Jinstabu Teżori Spiritwali fil-Ginea
GĦAL bosta sekli, l-esploraturi rriskjaw ħajjithom biex ifittxu t-teżori u lgħana. Uħud kuraġġużi li waslu l-Ginea, fl-Afrika tal-Punent, sabu żewġ tipi differenti ħafna taʼ rikkezzi—materjali u spiritwali. Il-pajjiż, mogħni bi djamanti, deheb, trab tal-ħadid, u bauxite taʼ kwalità għolja (il-materjal li minnu jieħdu l-aluminju), għandu popolazzjoni taʼ iktar minn disaʼ miljun Ginejan.
Għalkemm ir-reliġjonijiet tal-Kristjaneżmu m’humiex predominanti fil-pajjiż, il-qima hija importanti, u ħafna jgħożżu t-teżori spiritwali. X’inhuma eżattament dawn it-teżori? Dawn huma l-qaddejja leali taʼ Ġeħova, deskritti f’Ħaggaj 2:7 bħala “l-ġid kollu tal-popli.”
Teżori Spiritwali
It-tħaffir fil-fond fl-art fit-tfittxija għal teżori moħbijin tassew jirrikjedi sforz. Bl-istess mod, fil-ministeru Kristjan, hemm bżonn taʼ sforz ħabrieki biex jinstabu teżori spiritwali. Fil-Ginea, ix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna beda fiċ-ċentru tal-pajjiż kmieni fis-snin 50 u ma laħaqx Conakry, il-belt kapitali, sal-bidu tas-snin 60. Issa, fil-pajjiż kollu, hemm madwar 900 Xhud taʼ Ġeħova f’21 kongregazzjoni u grupp.
Il-missjunarji waslu fl-1987 u ħadmu spalla maʼ spalla maʼ l-unika kongregazzjoni f’Conakry. Issa hemm iktar minn 20 missjunarju fil-belt kapitali u fiċ-ċentru tal-pajjiż. B’mod żeluż, huma jinkuraġġixxu l-kongregazzjonijiet u jieħdu sehem fil-ministeru flimkien maʼ l-aħwa tal-lokal.
Luc, li jgħix f’Conakry, esperjenza l-ferħ meta studja l-Bibbja m’Albert, tabib żagħżugħ. Albert kien fittex il-verità f’diversi reliġjonijiet, u kien involut fi prattiki spiritistiċi. Hu kien jilbes ċurkett li kien tah wieħed li jikkuntattja l-ispirti bil-garanzija li dan kellu jġiblu l-fortuna. Wara li ddiżappunta ruħu ferm mit-tfittxija tiegħu għar-reliġjon il-vera, Albert rema ċ-ċurkett li kellu u talab: “Alla, jekk int teżisti, agħmel li nsir nafek u naqdik. Inkella, jien se ngħix ħajti skond ix-xewqat tiegħi stess.” Ftit taż-żmien wara, Albert kien qed iżur id-dar t’oħtu u beda jismaʼ lil waħda Xhud taʼ Ġeħova tikkonduċi studju tal-Bibbja man-neputija tiegħu. Malajr saru arranġamenti biex Luc jibda studju tal-Bibbja m’Albert.
Kull ġimgħa, Luc bil-ferħ kien jimxi għal iktar minn 5 kilometri ’l hemm u lura biex jikkonduċi l-istudju. Għalkemm Luc kien irċieva ftit li xejn edukazzjoni formali, Albert, gradwat mill-università, baqaʼ impressjonat ferm bil-fidi soda li Luc kellu fl-Iskrittura u bl-applikar prattiku taʼ l-għarfien mill-Bibbja. Kemm kien ferħan Albert li sar jaf li t-tbatija tal-bniedem m’hijiex tort t’Alla iżda li, għall-kuntrarju, Ġeħova għandu l-iskop li jtemm it-tbatija kollha u li jbiddel l-art f’ġenna. (Salm 37:9-11) Il-veritajiet Bibliċi flimkien mal-kondotta mill-aqwa li hu osserva fost il-membri tal-kongregazzjoni messew qalb Albert.
