LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w14 9/1 pp. 10-12
  • Ħajja premjanti ta’ servizz lil Alla

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ħajja premjanti ta’ servizz lil Alla
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • IT-​TFITTXIJA TIEGĦI TAT IL-​FROTT
  • NILTAQAʼ MAL-​MARA FUTURA TIEGĦI
  • XOGĦOL MISSJUNARJU FIL-​BRAŻIL
  • KIF KIEN IL-​MINISTERU?
  • LURA LEJN L-​ISTATI UNITI
  • Niksbu s-Saħħa u l-Ferħ Tagħna Billi Nimxu ’l Quddiem fit-Triq taʼ Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Il-Perseveranza Ġġib il-Ferħ
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
w14 9/1 pp. 10-12
Peter Carrbello u martu Billie

BIJOGRAFIJA

Ħajja premjanti taʼ servizz lil Alla

Kif rakkontata minn Peter Carrbello

Minn mindu kont żgħir, minbarra li kont nistħi, iffaċċjajt preġudizzju razzjali, u kelli l-​biżaʼ li ma nirnexxix. Peress li ħsibt li nistaʼ nsib faraġ fil-​Bibbja, mort il-​Knisja Kattolika tar-​raħal tiegħi biex nifhimha. Minħabba li ma rċivejt l-​ebda għajnuna, bdejt niffoka fuq l-​isports.

Ma domtx ma bdejt ninvolvi ruħi fil-​ġinnastika u l-​bodybuilding. Maż-​żmien, ftaħt gym f’San Leonardo, Kalifornja, l-​Istati Uniti tal-​Amerika, u ħdimt maʼ diversi bodybuilders, inkluż wieħed li rebaħ it-​titlu taʼ Mr America. Minkejja li kelli ġisem mibni u mmuskolat, xorta waħda ħassejt li kelli xi ħaġa nieqsa f’ħajti.

IT-​TFITTXIJA TIEGĦI TAT IL-​FROTT

Peter Carrbello bħala żagħżugħ

Peress li ħabib tiegħi li kien jiġi l-​gym kien jaf li xtaqt nifhem il-​Bibbja, ried ilaqqagħni maʼ xi ħadd li kien jaf. L-​għada filgħodu, ġie għandi wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Għal erbaʼ sigħat sħaħ wieġeb il-​mistoqsijiet tiegħi mill-​Bibbja stess. Staqsejtu biex jerġaʼ jiġi dik il-​lejla stess. Ġie u ddiskutejna l-​Bibbja sa nofsillejl. Veru ħadt pjaċir b’dak li tgħallimt u staqsejtu jekk l-​għada nistax immur miegħu fil-​ministeru biex nara x’jagħmel. Bqajt mistagħġeb bil-​mod kif kien jiftaħ il-​Bibbja u juri lin-​nies it-​tweġibiet għall-​mistoqsijiet tagħhom. Iddeċidejt li dan kien dak li xtaqt nagħmel!

Għalhekk, neħħejt il-​gym u qattajt il-​ġranet fil-​ministeru maʼ dan il-​pijunier, kif jissejħu l-​pubblikaturi full-​time tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Tgħammidt f’Mejju 1948 f’konvenzjoni li saret fil-​Cow Palace Arena, San Francisco, Kalifornja. Iktar tard dik is-​sena, bdejt naqdi bħala pijunier.

Sadanittant, staqsejt lix-​Xhieda biex iżuru ’l ommi. Hi kienet lesta li tismaʼ u ma damitx ma saret waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Minkejja l-​oppożizzjoni li ffaċċjat mill-​familja tagħha, baqgħet leali lejn Alla sa ma mietet ħafna snin wara. Ħadd iktar mill-​familja tagħna ma sar Xhud.

NILTAQAʼ MAL-​MARA FUTURA TIEGĦI

Fl-​1950 mort noqgħod Grand Junction, Colorado, fejn iltqajt maʼ Billie. Hi twieldet fl-​1928 u trabbiet matul id-​Dipressjoni l-​Kbira—meta l-​prezzijiet fil-​borża Amerikana waqgħu f’daqqa. Kull filgħaxija, ommha Minnie kienet toqgħod taqralha l-​Bibbja fid-​dawl inemnem tal-​lampa tal-​pitrolju. Sakemm kellha erbaʼ snin, Billie kienet diġà taf taqra u taf ħafna stejjer tal-​Bibbja bl-​amment. Lejn l-​aħħar tas-​snin 40, fl-​istudju tagħha max-​Xhieda, ommha tgħallmet li d-​duttrina tan-​nar tal-​infern hi falza. (Ekkleżjasti 9:5, 10) Minnie u r-​raġel tagħha saru Xhieda.

Billie studjat fil-​kulleġġ taʼ Boston u meta spiċċat mill-​iskola, fl-​1949, bdiet tistudja l-​Bibbja bis-​serjetà. Minflok ma saret għalliema tal-​iskola, iddeċidiet li tiddedika ħajjitha lil Alla. Tgħammdet fl-​1950 fil-​konvenzjoni internazzjonali tax-​Xhieda taʼ Ġeħova fil-​Yankee Stadium, New York. Ftit taʼ żmien wara, sirna nafu lil xulxin, imbagħad iżżewwiġna u flimkien bdejna naqdu fil-​ministeru full-​time.

Bdejna naqdu f’Eugene, l-​istat taʼ Oregon, u għamilna ħafna ħbieb li għadhom ħbieb tagħna sal-​lum il-​ġurnata. Fl-​1953 morna naqdu fi Grants Pass, Oregon, biex ngħinu kongregazzjoni żgħira. Iktar tard dik is-​sena, ġejna mistidnin biex nattendu t-​23 klassi taʼ Gilegħad, l-​iskola tax-​Xhieda li tħarreġ il-​missjunarji, li qiegħda ħdejn South Lansing, fi New York, xi 400 kilometru fil-​Majjistral tal-​belt taʼ New York.

XOGĦOL MISSJUNARJU FIL-​BRAŻIL

F’Diċembru 1954, ħames xhur wara li ggradwajna minn Gilegħad, jien u Billie rħejnielha lejn il-​Brażil b’ajruplan b’żewġ skrejjen. Wara siegħa fl-​ajru, magna minnhom waqfet taħdem, imma nżilna qawwijin u sħaħ Bermuda. Wara nżul t’emerġenza ieħor f’Kuba u vjaġġ taʼ 36 siegħa li ħadilna saħħitna, wasalna l-​uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova f’Rio de Janeiro, il-​Brażil.

Xi Xhieda taʼ Ġeħova fl-intrata tas-Sala tas-Saltna f’Bauru fl-1955

L-ewwel Sala tas-Saltna f’Bauru—post mikri b’tabella li ktibt jien stess, fl-1955

Wara waqfa qasira, jien u Billie, flimkien maʼ żewġ missjunarji oħra, morna Bauro, São Paulo. Il-​belt kellha popolazzjoni taʼ iktar minn 50,000 ruħ. Hemmhekk, aħna konna l-​ewwel Xhieda.

Bdejna mmorru għand in-​nies, imma l-​qassis Kattoliku tal-​belt mill-​ewwel beda jagħmlilna l-​bsaten fir-​roti. Beda jsegwina u jwissi lin-​nies biex ma jagħtux kasna. Imma fi ftit ġimgħat, membri taʼ familja kbira li studjajna magħhom aċċettaw il-​verità tal-​Bibbja u iktar tard tgħammdu. U f’kemm ilna ngħidu, oħrajn bdew jistudjaw ukoll.

Din il-​familja kellha qarib li kien il-​president taʼ klabb famuż. Għalhekk, għamilt ftehim miegħu biex l-​assemblea ssir fil-​klabb. Meta l-​qassis tal-​belt insista biex din ma ssirx, il-​president iltaqaʼ mal-​membri tal-​klabb u qalilhom li jekk jaqblu mal-​qassis hu kien se jirriżenja! L-​assemblea ġiet approvata.

Is-​sena taʼ wara, fl-​1956, ġejna mistidnin biex nattendu l-​konvenzjoni f’Santos, São Paulo. Kważi 40 Xhud mill-​kongregazzjoni tagħna marru hemm bit-​trejn. Meta wasalna lura Bauru, sibt ittra tistennieni li kienet tgħid li ġejt inkarigat biex naqdi bħala indokratur li jivvjaġġa biex inżur il-​kongregazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Ġeħova fil-​Brażil. Dan kien il-​bidu taʼ karriera taʼ 25 sena, fejn dorna ħafna mill-​inħawi taʼ dan il-​pajjiż enormi.

Grupp taʼ Xhieda taʼ Ġeħova f’Bauru, São Paulo

F’sena waħda biss, kellna grupp żeluż taʼ pubblikaturi tas-Saltna f’Bauru

KIF KIEN IL-​MINISTERU?

Dak iż-​żmien, l-​ivvjaġġar kien diffiċli. Eventwalment, koprejna kważi l-​pajjiż kollu bil-​karozza tal-​linja, bit-​trejn, bil-​karru, bir-​rota, u bil-​mixi. Waħda mill-​ewwel bliet li żorna kienet Jaú, São Paulo. Hemmhekk, il-​qassis beda jħaqqaqha magħna.

Hu sostna: “Ma tistgħux tippritkaw lin-​‘nagħaġ tiegħi!ʼ”

“Mhumiex tiegħek,” aħna wiġibnieh. “Dawk t’Alla.”

Ftehemna biex nuru film dwar ix-​xogħol tal-​ippritkar tagħna taʼ madwar id-​dinja, bl-​isem The New World Society in Action, imma l-​qassis ġabar marmalja biex tattakkana. Informajna mill-​ewwel lill-​pulizija. Meta l-​qassis u l-​marmalja tiegħu waslu ħdejn iċ-​ċinema, sabu l-​pulizija jistennewhom armati b’pistola ppontata lejhom. Minkejja dan, il-​ħafna nies li kienu fl-​udjenza tgħidx kemm ħadu pjaċir jaraw il-​film!

Kważi f’kull post li qdejna fih dak iż-​żmien, konna nħabbtu wiċċna mal-​istess mibegħda reliġjuża u oppożizzjoni. Pereżempju, fi Brusque, ħdejn Blumenau, Santa Catarina, iltqajna maʼ żewġ pijunieri li kienu qed jaqdu hemm minkejja l-​oppożizzjoni ħarxa li kienu qed jiffaċċjaw. Imma l-​perseveranza u s-​sabar tagħhom issarrfulhom f’barkiet kbar. Issa, iktar minn 50 sena wara, hemm iktar minn 60 kongregazzjoni li sejrin ’il quddiem f’dak ir-​reġjun u għandhom ukoll Sala tal-​Assemblea mill-​isbaħ fil-​belt viċin taʼ Itajaí!

Xi ħaġa li laqtitna fix-​xogħol tagħna tal-​ivvjaġġar kienet iż-​żmien mill-​isbaħ li qattajna naħdmu maʼ sħabna x-​Xhieda biex nippreparaw għall-​konvenzjonijiet kbar. Bejn l-​1975 u l-​1977, kelli l-​privileġġ li naqdi bħala l-​indokratur tal-​konvenzjoni fl-​istejdjum il-​kbir taʼ Morumbi.

Darba fost l-​oħrajn, sar avviż f’madwar 100 kongregazzjoni fl-​inħawi tal-​viċin biex kull waħda tibgħat 10 persuni ħalli jnaddfu l-​istejdjum il-​lejl taʼ qabel il-​konvenzjoni. Hekk kif il-​plejers telqu mill-​istejdjum dak il-​lejl, xi wħud minnhom bdew iwaqqgħu għaċ-​ċajt lil dawk li kienu qed inaddfu. Madankollu, sa nofsillejl l-​istejdjum kien pinna! Il-​maniġer tal-​istejdjum qal bi stagħġib: “Kieku l-​ħaddiema tiegħi kienu jieħdu ġimgħa sħiħa biex ilestu x-​xogħol li għamiltu intom fi ftit sigħat!”

LURA LEJN L-​ISTATI UNITI

Fl-​1980 miet missieri, u ftit wara morna lura l-​Istati Uniti biex nieħdu ħsieb ’l ommi, fi Fremont, Kalifornja. Sibna xogħol inaddfu billejl u komplejna naqdu bħala pijunieri u ngħinu lill-​Portugiżi fl-​akkwati. Iktar tard, morna noqogħdu San Joaquin Valley, li ma kienx ’il bogħod minn ommi, u hemm fittixna lill-​uħud li jitkellmu bil-​Portugiż fl-​inħawi vasti minn Sacramento sa Bakersfield. Issa hemm madwar 10 kongregazzjonijiet li jitkellmu bil-​Portugiż f’Kalifornja.

Wara li mietet ommi fl-​1995, morna naqdu Florida u ħadna ħsieb lill-​missier Billie sa ma miet. Fl-​1975 mietet ommha. Fis-​sena 2000 morna naqdu f’raħal bi pjanura għolja fid-​deżert fil-​Lbiċ taʼ Kolorado u qdejna hawnhekk full-​time nippritkaw lill-​Indjani Amerikani tat-​tribujiet taʼ Navajo u Ute fl-​akkwati. B’sogħba, Billie mietet fi Frar 2014.

Kemm jien ferħan li 65 sena ilu ltqajt maʼ wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova li wieġeb il-​mistoqsijiet kollha tiegħi mill-​Bibbja stess! Tassew inħossni kuntent li ċċekkjajt biex inkun ċert li dak kollu li qalli, kien dak li l-​Bibbja tgħallem verament. Dan għenni biex ikolli ħajja premjanti taʼ servizz lil Alla.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja