LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 4/15 pp. 16-18
  • Għalqa ‘Bajda għall-Ħsad’

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għalqa ‘Bajda għall-Ħsad’
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Messaġġ bil-​Lingwa Tagħhom Stess
  • ‘Bajda għall-​Ħsad’
  • Ikel Spiritwali bil-​Wayuunaiki
  • Għalqa Produttiva
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 4/15 pp. 16-18

Għalqa ‘Bajda għall-​Ħsad’

Fit-​tramuntana taʼ l-​Amerika t’Isfel hemm il-​Peniżola Guajira. Tinsab fin-​naħa taʼ fuq tal-​Kolombja u fil-​majjistral tal-​Venezwela. Ix-​xemx tikwi u x-​xita limitata huma l-​problema taʼ dan ix-​xagħri, fejn it-​temperaturi jistgħu jilħqu sa 43 ċentigrad. Minkejja t-​temp, in-​nies li jgħixu f’dan il-​post huma bdiewa beżlin u produttivi. Iż-​żiffa kontinwa mill-​oċean u r-​riħ kontinwu min-​naħa tal-​grigal jagħmlu l-​ħajja iktar faċli, u b’hekk dawk li jżuru dan il-​post igawdu xenarji meraviljużi u bajjiet mill-​isbaħ.

MERĦBA fl-​art taʼ l-​Indjani Wayuu. Hemm xi 305,000 Wayuu, u 135,000 minnhom jgħixu l-​Kolombja. Dan it-​tribù kien jgħix f’dan il-​post ħafna qabel ma ġie kolonizzat minn Spanja.

Il-mezz t’għajxien prinċipali tal-​Wayuu hu t-​trobbija taʼ l-​annimali u l-​biedja. Huma jieħdu sehem ukoll fis-​sajd u fin-​negozju maʼ pajjiżi fil-​viċin. In-​nisa jagħmlu nsiġ taʼ l-​aqwa kwalità b’kuluri vivaċi, u l-​prodotti tagħhom huma popolari mat-​turisti.

Il-Wayuu huma magħrufin għas-​sinċerità u l-​ospitalità tagħhom. Madankollu, huma wkoll qed jgħixu fi “żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom.” (2 Timotju 3:1) Il-​faqar huwa waħda mill-​problemi prinċipali tagħhom li mbagħad iwassal għal problemi oħrajn, bħal per eżempju nies li ma jafux jiktbu u jaqraw, tfal li huma malnutriti, nuqqas taʼ kura medika u, f’xi postijiet, delinkwenza.

Il-knejjes tal-​Kristjaneżmu ilhom għaxriet taʼ snin jibagħtu missjunarji biex jgħixu fost il-​Wayuu. Minħabba f’hekk, il-​biċċa l-​kbira mill-​iskejjel għat-​taħriġ taʼ l-​għalliema u mill-​iskejjel fejn jgħixu l-​istudenti huma fil-​kontroll tal-​knejjes. Ħafna mill-​Wayuu aċċettaw dawk li jissejħu drawwiet Kristjani, bħall-​qima taʼ l-​idoli u l-​magħmudija tat-​trabi, imma huma m’abbandunawx it-​twemmin u r-​riti li oriġinaw mill-​mitoloġija tradizzjonali u s-​superstizzjonijiet.

Ġeneralment, il-​Wayuu għandhom il-​biżaʼ t’Alla u jwieġbu b’mod favorevoli għall-​veritajiet Bibliċi mgħallmin mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Fil-​bidu tas-​snin 80, kien hemm biss sebaʼ Xhieda li kienu Wayuu fil-​Guajira, u tlieta minnhom kienu jgħixu f’Ríohacha, il-​belt kapitali. Flimkien max-​Xhieda Wayuu, 20 pubblikatur ieħor ippridkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna f’dan il-​post bl-​Ispanjol.