Madankollu, bħalma djamant fl-istat naturali tiegħu jrid jiġi maqtugħ b’reqqa li ma bħalha minn ħaddiem tas-sengħa sabiex ileqq, hekk ukoll Albert kellu bżonn ineħħi bosta attitudnijiet ħżiena tad-dinja sabiex iġib ħajtu fi qbil mal-livelli ġusti t’Alla. Hu ma baqax jikkonsulta lil dawk li jikkuntattjaw l-ispirti, waqaf jabbuża mill-alkoħol, u qataʼ għalkollox il-logħob taʼ l-ażżard. Albert sabha iktar diffiċli li jieqaf ipejjep. Fl-aħħar, meta hu talab bil-ħrara lil Ġeħova għall-għajnuna, hu rnexxielu. Sitt xhur wara llegalizza ż-żwieġ tiegħu u martu bdiet tistudja l-Bibbja. Issa t-tnejn huma aduraturi mgħammdin taʼ Ġeħova.
Martin huwa djamant spiritwali ieħor. Hu beda jistudja l-Bibbja f’Guéckédou meta kellu 15-il sena. Il-ġenituri Kattoliċi tiegħu bdew jopponulu għax beda jattendi l-laqgħat tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Huma qerdu l-letteratura Biblika taʼ Martin, sawtuh, u keċċewh mid-dar. Bħalma djamant jifforma meta l-karbonju jitqiegħed taħt pressjoni estrema, hekk ukoll limħabba taʼ Martin għall-verità tal-Bibbja ssaħħet b’riżultat taʼ l-oppożizzjoni. Maż-żmien, il-ġenituri tiegħu ma baqgħux daqshekk ebsin miegħu u hu reġaʼ mar lura d-dar. X’wassal għal din il-bidla fl-attitudni tagħhom? Huma nnotaw id-differenza kbira bejn il-kondotta taʼ Martin u dik taʼ ħutu iżgħar li kienu żviluppaw spirtu ribelluż u kienu spiċċaw involuti fl-immoralità sesswali. Konvint li l-fidi l-ġdida taʼ Martin kienet taʼ ġid għalih, missieru kien jilqaʼ l-membri tal-kongregazzjoni fid-dar. Omm Martin irringrazzjat lill-aħwa ħafna drabi għal dak kollu li għamlu biex jgħinu lil binha. Martin tgħammed meta kellu 18-il sena, u iktar tard attenda l-Iskola tat-Taħriġ Ministerjali. Issa qed jaqdi bħala pijunier speċjali.
Rikkezzi Spiritwali Importati
Filwaqt li l-Ginea tesporta ħafna mir-riżorsi naturali tagħha, ftit mir-rikkezzi spiritwali tagħha ġew “importati.” Ħafna nies emigraw minn pajjiżi Afrikani oħra, spiss minħabba raġunijiet ekonomiċi. Oħrajn ġew biex jaħarbu minn gwerer kefrin u li ilhom għaddejjin.
Ernestine, mill-Kamerun, waslet il-Ginea 12-il sena ilu. Hi studjat max-Xhieda taʼ Ġeħova u attendiet il-laqgħat għal ħafna snin, mingħajr ma tgħammdet. Fl-2003, għajnejha mtlew bid-dmugħ hekk kif rat il-magħmudija f’assemblea tas-circuit tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Maħkuma minn sentimenti taʼ ħtija, hi talbet lil Ġeħova: “Issa għandi 51 sena, u m’għamilt xejn tajjeb għalik. Irrid naqdik.” Wara, Ernestine aġixxiet fi qbil mat-talba umli tagħha. Hi spjegat lir-raġel li kienet tgħix miegħu li setgħu joqogħdu flimkien biss jekk jiżżewġu b’mod legali. Hu qabel, u iktar tard hi bkiet biki taʼ ferħ fil-magħmudija tagħha stess f’Novembru taʼ l-2004.
