Int Kemm Tħossok Hieni?
IVA, għandek mnejn tistaqsi lilek innifsek, ‘Kemm jien hieni?’ Xjenzati soċjali qed jistinkaw biex jiskopru kif int jew oħrajn jistgħu jwieġbu, iżda xogħolhom m’huwiex wieħed faċli. Il-fatt li tkejjel l-hena taʼ individwi jistaʼ jiġi mqabbel maʼ li wieħed jipprova jkejjel l-imħabba li raġel għandu għal martu jew maʼ l-ammont taʼ niket li tikkaġuna mewt fil-familja. L-emozzjonijiet ma jistgħux jitkejlu bl-eżatt. Madankollu, ix-xjenzati jirrikonoxxu verità bażika: Il-bnedmin kollha għandhom l-abbiltà li jkunu henjin.
Minkejja l-kapaċità ġewwinija li nkunu henjin, il-problemi serji ġabu mewġa taʼ niket. Ikkunsidra dan l-eżempju: F’ċerti bliet, tant mietu nies bl-AIDS li m’hemmx iżjed post fiċ-ċimiterji. L-awtoritajiet taw permess li jerġgħu jinfetħu oqbra eżistenti sabiex jindifnu dawk in-nies li jkunu għadhom kemm mietu. F’xi partijiet taʼ l-Afrika, wieħed mix-xogħlijiet ewlenin huwa l-produzzjoni tat-twiebet. Tgħix fejn tgħix tistaʼ tinnota li hemm ħafna niket fost dawk li jbatu minn mard serju u fost dawk li tilfu lil xi qraba u ħbieb fil-mewt.
Xi ngħidu għall-pajjiżi iżjed sinjuri? Bidla għal għarrieda fil-ġrajjiet tistaʼ tfarrak is-sigurtà finanzjarja taʼ wħud li ma jkunux preparati għaliha. Fl-Istati Uniti taʼ l-Amerika ħafna nies irtirati jerġgħu joħorġu jaħdmu minħabba li jkunu tilfu l-benefiċċji tal-pensjoni. Spejjeż tal-kura medika spiss jitħallsu mill-flus li jkunu ġemmgħu l-familji. “Lil dawn in-nies tarahom jiġu għandi bi spejjeż kbar u problemi taʼ saħħa u dan isewwidlek qalbek,” jgħid wieħed konsulent legali. “Ħafna drabi jkolli ngħidilhom, ‘Se jkollok tbigħ id-dar tiegħek sabiex ikollok biżżejjed flus biex tmantni lilek innifsek.’” Iżda xi ngħidu għal dawk li m’għandhomx problemi finanzjarji? Jistaʼ n-niket jeffettwa lilhom ukoll?
Ċerti individwi huma bħall-kompożitur famuż Richard Rodgers. Dwaru ntqal: “Huma ftit dawk l-irġiel li ġabu daqstant ferħ lil daqshekk nies.” Minkejja l-fatt li d-diski tiegħu ferrħu lil oħrajn, hu kien ibati minn dipressjoni kronika. Hu laħaq iż-żewġ miri li ħafna jaspiraw għalihom—il-flus u l-fama—iżda xi ngħidu għall-hena? Wieħed bijografu osserva: “[Rodgers] kellu suċċess straordinarju fix-xogħol tiegħu, gawda ħajja privileġġata, u rebaħ, flimkien maʼ sieħbu fix-xogħol, żewġ Premjijiet Pulitzer. Ħafna drabi, hu kien ukoll iħossu mdejjaq u dipress.”
Bħalma stajt tinnota, wieħed spiss jiġi mqarraq jekk jiddependi mill-ġid materjali biex jikseb l-hena. Riporter taʼ l-investimenti għal The Globe and Mail taʼ Toronto, il-Kanada, iddeskriva “l-iżolazzjoni u l-vojt” li ħafna nies sinjuri jissaportu. Skond wieħed konsulent finanzjarju, meta ġenituri sinjuri jimlew lil uliedhom bil-flus u bl-affarijiet li dawn jistgħu jixtru, “spiss ikunu qed jiżirgħu ż-żrieragħ għal miżerja iktar tard.”
Hemm Xi Bażi Soda għall-Hena?
Sabiex tiffjorixxi, pjanta li tagħmel il-fjuri għandha bżonn il-ħamrija, l-ilma, u klima adattata. Bl-istess mod, ir-riċerkaturi jirrikonoxxu li ċerti kundizzjonijiet jikkontribwixxu għall-hena. Dawn jinkludu l-benesseri fiżika; xogħol sodisfaċenti; ikel, post fejn tgħix, u lbies adegwati; it-twettiq taʼ xewqat kreattivi; u ħbieb veri.
Wisq probabbli int taqbel li dawn il-kundizzjonijiet għandhom effett tajjeb fuq l-hena taʼ persuna. Iżda hemm fattur iżjed importanti. Dan huwa l-għarfien dwar “l-Alla l-hieni,” li jismu Ġeħova. (1 Timotju 1:11) Dan l-għarfien kif jistaʼ jgħin? Ġeħova huwa lĦallieq tagħna, u hu tana l-kapaċità li nkunu henjin. Loġikament, hu jaf x’jistaʼ jagħmilna verament henjin. L-artiklu li jmiss jiddeskrivi l-mod kif hu jidderieġi lin-nies ikunu fejn ikunu jew f’kull ċirkustanza li jinsabu fiha lejn ħajja taʼ hena li jibqaʼ.
[Stampa f’paġna 4]
Bħal pjanta li tagħmel il-fjuri, l-hena għandu bżonn il-kundizzjonijiet adattati sabiex jikber
[Sors tal-Istampa f’paġna 3]
© Gideon Mendel/CORBIS