Sforz Kuraġġuż biex Jippromwovi l-Qari tal-Bibbja
Ħa l-aħħar nifs tiegħu fuq pjanura kiesħa fil-lvant tas-Siberja; kien ġie malafamat u mmaqdar. Ftit jiftakru li hu kien wieħed mill-persuni ewlenin fl-avanz spiritwali għal Griegi oħrajn. L-isem taʼ dan il-pijunier injorat kien Serafin. L-isforz kuraġġuż tiegħu biex jippromwovi l-Bibbja kellu konnessjoni maʼ mewtu.
SERAFIN kien jgħix fiż-żmien meta l-Greċja kienet parti mill-Imperu Ottoman. Skond George Metallinos, studjuż Grieg Ortodoss, dan il-perijodu kien immarkat minn “nuqqas taʼ skejjel xierqa” u minn “nuqqas t’edukazzjoni fost il-maġġuranza tan-nies,” inkluż saħansitra l-kleru.
Kien hemm differenza kbira bejn il-Grieg Koine (komuni) u l-vernakolu, li kellu ħafna djaletti. Din id-differenza tant kibret li l-Koine, il-lingwa li biha nkitbet l-Iskrittura Griega Kristjana, ma kienx għadu jinftiehem minn dawk li ma kellhomx edukazzjoni formali. Minħabba l-kontroversja li qamet, il-knisja għażlet li tippromwovi l-Grieg Koine li ħadd ma setaʼ jifhmu.
Kien f’dan l-ambjent li Stephanos Ioannis Pogonatus twieled f’familja magħrufa sew fuq il-gżira taʼ Lesbos, il-Greċja, madwar l-1670. Kien hemm ħafna faqar u wħud illetterati fuq il-gżira. Minħabba n-nuqqas taʼ skejjel, Stephanos kellu jikseb l-edukazzjoni elementari tiegħu f’monasterju lokali. F’età żgħira ħafna, ġie ordnat bħala djaknu tal-Knisja Ortodossa Griega u ngħata l-isem Serafin.
Madwar l-1693, ix-xewqa taʼ Serafin għall-għarfien qanqlitu biex imur Kostantinopli (issa l-Istanbul, it-Turkija). Maż-żmien, l-abbiltajiet tiegħu għenuh jikseb ir-rispett taʼ rġiel prominenti fil-Greċja. Fi żmien qasir, intbagħat bħala messaġġier sigriet għand il-Kżar Pietru l-Kbir tar-Russja minn moviment nazzjonalistiku sigriet Grieg. Serafin ra ħafna mill-Ewropa fil-vjaġġ tiegħu lejn Moska u lura, u fil-vjaġġi tiegħu ra tendenzi taʼ riforma reliġjuża u intelletwali. Fl-1698, Serafin ivvjaġġa lejn l-Ingilterra u għamel kuntatti importanti f’Londra u f’Oxford. Ġie mlaqqaʼ maʼ l-Arċisqof taʼ Canterbury, il-kap tal-Knisja Anglikana, konnessjoni li Serafin ma kienx se jdum wisq ma jsibha t’għajnuna.
Serafin Jippubblika Bibbja
Waqt li kien l-Ingilterra, Serafin wasal għall-konklużjoni li kien hemm bżonn urġenti fost il-Griegi għal verżjoni ġdida, u faċli biex tinftiehem, tat-“Testment il-Ġdid” (L-Iskrittura Griega Kristjana). Billi uża t-traduzzjoni li kienet ħarġet iktar minn nofs seklu qabel mill-patri Massimu, Serafin beda jaħdem fuq verżjoni ġdida, mingħajr żbalji, u iktar faċli biex tinftiehem. B’entużjażmu beda x-xogħol tiegħu, imma malajr spiċċa bla flus. Is-sitwazzjoni tiegħu tjiebet meta l-Arċisqof taʼ Canterbury wiegħed li kien se jipprovdi l-għajnuna finanzjarja li kien hemm bżonn. Inkuraġġit b’dan l-appoġġ, Serafin xtara karti għall-istampar u għamel ftehim maʼ stamperija.
Madankollu, kellu biss biżżejjed flus biex iħallas għall-istampar taʼ l-Evanġelji taʼ Mattew, Marku, u nofs dak taʼ Luqa. Imbagħad, bidla politika fl-Ingilterra wasslet lill-Arċisqof taʼ Canterbury biex iwaqqaf il-fondi. Mingħajr ma qataʼ qalbu, Serafin fittex l-għajnuna finanzjarja minn xi benefatturi tat-tajjeb u rnexxielu jippubblika l-verżjoni riveduta tiegħu fl-1703. Ftit mill-ispejjeż ħadet ħsiebhom is-Soċjetà għax-Xandir taʼ l-Evanġelju b’Lingwi Barranin.
