Bijografija
Naqdi lil Ġeħova—Unur u Privileġġ Bla Paragun
Kif rakkontata minn Zerah Stigers
Żewġi, li kien is-sieħeb leali tiegħi fil-ministeru full-time, miet fl-1938. Mewtu ħallietni b’tarbija u b’tifel t’għaxar snin x’nieħu ħsieb. Għalkemm jien xorta xtaqt ħafna naqdi bħala ministru full-time, kif stajt nagħmel dan? Ħalli ngħidilkom ftit dwar il-ħajja bikrija tiegħi qabel ma nispjega kif.
FTIT wara li twilidt fis-27 taʼ Lulju, 1907, f’Alabama, l-Istati Uniti, il-ġenituri tiegħi marru joqogħdu f’Georgia flimkien miegħi u mat-tliet ħuti. Ftit żmien wara morna Tennessee, u mbagħad viċin il-belt taʼ Tampa, Florida. Meta konna hemm, fl-1916, rajt il-preżentazzjoni taʼ stampi bis-sawnd bl-isem “Photo-Drama of Creation.” L-industrija tal-films kienet għadha fil-bidu tagħha, u għalhekk kulħadd ħa pjaċir bil-“Photo-Drama”!
Il-ġenituri tiegħi kienu jħobbu ħafna jaqraw It-Torri taʼ l-Għassa u pubblikazzjonijiet oħrajn ibbażati fuq il-Bibbja. Għalkemm missieri kien jieħu pjaċir jaqra l-letteratura, dak iż-żmien ma kienx jissieħeb b’mod attiv maʼ l-Istudenti tal-Bibbja, kif kienu jissejħu x-Xhieda taʼ Ġeħova. Madankollu, ommi kienet tieħu lilna t-tfal għal-laqgħat. Fil-fatt, ftit wara li morna noqogħdu Niles, f’Michigan, aħna konna nivvjaġġaw regolarment għal iktar minn 15-il kilometru bil-ferrovija lejn South Bend, f’Indiana, biex nattendu l-laqgħat.
Eventwalment, fit-22 taʼ Lulju, 1924, jien tgħammidt b’simbolu tad-dedikazzjoni tiegħi lil Ġeħova. Ftit wara dan, ommi rranġat iċ-ċirkustanzi tagħha biex issir colporteur, kif kienu jissejħu l-ministri full-time tax-Xhieda taʼ Ġeħova dak iż-żmien. L-eżempju mill-aqwa tagħha u taʼ colporteurs oħrajn nibbet fija xewqa biex nidħol għal dan ix-xogħol.
Insib Sieħeb
Waqt li kont qed nattendi konvenzjoni kbira li saret fl-1925 f’Indianapolis, Indiana, iltqajt maʼ James Stigers, li kien minn Chicago. James laqatni minnufih bħala qaddej żeluż taʼ Ġeħova. Jien kont noqgħod madwar 160 kilometru ’l bogħod minn Chicago, u għalhekk ma kienx faċli għalina biex niltaqgħu. F’dak iż-żmien, kien hemm biss kongregazzjoni waħda f’din il-belt kbira, u l-laqgħat kienu jinżammu f’kamra mikrija fit-tieni sular. James spiss kien jiktibli biex jinkuraġġini spiritwalment. Aħna żżewwiġna f’Diċembru taʼ l-1926, u madwar sena wara kellna l-ewwel iben tagħna, Eddie.
Ftit żmien wara, jien u James bdejna naqdu flimkien fil-ministeru bħala pijunieri. Aħna qdejna fi tmien stati—Michigan, Louisiana, Mississippi, South Dakota, Iowa, Nebraska, California, u Illinois—u gawdejna l-isbaħ snin taʼ ħajjitna. Kien biss meta James marad li dawk il-ġranet sbieħ bħala familja ntemmew ħesrem.
