Bijografija
Ħajti Nbidlet Meta Sirt Naf Għala Alla Jippermetti t-Tbatija
KIF RAKKONTATA MINN HARRY PELOYAN
Alla għala jippermetti t-tbatija? Din il-mistoqsija kienet ilha fuq moħħi minn mindu kont tifel żgħir. Il-ġenituri tiegħi kienu jaħdmu iebes, onesti, u jieħdu ħsieb il-familja. Imma missieri ma kienx reliġjuż, u ommi ftit li xejn. Allura ma setgħux jipprovduli t-tweġiba għal din il-mistoqsija.
JIEN ħsibt iktar dwar din il-mistoqsija matul u wara t-tieni gwerra dinjija, meta qdejt fil-flotta tal-gwerra Amerikana għal iktar minn tliet snin. Wara li spiċċat il-gwerra, ġejt inkarigat immur fuq vapur li ntbagħat lejn iċ-Ċina biex iwassal xi provvisti t’għajnuna. Għamilt kważi sena hemmhekk u rajt it-tbatija kbira t’għadd kbir taʼ nies.
Iċ-Ċiniżi huma nies ħabrieka u intelliġenti. Imma ħafna kienu qed jesperjenzaw diffikultajiet kbar minħabba l-faqar u l-vjolenza kaġunati mit-tieni gwerra dinjija. L-iktar li effettwawni kienu t-tfal tant ħelwin li ħafna minnhom, imġewħin u lebsin iċ-ċraret, kienu jittallbu mingħandna meta konna nidħlu x-xatt.
Għala?
Jien twilidt fl-1925 u trabbejt f’Kalifornja, l-Amerika. Qatt ma kont rajt xi ħaġa bħal din. Għalhekk, ħafna drabi staqsejt lili nnifsi, ‘Jekk hemm Ħallieq li jistaʼ kollox, għala għandu jippermetti li dawn il-kundizzjonijiet jgħakksu lil tant nies, speċjalment lit-tfal innoċenti?’
Ukoll kont naħseb dwar għala Alla, jekk tassew jeżisti, kien jippermetti qerda kbira bħal din, qtil t’għadd kbir taʼ nies, u tbatija bħalma ffaċċjat l-umanità tul is-sekli—partikolarment matul it-tieni gwerra dinjija, meta iktar minn 50 miljun ruħ tilfu ħajjithom. Iktar minn hekk, matul il-gwerra, nies taʼ l-istess twemmin għala ġew inkuraġġiti mill-kleru tagħhom biex joqtlu lil xulxin għax kellhom nazzjonalità differenti?
It-Teleskopju
Meta bdiet it-tieni gwerra dinjija fl-1939 u l-bnedmin bdew iġarrbu massakru sħiħ, jien ħassejt li ma jistax ikun li Alla jeżisti. Imbagħad, f’kors tax-xjenza fl-iskola, kull wieħed minna l-istudenti kellu jibni xi ħaġa xjentifika. Peress li kienet tinteressani l-astronomija, jien bdejt nibni teleskopju kbir b’mera li kellha dijametru taʼ 20 ċentimetru.
Sabiex inkun nistaʼ nibni dan it-teleskopju, xtrajt ħġieġa li kienet ħoxna 2.5 ċentimetri u wiesaʼ 20 ċentimetru u qabbadt lil wieħed li jaqtaʼ l-ħġieġ biex jagħmilhieli tonda. Imbagħad bdejt biċċa xogħol iebsa biex nobroxha b’idi ħalli nagħmilha mera bil-wiċċ imħaffer fit-tond. Dan ħadli l-ħin liberu kollu li kelli fis-sena skolastika sħiħa. Meta lestejt il-mera, qegħedtha ġo tubu twil tal-metall u f’dan it-teleskopju waħħalt lentijiet li għandhom qawwa differenti.
F’lejla bla sħab u mingħajr qamar, għall-ewwel darba ħriġt it-teleskopju li kont lestejt u ffokajtu fuq l-istilel u l-pjaneti tas-sistema solari tagħna. Bqajt imbellah meta rajt kemm kien hemm kwiekeb u kemm kollox kien organizzat sew. Imbagħad, meta rrealizzajt li xi “kwiekeb,” fil-fatt, kienu galassji bħat-Triq il-Ħalib tagħna, li kull waħda fiha biljuni taʼ stilel, bqajt saħansitra iktar iċċassat.