Messaġġ bil-​Lingwa Tagħhom Stess

Il-​maġġuranza mill-​Wayuu li jgħixu f’Ríohacha jużaw ftit Spanjol flimkien mal-​lingwa oriġinali tagħhom, il-​Wayuunaiki. Għall-​ewwel, ftit kien hemm progress fl-​ippridkar tal-​messaġġ tas-​Saltna. In-​nies Wayuu donnhom ipprovaw jevitaw l-​arijunas, kif isejħu lil dawk li m’humiex Wayuu. Meta x-​Xhieda kienu jħabbtulhom il-​bieb, il-​biċċa l-​kbira min-​nies Wayuu kienu jwieġbu bil-​lingwa tagħhom, mhux bl-​Ispanjol. Għalhekk, ix-​Xhieda kienu sempliċement jgħaddu għad-​dar li jmiss.

Madankollu, sa l-​aħħar taʼ l-​1994, l-​uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Ġeħova kien stieden grupp taʼ pijunieri speċjali, jew predikaturi full-time, biex jaqdu fil-​Kongregazzjoni taʼ Ríohacha. Il-​pijunieri staqsew Xhud Wayuu biex jgħallimhom il-​Wayuunaiki. Wara li tgħallmu ftit preżentazzjonijiet sempliċi bl-​amment, dawn il-​ministri marru fuq it-​territorju u mill-​ewwel innotaw bidla kbira fil-​mod kif in-​nies bdew jirreaġixxu. Għalkemm l-​għalliema tal-​Bibbja kienu qed jitkellmu bil-​Wayuunaiki mkisser, din kienet sorpriża sabiħa għall-​inkwilini u kienu lesti jisimgħu, xi drabi kienu jkomplu b’diskussjoni vivaċi bl-​Ispanjol limitat tagħhom!

‘Bajda għall-​Ħsad’

L-​appostlu Pawlu xebbah ix-​xogħol Kristjan taʼ li nagħmlu dixxipli max-​xogħol f’għalqa, xebh li l-​Wayuu, nies li jaħdmu fl-​agrikultura, jifhmuh sew. (1 Korintin 3:​5-9) F’sens figurattiv, l-​għalqa tal-​Wayuu hija tabilħaqq ‘bajda għall-​ħsad.’​—Ġwanni 4:​35.

Neil, Indjan Wayuu li kien jgħix f’Manaure, ibati minn difett li twieled bih. Minħabba li kien iwaħħal f’Alla minħabba d-​difett tiegħu, Neil kien dipress sal-​punt li pprova jikkommetti suwiċidju. Xhud li ħa l-​opportunità biex jippriedka minn dar għal dar filwaqt li kien qed iżur irħula differenti b’konnessjoni max-​xogħol sekulari tiegħu kellem lil Neil dwar is-​Saltna taʼ Ġeħova. Neil kellu biss 14-il sena. Peress li ra li Neil kien interessat, ix-​Xhud beda studju tal-​Bibbja miegħu. Neil ħa pjaċir jitgħallem dwar il-​personalità kollha mħabba taʼ Ġeħova, u wasal għall-​konklużjoni li Alla ma kkaġunax it-​tbatija tiegħu. Kemm ħassu mqanqal meta qara dwar il-​wegħda t’Alla taʼ ġenna taʼ l-​art, fejn mhux se jkun hemm iktar mard!​—Isaija 33:24; Mattew 6:​9, 10.