L-ispejjeż minħabba l-marda taʼ James wassluna biex immorru lura Chicago fl-1936 u ngħixu mal-kunjata tiegħi li kienet Xhud ukoll. Lejn l-aħħar tal-marda taʼ James, waqt li kont tqila bit-tieni tarbija tagħna, jien kont naħdem għal dollaru Amerikan kuljum f’ħanut tal-kafè. L-għażiża kunjata rat li jkollna ħafna x’nieklu, u ma kinitx tkun trid ċenteżmu għal dak li kienet tagħmel magħna. Ma setgħetx ittrattatna b’mod aħjar.
James dam marid madwar sentejn qabel ma miet bl-enċefalite, infjammazzjoni tal-moħħ. Dan kien f’Lulju taʼ l-1938. Matul il-marda tiegħu, hu ma setax isuq il-karozza jew jieħu sehem fil-ministeru minn bieb għal bieb, iżda hu qatt ma tilef opportunità biex jagħti xiehda lil oħrajn. Sabiex nappoġġa l-familja tagħna b’mod finanzjarju, jien ma komplejtx fil-ministeru full-time. Irnexxieli nsib diversi impjiegi, u f’kull wieħed minnhom kont indum biss perijodu qasir taʼ żmien.
It-tifel tagħna Bobby twieled fit-30 taʼ Lulju, 1938, tmint ijiem biss wara li miet missieru. Madankollu, il-kunjata tiegħi ma ħallitnix immur fi sptar b’servizzi bla ħlas. Minflok, hi rranġatli biex immur fi sptar aħjar u nirċievi l-kura tat-tabib tagħha. Iktar minn hekk, hi ħallset l-ispejjeż kollha, espressjoni taʼ mħabba Kristjana li tant apprezzajt.
Nerġaʼ Nibda l-Ministeru Full-Time
Komplejna ngħixu mal-kunjata tiegħi sakemm Bobby kellu ftit iktar minn sentejn, u sa dak iż-żmien Eddie kellu 12-il sena. Għalkemm kelli nadatta ruħi għaċ-ċirkustanzi l-ġodda, kien għad kelli xewqa qawwija biex naqdi lil Ġeħova full-time. Fl-1940, fil-konvenzjoni taʼ Detroit, Michigan, iltqajt maʼ koppja pijunieri li inkuraġġewni biex immur South Carolina ħalli naqdi bħala pijuniera. Għalhekk, xtrajt Pontiac taʼ l-1935 għal 150 dollaru Amerikan u bdejt nipprepara biex immur noqgħod hemm. Fl-1941, is-sena li fiha l-Istati Uniti daħlet fit-tieni gwerra dinjija, jien u ż-żewġ uliedi subien irħejnielha għan-nofsinhar taʼ l-Istati Uniti u għal darb’oħra rġajt dħalt fil-ministeru full-time.
Meta morna noqogħdu South Carolina, l-ewwel morna Camden, imbagħad Little River, u mbagħad Conway. F’Conway, jien ksibt karavan żgħir. Ksibt permess mingħand sid taʼ pompa tal-petrol li kellu qalbu tajba biex nipparkja l-karavan viċin il-pompa tal-petrol tiegħu, u nieħu mill-provvista tal-gass u l-elettriku tiegħu, u anki nuża t-tojlit tal-pompa tal-petrol. Matul it-tieni gwerra dinjija, kien hemm nuqqas taʼ petrol, u jien ma stajtx nikseb iktar petrol. Għalhekk xtrajt rota. Imbagħad, fl-1943, meta kien jidher impossibbli li nkompli naqdi bħala pijuniera minħabba li ma kienx baqgħalna flus, ġejt mistiedna naqdi bħala pijuniera speċjali; b’hekk kont nirċievi xi ħaġa tal-flus kull xahar biex jgħinuni bl-ispejjeż li kelli. Matul is-snin, Ġeħova tassew għenni!
Ma kienx hemm Xhieda oħrajn jgħixu f’Conway f’dak iż-żmien, u kien diffiċli għalija u għat-tfal biex immorru fil-ministeru waħedna. Għalhekk, ktibt u staqsejt għal pijuniera speċjali li setgħet tkun is-sieħba tiegħi, u fl-1944, ġejt imbierka b’waħda mill-aqwa—Edith Walker! Aħna qdejna flimkien għal 16-il sena f’diversi inkarigi. Imbagħad, b’sogħba, hi kellha tmur lura Ohio minħabba problema taʼ saħħa.
Barkiet Memorabbli
Mill-memorji sbieħ kollha li għandi taʼ dawk is-snin, qatt m’hu se ninsa lil Albertha, li kellha 13-il sena. Hi kienet toqgħod Conway u kienet tieħu ħsieb in-nanna tagħha li kellha diżabilità fiżika u ż-żewġ ħutha subien iżgħar minnha. Hi kienet tħobb il-veritajiet tal-Bibbja li kont ngħallimha u riedet tgħid lil oħrajn dwarhom. Ukoll, hi żviluppat apprezzament profond għas-servizz taʼ pijunier u bdiet taqdi bħala pijuniera wara li spiċċat l-iskola sekondarja fl-1950. Iktar minn 57 sena wara, hi għadha taqdi fil-ministeru full-time!
Fl-1951, jien u Edith ġejna inkarigati biex naqdu f’Rock Hill, South Carolina, fejn kienu jgħixu numru żgħir ħafna taʼ Xhieda. Imbagħad morna f’Elberton, Georgia, għal tliet snin. Imbagħad morna lura South Carolina, u domt hemm mill-1954 sa l-1962. F’Walhalla, iltqajt maʼ Nettie, mara xiħa li kienet nieqsa mis-smigħ u li kienet tgħix waħedha fi nħawi rurali. Biex inkomplu l-istudju tal-Bibbja, hi kienet taqra paragrafu mill-pubblikazzjoni, jien kont nipponta lejn il-mistoqsija għal dak il-paragrafu fin-naħa t’isfel tal-paġna, u mbagħad hi kienet tipponta lejn it-tweġiba fil-paragrafu.
Meta ma kinitx tifhem xi ħaġa, hi kienet tikteb il-mistoqsija tagħha fuq biċċa karta, u jien kont nikteb it-tweġiba warajha. Maż-żmien, l-apprezzament taʼ Nettie għall-verità tal-Bibbja tant kiber li bdiet tattendi l-laqgħat tal-kongregazzjoni kif ukoll tieħu sehem fil-ministeru minn dar għal dar. Hi kienet tippriedka waħedha, iżda jien qatt ma kont inkun ’il bogħod, normalment fuq in-naħa l-oħra tat-triq, lesta f’każ li jkollha bżonn xi għajnuna.
Meta kont Walhalla, il-karozza qadima tiegħi ma baqgħetx taħdem. Ġiet l-opportunità biex nixtri karozza għal 100 dollaru Amerikan, iżda ma kellix flus. Ikkuntattjajt Xhud li kien bin-negozju, u sellifni 100 dollaru. Ftit wara, irċivejt ittra li ma kontx qed nistenna mingħand oħti biex tgħidli li ħuti kienu għadhom kif saru jafu li meta miet missierna, hu ħalla xi flus il-bank. Huma ddiskutew x’setgħu jagħmlu bihom, u kollha qablu li jibagħtuhom lili. L-ammont kien taʼ 100 dollaru!
Naqdi Bħala Pijuniera maʼ Wliedi
Fi ċkunithom, Eddie u Bobby kienu miegħi l-ħin kollu fix-xogħol taʼ l-ippridkar minn dar għal dar. Dak iż-żmien, in-nies in ġenerali ma kellhomx problemi taʼ droga, u l-influwenzi immorali ma kinux daqstant qawwijin. Il-fatt li żammejna ħajjitna sempliċi u ffokajna fuq ix-xogħol taʼ l-ippridkar għenni nevita ħafna mill-problemi li jiffaċċjaw il-ġenituri llum meta jrabbu lil uliedhom biex jaqdu lil Ġeħova.
Eddie kien imur l-iskola f’Camden sakemm spiċċa t-tmien sena, u wara ried jaqdi bħala pijunier miegħi. Flimkien, aħna gawdejna s-servizz taʼ pijunier għal ftit snin. Imbagħad, hu żviluppa xewqa li jaħdem fil-kwartieri ġenerali tax-Xhieda taʼ Ġeħova fi Brooklyn, New York, fejn qeda mill-1947 sa l-1957. Fl-1958 iżżewweġ lil Albertha, dik li qabel kienet l-istudenta tiegħi tal-Bibbja, u bdew jaqdu flimkien bħala pijunieri. Kemm fraħna meta fl-2004, it-tlieta li aħna attendejna l-Iskola tas-Servizz taʼ Pijunier flimkien!
Niftakar li ġurnata minnhom ħafna snin ilu, smajt liċ-ċkejken Bobby jitlob lil Ġeħova biex jgħinni nikseb biżżejjed petrol ħalli nkun nistaʼ nuża l-karozza biex immur għall-appuntamenti taʼ l-istudji tal-Bibbja. Matul ħajtu, Bobby wera mħabba għall-ministeru, u hu gawda s-servizz taʼ pijunier għal diversi snin. B’sogħba, Bobby wkoll esperjenza traġedja fil-familja. Fl-1970, hu tilef lil martu waqt il-ħlas tat-tewmin tagħhom wara sena u għaxar xhur biss li kienu ilhom miżżewġin. Jien u Bobby dejjem għexna qrib xulxin, u gawdejna relazzjoni mill-qrib ħafna.
Għadni Naqdi Bħala Pijuniera!
Fl-1962, ġejt inkarigata fil-kongregazzjoni f’Lumberton, North Carolina, fejn għadni naqdi wara 45 sena. Komplejt insuq il-karozza tiegħi sakemm kelli ’l fuq minn 80 sena sew. Waħda mill-familji taʼ Xhieda li joqogħdu qrib tiegħi issa jiħduni għal-laqgħat tal-kongregazzjoni u fix-xogħol taʼ l-ippridkar.
Għandi bastun u siġġu tar-roti, iżda m’għandi bżonn nuża l-ebda wieħed minnhom, peress li nistaʼ nimxi mingħajr għajnuna. Jien grata lejn Ġeħova talli gawdejt saħħa tassew tajba, u kien biss dan l-aħħar li ġarrabt xi problemi f’għajnejja. Qatt ma nitlef laqgħa tal-kongregazzjoni sakemm ma nkunx verament marida u għadni naqdi bħala pijuniera regulari nieqsa mis-saħħa.
Wara li qdejt bil-ferħ fil-ministeru taʼ pijunier għal iktar minn 70 sena, jien sinċerament nistaʼ ngħid li Ġeħova għenni matul ħajti kollha.a Jien naf li qatt ma kont xi persuna b’intelliġenza kbira jew mara li ntajjar ix-xogħol, iżda Ġeħova jaf x’nistaʼ u ma nistax nagħmel. Jien verament grata li hu jaf li qed nipprova u li hu użani.
Inħoss li l-fatt li naqdi lil Ġeħova bis-sħiħ kemm jistaʼ jkun huwa importanti għax aħna nafu kollox lilu. Sakemm nistaʼ, ma nagħżel xejn ħlief li naqdi bħala pijuniera. Xi privileġġ meraviljuż kien dan! It-talba tiegħi hi li nistaʼ niġi użata minn Ġeħova tul l-eternità.
[Nota taʼ taħt]
a Oħtna Stigers temmet il-ħajja tagħha fuq l-art fl-20 t’April, 2007, tliet xhur biss qabel ma għalqet 100 sena. Aħna nħossuna inkuraġġiti mill-ħafna snin taʼ servizz leali u nithennew bil-fatt li hi rċiviet il-premju tagħha fis-sema.
[Stampa f’paġna 13]
Jien u żewġi konna nużaw din il-vettura fix-xogħol taʼ “colporteur”
[Stampa f’paġna 14]
Maʼ wliedi fl-1941
[Stampa f’paġna 15]
Maʼ Eddie u Bobby dan l-aħħar