Jien ħsibt, ‘Żgur li dan kollu ma seħħx waħdu. Kulma hu organizzat ma jsirx b’kumbinazzjoni. L-univers tant hu organizzat tajjeb li jidher qisu sar minn xi ħadd ġenju. Jistaʼ jkun li Alla jeżisti wara kollox?’ L-esperjenza bit-teleskopju ġagħlitni nabbanduna l-ħarsa xi ftit dommatika u atea li kelli qabel.
Imbagħad, staqsejt lili nnifsi: ‘Jekk tabilħaqq hemm Alla qawwi u għaref biżżejjed biex joħloq dan l-univers taʼ l-għaġeb, ma jistax hu jirranġa s-sitwazzjoni tal-biki li hawn fuq l-art? Fuq kollox, għala ppermetta din it-tbatija kollha?’ Meta staqsejt dawn il-mistoqsijiet lil nies reliġjużi, huma ma setgħux jipprovduli tweġibiet sodisfaċenti.
Wara li spiċċajt l-iskola sekondarja u diversi snin li attendejt f’kulleġġ, ngħaqadt mal-flotta tal-gwerra Amerikana. Madankollu, lanqas il-kappillani fil-militar ma setgħu jwieġbu sew il-mistoqsijiet tiegħi. Spiss, dawk li kienu reliġjużi kienu jgħiduli, “Il-Mulej għandu mogħdijiet misterjużi.”
Tkompli t-Tfittxija Tiegħi
Wara li tlaqt miċ-Ċina, kien għad għandi l-mistoqsijiet dwar għala Alla jippermetti t-tbatija. Ma stajtx inneħħihom minn moħħi, speċjalment meta rajt iċ-ċimiterji militari fuq diversi gżejjer li żorna fi triqitna lura mill-Paċifiku. Kważi l-oqbra kollha kienu taʼ rġiel żgħażagħ li bilkemm kienu għadhom bdew jgħixu ħajjithom.
Meta wasalt lura l-Istati Uniti u ġejt meħlus mill-flotta tal-gwerra, kelli sena taʼ studju x’nispiċċa fl-Università taʼ Harvard f’Cambridge, Massachusetts. Wara dik is-sena ggradwajt u ġibt il-lawrja tiegħi, imma ma mortx lura d-dar f’Kalifornja. Iddeċidejt li mmur fil-Kosta tal-Lvant għal xi żmien biex nipprova nsib it-tweġibiet għall-mistoqsijiet tiegħi. Kelli f’moħħi li mmur sal-belt taʼ New York, fejn kien hemm ħafna reliġjonijiet, sabiex nattendi xi servizzi reliġjużi biex nara x’tagħlim jingħata.
Fi New York, iz-zija tiegħi, Isabel Kapigian, stidnitni noqgħod għandha. Hi u ż-żewġt ibniet tagħha, Rose u Ruth, kienu Xhieda taʼ Ġeħova. Peress li ħassejt li t-twemmin tagħhom ma kienx se jinteressani, jien bdejt nattendi s-servizzi taʼ reliġjonijiet oħrajn, inkellem lin-nies u naqra l-letteratura tagħhom. Bdejt nistaqsihom dwar għala Alla jippermetti t-tbatija, imma huma daqsi ma kinux jafu t-tweġiba. Jien ikkonkludejt li forsi veru Alla ma jeżistix.
Insib it-Tweġibiet
Imbagħad staqsejt lil ziti u lill-bniet tagħha biex naqra ftit mil-letteratura tagħhom ħalli nitgħallem dwar il-ħarsa tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Meta qrajt il-pubblikazzjonijiet tagħhom, malajr rajt li x-Xhieda kienu tassew differenti mir-reliġjonijiet l-oħrajn. It-tweġibiet kienu ġejjin mill-Bibbja u kienu tassew sodisfaċenti. Fi żmien qasir, il-mistoqsijiet tiegħi dwar għala Alla jippermetti t-tbatija ġew imweġbin.
Mhux hekk biss, imma stajt nara li x-Xhieda taʼ Ġeħova jgħixu fi qbil mat-tweġibiet tagħhom mill-Bibbja. Per eżempju, staqsejt lil ziti dwar x’għamlu l-irġiel żgħażagħ tax-Xhieda taʼ Ġeħova fil-Ġermanja matul it-tieni gwerra dinjija. Ngħaqdu huma mal-forzi armati t’hemmhekk u sellmu lil Hitler u lill-bandiera bl-iswastika fuqha? It-tweġiba tagħha kienet li le, m’għamlux dan. U minħabba n-newtralità tagħhom, huma ntbagħtu fil-kampijiet tal-konċentrament, fejn ħafna minnhom inqatlu. Hi spjegat li matul il-gwerra, ix-Xhieda taʼ Ġeħova kullimkien għamlu l-istess ħaġa: baqgħu newtrali. Anki fil-pajjiżi demokratiċi, l-irġiel żgħażagħ tax-Xhieda taʼ Ġeħova ntefgħu l-ħabs minħabba n-newtralità tagħhom.
Imbagħad ziti talbitni naqra Ġwanni 13:35, li jgħid: “B’dan ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.” Il-Kristjani veri jrid ikollhom dik il-marka taʼ l-imħabba li tidentifikahom fuq skala internazzjonali. Qatt ma se ssibhom jiġġieldu kontra xulxin f’xi gwerra, joqtlu lil xulxin minħabba li huma taʼ nazzjonalità differenti! Hi staqsietni: “Tistaʼ timmaġina lil Ġesù u lid-dixxipli tiegħu jiġġieldu kontra xulxin fil-gwerer taʼ Ruma, joqtlu lil xulxin?”
Talbitni wkoll biex naqra l-1 Ġwanni 3:10-12. Hemmhekk naqraw: “Ulied Alla u wlied ix-Xitan jidhru ċar minn dan il-fatt: Kulmin ma jipprattikax il-ġustizzja ma joriġinax minn Alla, lanqas min ma jħobbx lil ħuh. . . . Għandna nħobbu lil xulxin; mhux bħal Kajjin, li oriġina mill-Ħażin u qatel lil ħuh.”
Il-Bibbja titkellem ċar u tond dwar dan. Il-Kristjani veri għandhom iħobbu lil xulxin, jgħixu fejn jgħixu. Għalhekk, qatt m’int se ssibhom joqtlu l-aħwa spiritwali tagħhom stess u lanqas m’huma se joqtlu lil ħaddieħor jekk niġu għal dan. Għal din ir-raġuni, Ġesù setaʼ jgħid dwar is-segwaċi tiegħu: “M’humiex parti mid-dinja, bħalma jien m’iniex parti mid-dinja.”—Ġwanni 17:16.
Għala Jippermettiha
Ma domtx ma sirt naf li l-Bibbja tgħidilna għala Alla ppermetta t-tbatija. Din tispjega li meta Alla ħalaq lill-ewwel ġenituri tagħna, hu għamilhom perfetti u poġġihom f’ġenna taʼ l-art. (Ġenesi 1:26; 2:15) Ukoll, hu ta lill-bnedmin rigal taʼ min jixtiequ—il-libertà taʼ l-għażla. Imma huma kellhom jużaw din il-fakultà b’responsabbiltà. Jekk jobdu lil Alla u l-liġijiet tiegħu, huma kienu se jkomplu jgħixu fil-perfezzjoni fil-ġenna taʼ l-art. Huma kellhom jifirxu l-fruntieri taʼ dik il-ġenna sakemm tkopri l-art kollha. Nisilhom ukoll kellu jkun perfett, ħalli maż-żmien din l-art tkun ġenna glorjuża mimlija b’nies perfetti u henjin.—Ġenesi 1:28.
Madankollu, jekk Adam u Eva kienu se jagħżlu ħajja indipendenti, imbiegħda minn Alla, imbagħad hu ma kienx se jibqaʼ jżommhom perfetti. (Ġenesi 2:16, 17) Sfortunatament għall-umanità, l-ewwel ġenituri tagħna abbużaw mir-rieda ħielsa tagħhom u għażlu li jkunu indipendenti minn Alla. Huma ġew imħajrin minn spirtu ribelluż li iktar tard sar magħruf bħala Satana x-Xitan. Hu xxennaq għall-indipendenza minn Alla u l-qima li bi dritt tappartjeni lil Alla biss.—Ġenesi 3:1-19; Rivelazzjoni 4:11.
Għalhekk, Satana sar “l-alla taʼ din is-sistema.” (2 Korintin 4:4) Il-Bibbja tgħid: “Id-dinja kollha qiegħda taħt il-qawwa tal-Ħażin.” (1 Ġwanni 5:19) Ġesù sejjaħ lil Satana “l-ħakkiem tad-dinja.” (Ġwanni 14:30) Id-diżubbidjenza taʼ Satana u l-ewwel ġenituri tagħna ġabet l-imperfezzjoni, il-vjolenza, il-mewt, in-niket, u t-tbatija taʼ l-umanità.—Rumani 5:12.