It-traduzzjoni li saret ftit taż-żmien qabel minn Massimu u li kienet maqsuma f’żewġ volumi, kien fiha t-test bil-Grieg oriġinali. Kienet kbira u tqila. Il-verżjoni riveduta taʼ Serafin kienet stampata b’tipa iżgħar, kien fiha biss traduzzjoni bil-Grieg modern, u kienet irqaq u irħas.
Kompla Żied mal-Kontroversja
“M’għandniex xi ngħidu, din il-pubblikazzjoni aġġornata ssodisfat bżonn kbir li kien hemm fost in-nies,” jgħid l-istudjuż George Metallinos. “Madankollu, Serafin, ħataf l-opportunità biex jattakka grupp mill-kleru li kien jopponi t-traduzzjonijiet [tal-Bibbja].” Il-kleru inkorla meta Serafin fid-daħla qal li kien għamel il-verżjoni tiegħu ‘speċjalment għall-benefiċċju taʼ xi qassisin u ċerti presbiteri li ma fehmux il-Grieg [Koine], sabiex bl-għajnuna taʼ l-Ispirtu l-Iktar Qaddis ikunu jistgħu jaqraw u jifhmu xi ħaġa mit-test oriġinali, sabiex jgħaddu t-tifsir lill-Kristjani lajċi.’ (The Translation of the Bible Into Modern Greek—During the 19th Century) B’hekk, Serafin spiċċa involut sew f’kontroversja dwar it-traduzzjoni tal-Bibbja u li kienet teżisti fil-ġerarkija tal-Knisja Ortodossa Griega.
Fuq naħa waħda kien hemm dawk li rrealizzaw li l-iżvilupp spiritwali u morali tan-nies kien jiddependi milli jifhmu l-Bibbja. Ħassew ukoll li l-membri tal-kleru kellhom bżonn itejbu l-għarfien tagħhom stess taʼ l-Iskrittura. Iżjed minn hekk, dawk favur it-traduzzjoni tal-Bibbja kienu jemmnu li l-veritajiet Skritturali jistgħu jiġu espressi bi kwalunkwe lingwa.—Rivelazzjoni 7:9.
Opponenti tat-traduzzjoni tal-Bibbja użaw l-iskuża li kwalunkwe traduzzjoni tal-Bibbja kienet se tikkontamina l-kontenut u tneħħi l-awtorità tal-knisja fuq l-interpretazzjoni u d-domma. Imma l-biżaʼ veru tagħhom kien li l-Protestanti kienu qed jużaw it-traduzzjoni tal-Bibbja biex bil-mod il-mod jieħdu l-awtorità tal-Knisja Ortodossa Griega. Bosta membri tal-kleru ħasbu li kienu obbligati li jopponu kwalunkwe tendenza li setgħet uriet simpatija mal-Protestanti, inkluż sforzi biex jagħmlu l-Bibbja iktar faċli biex tinftiehem min-nies komuni. Għalhekk, it-traduzzjoni tal-Bibbja saret il-kwistjoni taħraq fil-konflitt bejn il-Protestantiżmu u l-Ortodossija.
Għalkemm ma kellu ebda inklinazzjoni li jabbanduna l-Knisja Ortodossa, Serafin bil-kuraġġ espona l-injoranza u l-preġudizzju taʼ l-opponenti tiegħu fost il-kleru. Fid-daħla tat-“Testment il-Ġdid” tiegħu, hu kiteb: “Kull Kristjan li għandu l-biżaʼ t’Alla għandu bżonn jaqra l-Bibbja Mqaddsa” sabiex “isir wieħed li jimita lil Kristu u jkun ubbidjenti għat-tagħlim [tiegħu].” Serafin żamm mal-fehma li l-projbizzjoni taʼ l-istudju taʼ l-Iskrittura kienet ġejja mix-Xitan.
Mewġa t’Oppożizzjoni
Meta l-verżjoni taʼ Serafin laħqet il-Greċja, qanqlet ir-rabja tal-Knisja Ortodossa Griega. Il-verżjoni l-ġdida kienet projbita. Kopji tat-traduzzjoni ġew maħruqin, u kulmin kellu l-Bibbja jew qraha ġie mhedded li jiġi skomunikat. Il-Patrijarka Gabrijel III ipprojbixxa ċ-ċirkulazzjoni tal-verżjoni taʼ Serafin, u sejħilha bla bżonn u bla użu.
Għalkemm Serafin ma tilifx it-tama, hu ra l-bżonn li juri l-għaqal. Minkejja l-projbizzjoni uffiċjali mill-knisja, għadd taʼ membri tal-kleru u lajċi aċċettaw it-traduzzjoni tiegħu. Hu kellu suċċess kbir fit-tqassim tal-verżjoni tiegħu. Madankollu, dan kien biss il-bidu taʼ konflitt m’opponenti setgħana.
Il-Bidu tat-Tmiem
Flimkien maʼ li jippromwovi t-tqassim tal-Bibbja, Serafin beda jinvolvi ruħu f’movimenti rivoluzzjonarji u nazzjonalistiċi. Sabiex isus wara dawn, hu rritorna Moska fis-sajf taʼ l-1704. Hu sar ħabib fdat taʼ Pietru l-Kbir u għal xi żmien kien professur fl-Akkademja Rjali tar-Russja. Madankollu, minħabba li kien konċernat dwar x’setaʼ jiġri mit-traduzzjoni tiegħu, Serafin irritorna lejn Kostantinopli fl-1705.
Fl-istampar mill-ġdid tal-verżjoni tiegħu f’dik is-sena, Serafin neħħa d-daħla kritika li kien hemm fl-istampar oriġinali. Hu żied daħla sempliċi li inkuraġġiet il-qari tal-Bibbja. Din l-edizzjoni ġiet imqassma ħafna, u m’hemm l-ebda indikazzjoni li kien hemm reazzjoni ħażina mill-patrijarkat.
Minkejja dan, fl-1714 ġiet daqqa taʼ ħarta mingħand Alessandru Elladju, vjaġġatur Grieg u opponent tat-traduzzjoni tal-Bibbja. Fil-ktieb tiegħu Status Præsens Ecclesiæ Græcæ (L-Istat Kurrenti tal-Knisja Griega), hu attakka bl-aħrax it-tradutturi u t-traduzzjonijiet tal-Bibbja. Elladju ddedika kapitlu sħiħ lil Serafin, pinġieh bħala ħalliel, qarrieqi, u imbroljun illetterat u immorali. Kien hemm xi verità f’dawn l-akkużi? L-awtur Stylianos Bairaktaris jesprimi l-opinjoni taʼ min joqgħod fuqha taʼ ħafna studjużi meta sejjaħ lil Serafin ‘ħaddiem u pijunier moħħu miftuħ’ li ġie attakkat minħabba li kellu għarfien akbar minn dawk taʼ madwaru. Però, il-ktieb t’Elladju wassal għat-tmiem diżastruż taʼ Serafin.
Serafin Tqies b’Suspett
Sakemm Serafin irritorna lejn ir-Russja fl-1731, Pietru l-Kbir kien miet. Għalhekk, id-djaknu Grieg ma gawda ebda protezzjoni uffiċjali. L-Imperatriċi renjanti Anna Ivanovna qagħdet attenta ħafna għal kwalunkwe attività li setgħet tfixkel ir-renju tagħha. F’Jannar taʼ l-1732, f’San Pietruburgu kien hemm l-għajdut li spija Grieg kien qed jaħdem kontra l-interessi taʼ l-imperu. Is-suspett waqaʼ fuq Serafin. Hu ġie arrestat u ntbagħat lejn il-monasterju Nevsky biex jiġi interrogat. Fil-monasterju kien hemm kopja tal-ktieb t’Elladju, li fih Serafin jiġi akkużat b’diversi atti kriminali. Fi tliet ittri t’appell, id-djaknu pprova jiddefendi lilu nnifsu fuq l-akkużi. L-interrogazzjoni damet xi ħames xhur, u kien diffiċli għal Serafin biex jiddefendi lilu nnifsu minħabba s-suspetti t’oħrajn.
Minħabba li ma kien hemm ebda evidenza konkreta kontra Serafin, hu ma ngħatax is-sentenza tal-mewt. Madankollu, minħabba l-akkużi t’Elladju, l-awtoritajiet ma ridux jeħilsu lil Serafin. Id-djaknu Grieg ngħata s-sentenza li jiġi eżiljat fis-Siberja għal ħajtu kollha. Il-verdett semma li s-sentenza kienet ibbażata fuq l-akkużi li kien hemm “fil-komponiment letterarju pubblikat mill-awtur Grieg Elladju.” F’Lulju taʼ l-1732, Serafin wasal fil-lvant tas-Siberja marbut bil-ktajjen u ġie mitfugħ fil-ħabs infami t’Okhotsk.
Madwar tliet snin wara, Serafin miet, abbandunat u minsi. Xi drabi, l-għażliet u l-metodi tiegħu ma kinux għaqlin u ttieħdu bl-għaġla, imma l-verżjoni tiegħu hija waħda mid-diversi traduzzjonijiet tal-Bibbja li issa huma disponibbli bil-Grieg modern.a Fosthom hemm in-New World Translation of the Holy Scriptures (It-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida taʼ l-Iskrittura Mqaddsa), li hi faċli biex tinftiehem u hija disponibbli wkoll f’għadd taʼ lingwi oħra. Kemm aħna grati li Alla Ġeħova ppreserva l-Kelma tiegħu sabiex in-nies kullimkien ikollhom l-opportunità li “jaslu għall-għarfien eżatt dwar il-verità”!—1 Timotju 2:3, 4.
[Nota taʼ taħt]
a Ara l-artiklu “It-Taqbida għal Bibbja bil-Grieg Modern,” fit-Torri taʼ l-Għassa tal-15 taʼ Novembru, 2002, paġni 26-9.
[Stampa f’paġna 12]
Pietru l-Kbir
[Sors tal-Istampa f’paġna 10]
Ritratti: Courtesy American Bible Society