Sa minn kmieni fis-snin 90, il-Ginea laqgħet eluf taʼ refuġjati mil-Liberja u s-Sierra Leone, inkluż mijiet taʼ qaddejja taʼ Ġeħova. Ftit wara li jaslu f’kamp tar-refuġjati, l-aħwa jieħdu ħsieb li jattendu l-laqgħat b’mod regulari, jorganizzaw ix-xogħol taʼ l-ippridkar, u jibnu Sala tas-Saltna. Xi wħud saru qaddejja taʼ Ġeħova waqt li kienu fil-kampijiet tar-refuġjati. Isaac hu wieħed minnhom. Wara l-magħmudija tiegħu, lil Isaac ġietu l-possibbiltà li jerġaʼ jkollu x-xogħol li kellu qabel maʼ kumpanija kbira Liberjana. Minflok, hu għażel li jibqaʼ fil-kamp tar-refuġjati taʼ Lainé bħala pijunier regulari. Hu jispjega: “Issa m’għandix għalfejn nitlob permess mill-imgħallem biex nattendi l-laqgħat jew xi assemblea. Jien ħieles li naqdi lil Ġeħova.” F’Diċembru taʼ l-2003 nżammet konvenzjoni distrettwali f’dan il-kamp fl-imwarrab għall-150 Xhud li jgħixu fost it-30,000 refuġjat. B’ferħ, attendew 591 ruħ, inkluż disaʼ persuni neqsin mis-smigħ li segwew il-programm bil-lingwa tas-sinjali. Tgħammdu tnax. L-aħwa apprezzaw ferm l-isforzi li saru biex jiġi provdut l-ikel spiritwali għalihom.
“Il-Ġid” Jagħmel il-Bidliet Meħtieġa
Ebda ostaklu ma jidher li hu kbir wisq għal dawk li jfittxu d-deheb u d-djamanti. Madankollu, titgħaxxaq tara l-isforzi li jagħmlu wħud ġodda biex jegħlbu l-ostakli kollha sabiex jaqdu lil Ġeħova. Ikkunsidra l-każ taʼ Zainab.
Fl-età taʼ 13-il sena, Zainab kienet imġiegħla taħdem bħala lsira. Hi ttieħdet lejn il-Ginea mid-dar tagħha f’pajjiż ieħor taʼ l-Afrika tal-Punent. Meta kellha 20 sena, hi semgħet il-messaġġ tal-Bibbja. Hi kienet ħerqana biex tapplika dak li kienet qed titgħallem.
Kien diffiċli għal Zainab biex tattendi l-laqgħat Kristjani taʼ qima. Iżda hi apprezzat ferm il-laqgħat u kienet determinata li ma titlifhomx. (Ebrej 10:24, 25) Hi kienet taħbi l-kotba tagħha barra biex imbagħad tiħodhom hi u sejra għal-laqgħat. F’diversi okkażjonijiet, hi ġiet imsawta bl-aħrax mis-“sidien” tagħha talli attendiet dawn il-laqgħat spiritwali.
Iktar tard, iċ-ċirkustanzi nbidlu, u Zainab inħelset mill-jasar. Hi mill-ewwel bdiet tattendi l-laqgħat kollha, u dan għenha tagħmel progress spiritwali malajr. Hi rrifjutat li taħdem f’xogħol b’paga tajba li kien se jwaqqafha milli tattendi l-laqgħat u tirċievi t-tagħlim Kristjan. Hi nkitbet fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku, saret pubblikatriċi tas-Saltna mhix mgħammda, u iktar tard issimbolizzat id-dedikazzjoni tagħha lil Ġeħova bil-magħmudija fl-ilma. Eżatt wara dan, hi bdiet taqdi bħala pijuniera awżiljarja. Sitt xhur wara applikat biex taqdi bħala pijuniera regulari.
Wara li attenda għadd taʼ laqgħat, individwu interessat qal: “Ma nħossnix fqir meta nkun hawnhekk.” Filwaqt li ħafna nies huma interessati biss fir-rikkezzi materjali tal-Ginea, dawk li jħobbu lil Ġeħova qed ifittxu r-rikkezzi spiritwali bil-ħerqa. Iva, illum “il-ġid kollu tal-popli” qed idur lejn il-qima pura taʼ Ġeħova!
[Kaxxa f’paġna 8]
IL-GINEA-2005
Quċċata fin-numru taʼ Xhieda: 883
Studji tal-Bibbja: 1,710
Attendenza għat-Tifkira: 3,255
[Mappep f’paġna 8]
GINEA
Conakry
SIERRA LEONE
LIBERJA
[Stampa f’paġna 9]
Albert u Luc
[Stampa f’paġna 9]
Sala tas-Saltna f’Conakry
[Stampa f’paġna 10]
Ernestine
[Stampa f’paġna 10]
Martin
[Stampa f’paġna 10]
Zainab
[Sors tal-Istampa f’paġna 8]
USAID