Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Wara t-test finali fl-aħħar tal-Millennju, se jkun possibbli għall-bnedmin li jidinbu u jmutu?
Żewġ skritturi li nsibu f’Rivelazzjoni jagħtuna informazzjoni li tgħinna nwieġbu din il-mistoqsija: “Il-mewt u Ħades ġew mixħutin fl-għadira tan-nar. Din tfisser it-tieni mewt, l-għadira tan-nar.” (Rivelazzjoni 20:14) “Jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ. L-affarijiet taʼ qabel ikunu spiċċaw.”—Rivelazzjoni 21:4.
Innota ż-żmien involut hawnhekk. Ix-xħit tal-“mewt u Ħades” fl-għadira tan-nar se jseħħ meta dawk li jsalvaw minn Armageddon, il-mejtin irxoxtati, u dawk li jitwieldu wara Armageddon jiġu ġudikati ‘fuq dak li se jkun hemm miktub fir-rombli,’ jew il-ħtiġijiet dettaljati taʼ Ġeħova għall-umanità matul l-elf sena. (Rivelazzjoni 20:12, 13) L-appostlu Ġwanni niżżel bil-miktub viżjoni oħra li tinsab f’Rivelazzjoni kapitlu 21, li se titwettaq matul ir-Renju Millennjali taʼ Ġesù Kristu. Madankollu, it-twettiq sħiħ taʼ din il-viżjoni se jseħħ fl-aħħar taʼ Jum il-Ġudizzju t’elf sena. Ġeħova mbagħad se jgħammar maʼ l-umanità bl-iktar sens komplet mingħajr medjaturi, wara ż-żmien li Ġesù jkun ta s-Saltna lura lil Missieru. Ġeħova se jgħammar spiritwalment mal-“popli tiegħu” b’mod permanenti u dirett. Il-wegħda li “ma jkunx hemm iżjed mewt” se titwettaq kompletament meta l-umanità tkun laħqet il-perfezzjoni għaliex il-valur tas-sagrifiċċju tal-fidwa taʼ Kristu jkun intlaħaq għalkollox.—Rivelazzjoni 21:3, 4.
B’hekk, il-mewt imsemmija fl-iskritturi li rajna qabel hija l-mewt Adamika, li se tinġieb fix-xejn bil-fidwa taʼ Kristu. (Rumani 5:12-21) Minħabba li l-mewt li l-umanità wirtet mill-ewwel bniedem se tkun inġabet fix-xejn, il-bnedmin se jkunu bħal Adam meta ġie maħluq. Adam kien perfett, imma dan ma kienx ifisser li kien impossibbli għalih li jmut. Ġeħova qal lil Adam biex ma jikolx “mis-siġra taʼ tagħrif it-tajjeb u l-ħażin” u qal: “Dak in-nhar li tiekol minnha żgur li tmut.” (Ġenesi 2:17) Din kienet mewt minħabba dnub li sar apposta. Wara t-test finali fi tmiem ir-Renju t’Elf Sena, il-bnedmin xorta se jkunu jistgħu jagħmlu d-deċiżjonijiet tagħhom. (Rivelazzjoni 20:7-10) Xorta se jkunu jistgħu jagħżlu minn jeddhom jekk ikomplux jaqdu lil Ġeħova jew le. Ma nistgħux ngħidu li ebda bniedem qatt m’hu se jiċħad lil Alla, kif għamel Adam.
Kieku xi jsir minn wieħed li jagħżel li jirribella wara t-test finali meta m’hemmx mewt jew Ħades? F’dak iż-żmien, il-mewt Adamika ma tkunx għadha teżisti. U Ħades, il-qabar komuni taʼ l-umanità bit-tama taʼ l-irxoxt, ma jkunx għadu jeżisti. Xorta waħda, Ġeħova jistaʼ jeqred lil kwalunkwe ribell fl-għadira tan-nar, mingħajr ma jagħtih tama taʼ rxoxt. Din il-mewt tkun bħall-mewt li esperjenzaw Adam u Eva, mhux il-mewt li wirtu l-bnedmin minn Adam.
Madankollu, m’għandna ebda raġuni biex nikkonkludu li dan se jiġri. Dawk li jgħaddu mit-test finali se jkunu differenti minn Adam f’sens kruċjali wieħed. Huma jkunu ġew testjati kompletament. Aħna nistgħu nkunu fiduċjużi li t-test finali se jsir bir-reqqa għax Ġeħova jaf kif jeżamina lin-nies sew. Aħna nistgħu nkunu ċerti li t-test finali se jelimina lil kwalunkwe individwu li ma jużax tajjeb il-libertà taʼ l-għażla tiegħu. B’hekk, għalkemm huwa possibbli li dawk li jgħaddu mit-test finali jirribellaw kontra Alla, u b’hekk jinqerdu, m’huwiex probabbli li dan se jseħħ.
[Stampa f’paġna 31]
Wara t-test finali, l-umanità f’liema sens se tkun bħal Adam?