“M’Hijiex f’Idejh”
Sabiex juri x’kien se jiġrilhom il-bnedmin jekk jinjoraw il-liġijiet tal-Ħallieq, Alla ppermetta l-konsegwenzi taʼ dan għal eluf taʼ snin. Dan ilperijodu taʼ żmien ipprovda biżżejjed opportunità għall-umanità biex tosserva kemm hu minnu dak li tgħid il-Bibbja: “Triq il-bniedem m’hijiex f’idejh, anqas min jimxi ma jistaʼ jiddirieġi l-passi tiegħu. [“Ikkoreġini, O Ġeħova,” NW].”—Ġeremija 10:23, 24.
Issa, wara dawn is-sekli kollha, nistgħu naraw li l-ħakma indipendenti minn Alla kienet u għadha diżastruża. Għalhekk, Alla mhux se jibqaʼ jippermetti li l-umanità tkompli tagħmel il-ħsara minħabba dan l-esperiment taʼ indipendenza minnu u mil-liġijiet tiegħu.
Futur mill-Isbaħ
Il-profezija tal-Bibbja turi li Alla dalwaqt se jtemm din is-sistema kiefra: “Ftit ieħor, u l-ħażin ma jkunx aktar . . . Imma l-ġwejdin għad jirtu l-art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu.”—Salm 37:10, 11.
Profezija f’Danjel 2:44 tiddikjara: “Fi żmien dawn is-slaten [kull tip taʼ ħakma li teżisti llum], Alla tas-sema jqajjem saltna li ma tinqered qatt, u li l-ħakma tagħha ma tgħaddix għal poplu ieħor. Hija tfarrak u ttemm is-saltniet l-oħra kollha, waqt li hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem.” Il-bniedem qatt ma se jerġaʼ jitħalla jaħkem. L-art kollha se tkun maħkuma mis-Saltna t’Alla. Taħt l-amministrazzjoni tagħha, l-art kollha se ssir ġenna u l-umanità se terġaʼ ssir perfetta biex tgħix fl-hena għal dejjem. Il-Bibbja twiegħed: “[Alla] jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ.” (Rivelazzjoni 21:4) X’futur meraviljuż għandu Alla lest għalina!
Ħajja Differenti
Ħajti nbidlet minħabba li sibt tweġibiet sodisfaċenti għall-mistoqsijiet tiegħi. Minn dakinhar ’il quddiem, ridt naqdi lil Alla u ngħin lil oħrajn biex isibu dawn it-tweġibiet. Fhimt kemm hu serju l-kliem fl-1 Ġwanni 2:17 li jgħid: “Id-dinja [din is-sistema preżenti maħkuma minn Satana] tgħaddi u x-xewqa tagħha wkoll, imma min jagħmel ir-rieda t’Alla jibqaʼ għal dejjem.” Jien xtaqt b’qalbi kollha ngħix għal dejjem fid-dinja l-ġdida t’Alla. Iddeċidejt li nibqaʼ New York u bdejt nissieħeb mal-kongregazzjoni tax-Xhieda taʼ Ġeħova hemmhekk, fejn kelli ħafna esperjenzi sbieħ biex ngħin lil oħrajn jitgħallmu dak li tgħallimt jien.
Fl-1949, iltqajt maʼ Rose Marie Lewis. Hi, ommha Sadie, u s-sitt ħutha bniet kienu kollha Xhieda taʼ Ġeħova. Rose kienet qed taqdi lil Alla fix-xogħol taʼ l-ippridkar full-time. Kellha ħafna kwalitajiet sbieħ, u jien mill-ewwel inġbidt lejha. Iżżewwiġna f’Ġunju taʼ l-1950 u bqajna New York. Konna ferħanin b’dak li bdejna nagħmlu u konna nitgħaxxqu bit-tama li ngħixu għal dejjem fid-dinja l-ġdida t’Alla.
Fl-1957, jien u Rose Marie ġejna mistidnin biex naqdu full-time fil-kwartieri ġenerali tax-Xhieda taʼ Ġeħova fi Brooklyn, New York. Sa Ġunju taʼ l-2004 konna ilna 54 sena miżżewġin, 47 minnhom fil-kwartieri ġenerali fi Brooklyn. Dawn kienu snin taʼ servizz lil Ġeħova mimlijin barkiet fejn ħdimna spalla maʼ spalla m’eluf taʼ sħabna fit-twemmin.
L-Akbar Tbatija Tiegħi
B’dispjaċir, fil-bidu taʼ Diċembru taʼ l2004, lil Rose Marie sabulha tumur f’wieħed mill-pulmuni. L-esperti qablu bejniethom li kien qed jikber malajr u li kellu jitneħħa. L-operazzjoni saret iktar tard f’Diċembru, u xi ġimgħa wara, il-kirurgu ġie fil-kamra taʼ l-isptar taʼ Rose waqt li kont għadni hemm u qalilha: “Rose, tistaʼ tmur id-dar! Int fiqt!”
Madankollu, ftit ġranet biss wara li rritornat id-dar, Rose Marie bdiet tħoss uġigħ kbir fl-istonku u f’partijiet oħrajn. Dan l-uġigħ ma telaqx, allura marret lura l-isptar għal iktar testijiet. Sabu li għal xi raġuni, xi wħud mill-organi vitali tagħha bdew jipproduċu demm magħqud li ma kienx qed iħalli lil dawn l-organi jieħdu l-ossiġnu neċessarju. It-tobba għamlu kulma setgħu biex jiġġieldu kontra din il-kundizzjoni, imma ma rnexxilhomx. Ftit ġimgħat wara biss, fit-30 taʼ Jannar, 2005, jien għaddejt mill-iktar ġrajja traġika li qatt kelli f’ħajti. L-għażiża tiegħi Rose Marie mietet.
Dak iż-żmien kelli kważi 80 sena u kont ili nara nies ibatu ħajti kollha, imma dan kien differenti. Jien u Rose Marie konna bħalma tgħid il-Bibbja, “ġisem wieħed.” (Ġenesi 2:24) Jien kont rajt lil oħrajn ibatu u anki jien batejt meta mietu xi ħbieb jew qraba. Imma t-tbatija li għaddejt minnha meta mietet marti kienet ħafna akbar u fit-tul. Issa nirrealizza sew x’niket tremend ġabet il-mewt tal-maħbubin lill-familja umana għal dan iż-żmien kollu.
Minkejja dan, ma nfnejtx bin-niket minħabba li kont naf minfejn ġejja t-tbatija u kif se tispiċċa. F’Salm 34:19 (34:18, NW) naqraw: “Qrib il-Mulej lejn dawk b’qalbhom maqsuma, jgħin lil dawk b’ruħhom mifnija.” L-għarfien tal-Bibbja li se jkun hemm irxoxt, li dawk li jinsabu fl-oqbra se joħorġu minnhom u se jkollhom l-opportunità li jgħixu għal dejjem fid-dinja l-ġdida t’Alla, kien fundamentali biex nissaporti din it-tbatija. F’Atti 24:15 naqraw: “Se jkun hemm irxoxt kemm tan-nies sewwa u kemm taʼ dawk li m’humiex sewwa.” Rose Marie kellha mħabba tassew kbira għal Alla. Jien ċert li hu kien iħobbha bl-istess mod u li se jiftakarha u jirxoxtaha fiż-żmien xieraq, nittama li dalwaqt.—Luqa 20:38; Ġwanni 11:25.
Waqt li n-niket li ġġib magħha t-telfa taʼ xi ħadd maħbub huwa kbir, il-ferħ tal-prospett li terġaʼ tikseb lill-maħbubin tiegħek fl-irxoxt huwa ħafna akbar. (Marku 5:42) Il-Kelma t’Alla twiegħed: “Jgħixu mill-ġdid il-mejtin tiegħek. . . . L-art trodd il-mejtin.” (Isaija 26:19) Ħafna fost dawk in-nies “sewwa” msemmijin f’Atti 24:15 x’aktarx li se jiġu rxoxtati fil-bidu. Kemm se jkun sabiħ dak iż-żmien! U fost dawk li se jiġu lura se jkun hemm Rose Marie. Kemm se jilqgħuha l-maħbubin tagħha! Kemm se jkun taʼ sodisfazzjon kbir dak iż-żmien li ngħixu f’dinja mingħajr tbatija!
[Stampi f’paġna 9]
Meta kont iċ-Ċina rajt ħafna tbatija
[Stampi f’paġna 10]
Ili mill-1957 naqdi fil-kwartieri ġenerali tax-Xhieda taʼ Ġeħova fi Brooklyn
[Stampa f’paġna 12]
Iżżewwiġt lil Rose Marie fl-1950
[Stampa f’paġna 13]
Fil-50 anniversarju tat-tieġ tagħna, fis-sena 2000