Dak iż-​żmien, il-​familja taʼ Neil kienet miġġielda maʼ familja oħra. Sabiex jipprovaw jipproteġu ruħhom, il-​qraba taʼ Neil għamlu ċerti ritwali tribwali. Neil jirrakkonta x’ġara: “Għall-​ewwel, bżajt inkellem lil familti dwar il-​fidi ġdida tiegħi, speċjalment lill-​kapijiet tal-​familja, li jingħataw rispett kbir.” Il-​ġenituri taʼ Neil irrabjaw meta saru jafu li la kien se jaċċetta twemmin li m’huwiex fi qbil mal-​Bibbja u lanqas ma kien se jipprattika drawwiet spiritistiċi. Neil imbagħad mar jgħix f’Ríohacha u beda jissieħeb mal-​kongregazzjoni taʼ dan il-​post. Iktar tard tgħammed. Fl-​1993, hu ġie maħtur biex jaqdi bħala qaddej ministerjali, u madwar tliet snin wara hu sar pijunier regulari. Imbagħad fl-​1997 ġie maħtur bħala anzjan fil-​kongregazzjoni. Fl-​2000, hu kabbar il-​ministeru tiegħu billi sar pijunier speċjali.

Ikkunsidra wkoll is-​sitwazzjoni taʼ Teresa, mara Wayuu li bdiet tistudja l-​Bibbja max-​Xhieda. Daniel, ir-​raġel li kien jgħix magħha, kien iwaqqagħha għaċ-​ċajt u jabbuża lilha u lit-​tlett itfal tagħhom fiżikament. Avolja maż-​żmien aċċetta li jistudja l-​Bibbja flimkien maʼ Teresa, spiss hu kien joħroġ maʼ sħabu biex jiskru, kultant għal erbat ijiem jew ħamsa. Hu ġab lill-​familja tiegħu fil-​faqar. Teresa baqgħet tistudja lealment u tattendi l-​laqgħat Kristjani. Dan għen lil Daniel jara l-​importanza taʼ li jistudja l-​Bibbja. Imbagħad wieħed minn uliedhom waqaʼ aċċidentalment f’borma kbira bl-​ilma jagħli u miet minħabba ħruq estensiv. Minbarra li ssaportiet in-​niket kbir minħabba t-​telfa taʼ binha, Teresa kellha tiffaċċja pressjoni minn ħbieb u ġirien biex tosserva drawwiet mhux Skritturali konnessi mal-​funerali.

Matul dak iż-​żmien diffiċli, il-​koppja rċiviet għajnuna inkuraġġanti u faraġ mill-​membri tal-​kongregazzjonijiet fil-​viċin. Wara l-​funeral, huma komplew jirċievu żjajjar inkuraġġanti mill-​kongregazzjoni lokali tal-​lingwa Wayuu. Hekk kif ra l-​imħabba Kristjana fl-​azzjoni, Daniel ġie mqanqal biex jagħmel progress spiritwali. Hu waqaf jixrob u jimmaltratta lil Teresa. Daniel u Teresa żżewġu, u hu beda jaħdem iebes biex jipprovdi għal familtu. Huma għamlu progress spiritwali u tgħammdu fl-​2003. It-​tnejn li huma jikkonduċu diversi studji tal-​Bibbja. Grazzi għax-​xiehda eċċellenti li Teresa tat lill-​familja tagħha, il-​qraba tagħha issa huma lesti li jisimgħu lix-​Xhieda meta jżuruhom. Wieħed min-​neputijiet taʼ Daniel hu pubblikatur mhux mgħammed, u tnejn min-​neputijiet tiegħu qed jistudjaw il-​Bibbja u jattendu l-​laqgħat tal-​kongregazzjoni. Oħt ir-​raġel taʼ Teresa, li wkoll tilfet iben f’aċċident, u l-​familja tagħha wrew interess f’li jistudjaw il-​Bibbja.

Ikel Spiritwali bil-​Wayuunaiki

Fl-​1998 il-​ktejjeb Gawdi l-​Ħajja fuq l-​Art Għal Dejjem!a ġie pubblikat bil-​Wayuunaiki. Dan il-​ktejjeb sar għodda prezzjuża li għenet fit-​tkabbir taʼ l-​għalqa tal-​Wayuu u f’li jsiru studji tal-​Bibbja fid-​djar. Fl-​2003, saru xi arranġamenti biex diversi aħwa jiġu mħarrġin ħalli jittraduċu pubblikazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Ġeħova bil-​Wayuunaiki. Grazzi għax-​xogħol iebes taʼ grupp taʼ tradutturi f’Ríohacha, iktar browxers saru disponibbli, u dan ikkontribwixxa għat-​tkabbir spiritwali tad-​dixxipli li jitkellmu bil-​Wayuunaiki.

Mill-2001 ’l hawn, xi taħditiet fil-​programm tal-​konvenzjonijiet distrettwali ġew tradotti bil-​Wayuunaiki. L-​istudenti tal-​Bibbja jiġu mqanqlin spiritwalment meta jisimgħu l-​programm bil-​lingwa tagħhom stess. Huma jħarsu ’l quddiem għal dakinhar li d-​drammi Bibliċi wkoll se jkunu preżentati bil-​Wayuunaiki.

Għalqa Produttiva

Uribia hija belt li tinsab xi 100 kilometru fil-​grigal taʼ Ríohacha. Il-​Kongregazzjoni tal-​Wayuu f’Uribia għandha 16-il pubblikatur tas-​Saltna, u ħafna minnhom qed iżidu fl-​isforzi tagħhom biex jippridkaw lill-​Indjani li jgħixu f’postijiet rurali. Wieħed mill-​anzjani fil-​kongregazzjoni jgħid dan dwar waħda minn dawn iż-​żjajjar: “Aħna żorna razzett kbir magħmul minn xi 12-il dar b’soqfa baxxi u twieqi żgħar. Quddiem kull dar hemm saqaf baxx magħmul mill-​yotojolo, iz-​zokk iebes li jkun fih il-​kaktus. F’dan il-​post, il-​familja u l-​viżitaturi huma protetti mix-​xemx tikwi. Konna ferħanin meta rajna li ħafna wħud urew interess kbir, u għalhekk għamilna arranġamenti biex nirritornaw u nibdew studji tal-​Bibbja. Meta morna lura, innotajna li ħafna ma kinux jafu jiktbu u jaqraw. Qalulna dwar skola li kienet ġiet abbandunata minħabba nuqqas taʼ finanzi. L-​individwu li kien inkarigat, b’qalb tajba tana permess biex nużaw waħda mill-​klassijiet biex ngħallmu lin-​nies jiktbu u jaqraw u biex nikkonduċu studji tal-​Bibbja. Sitt persuni Wayuu tgħallmu jaqraw u jiktbu u qed jagħmlu progress fl-​istudju tal-​Bibbja tagħhom. Aħna niġu mqanqlin mill-​apprezzament li juru, u għalhekk qed nippjanaw biex nikkonduċu xi laqgħat fir-​razzett.”

Għadd taʼ Xhieda li m’humiex Wayuu tgħallmu l-​Wayuunaiki, u l-​għajnuna tagħhom hija apprezzata ferm. Fuq il-​Peniżola Guajira, issa hemm tmien kongregazzjonijiet u żewġ gruppi li qed jużaw din il-​lingwa.

Il-barka taʼ Ġeħova fuq dawn l-​isforzi hija evidenti. Bla dubju, ħafna iktar jistaʼ jitwettaq fl-​ippridkar taʼ l-​aħbar tajba fost il-​Wayuu. Qed nistennew riżultati tajbin hekk kif dawk li huma konxji tal-​bżonn spiritwali tagħhom isiru dixxipli Kristjani. Jalla Ġeħova jibgħat iktar ministri biex jikkultivaw din l-​għalqa, li hija ‘bajda għall-​ħsad.’​—Mattew 9:​37, 38.

[Nota taʼ taħt]

a Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

[Mappep f’paġna 16]

VENEZWELA

KOLOMBJA

LA GUAJIRA

Manaure

Ríohacha

Uribia

[Sors tal-Istampa f’paġna 16]

Isfel kamp tal-​Wayuu: Victor Englebert

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja