-sena taʼ servizz li għaddiet. Liema organizzazzjoni reliġjuża oħra għandha daqstant nies li b’ħeġġa joffru ruħhom minn jeddhom biex joħorġu jippritkaw?
Aħna niġu inkuraġġiti meta naraw it-twettiq li għadu għaddej tal-profezija dokumentata minn Isaija: “Irid iseħħ li fl-aħħar parti tal-jiem il-muntanja tad-dar taʼ Ġeħova ssir stabbilita fis-sod ’il fuq mill-quċċata tal-muntanji, u titgħolla ’l fuq mill-għoljiet; u lejha jiġru l-ġnus kollha.” (Is. 2:2-4) Fost il-folol kbar li qed jiġru lejn id-dar taʼ Ġeħova hemm il-294,368 ruħ li tgħammdu matul is-sena taʼ servizz li għaddiet. Nilqgħu lil dawn l-uħud għeżież fil-familja tagħna. Jalla l-imħabba Kristjana tagħna tqanqalna biex inkomplu ngħinuhom jiġġieldu kontra l-attakki tal-għadu tagħna Satana x-Xitan.—1 Pt. 5:8, 9.
Nhar it-Tlieta, 30 taʼ Marzu, 2010, kien hemm quċċata ġdida taʼ 18,706,895 ruħ li attendew it-Tifkira. Dan jindika li hemm il-potenzjal li saħansitra miljuni oħrajn jingħaqdu magħna f’li nqimu lil Ġeħova. Kemm nistgħu nkunu ferħanin li Ġeħova għadu ma ġabx din is-sistema mill-agħar fit-tmiem! Sadanittant, l-imħabba tagħna tgħinna nkomplu nissaportu.—2 Tess. 3:5.
Il-Konvenzjonijiet Distrettwali “Ibqaʼ Qrib taʼ Ġeħova!” li l-biċċa l-kbira minnhom inżammu madwar id-dinja fl-2010, saħħew ir-relazzjoni tagħna maʼ Missierna tas-sema, Ġeħova. Kemm huwa minnu l-kliem tas-salmista: “Hieni l-poplu li Alla tiegħu hu Ġeħova!” (Salm 144:15) Hemm x’hemm lest għalina fil-futur, aħna nħossuna fiduċjużi li jekk għandna lil Ġeħova maġenbna, m’għandna xejn affattu minn xiex nibżgħu. (Salm 23:4) Ġeħova dalwaqt, permezz t’Ibnu, se “jkisser l-għemejjel tax-Xitan.” (1 Ġw. 3:8) Għandna sebaʼ mitt sena biex jasal dak il-jum! Imma sadanittant, għandna ħafna xogħol x’nagħmlu.—1 Kor. 15:58.
Kun ċert li aħna “bla heda” dejjem insemmukom fit-talb tagħna. (Rum. 1:9) Jalla ‘żżommu ruħkom fl-imħabba t’Alla, waqt li qed tistennew il-ħniena tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu bil-ħajja taʼ dejjem quddiem għajnejkom.’—Ġuda 21.
Aħna nħobbukom kollha!
Ħutkom,
Il-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Ġeħova