LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 4/15 pp. 8-12
  • Jingħelbu l-Ostakli fil-Panama

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Jingħelbu l-Ostakli fil-Panama
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Pont u Varjetà Kbira taʼ Nies
  • Jingħelbu l-​Ostakli fil-​Comarca
  • Jaqdfu biex Jilħqu l-​Qlub
  • Tingħata Għajnuna lill-​Illetterati
  • Tingħata Għajnuna lil Dawk Neqsin mis-​Smigħ
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 4/15 pp. 8-12

Jingħelbu l-​Ostakli fil-​Panama

“IL-​PANAMA, il-​pont tad-​dinja.” Nofs seklu ilu, dan il-​motto ssemma fi programm popolari tar-​radju fil-​Panama, pajjiż fl-​Amerika Ċentrali. Illum, dan il-​motto jesprimi s-​sentimenti li ħafna għandhom dwar dan il-​pajjiż.

Il-Panama jgħaqqad l-​Amerika taʼ Fuq u t’Isfel bħallikieku kien pont. Iżjed minn hekk, hemm pont letterali li jaqsam il-​famuż Kanal tal-​Panama. Il-​kanal, li huwa bravura taʼ l-​inġinerija, jestendi tul il-​pajjiż, u jgħaqqad l-​oċean Atlantiku u Paċifiku. Dan jippermetti li bastimenti li jbaħħru fit-​tul minn madwar id-​dinja jaqsmu fi ftit sigħat dak li kieku jirrikjedi vjaġġ taʼ xi jiem jew ġimgħat fuq il-​baħar. Iva, il-​Panama jservi bħala konnessjoni importanti bejn ħafna pajjiżi tad-​dinja.

Pont u Varjetà Kbira taʼ Nies

Il-​Panama sar ukoll post taʼ varjetà kbira taʼ nies minn sfondi nazzjonali u etniċi differenti. Dawn in-​nies, flimkien maʼ ħafna gruppi li oriġinaw fil-​Panama, ipproduċew popolazzjoni mħallta li tinsab mifruxa madwar dan il-​pajjiż mill-​isbaħ. Madankollu, huwa possibbli li jingħelbu l-​isfidi li jiġu minn differenzi soċjali, kulturali, reliġjużi, u lingwistiċi, u jkun hemm unità fil-​ħsieb u fl-​iskop ibbażata fuq il-​veritajiet prezzjużi li jinsabu fil-​Kelma t’Alla?

Iva, huwa possibbli. Il-​kliem taʼ l-​appostlu Pawlu mniżżel f’Efesin 2:​17, 18 jindika li l-​Kristjani taʼ l-​ewwel seklu​—kemm Lhud u kemm Ġentili—għelbu sfida simili fuq il-​bażi tas-​sagrifiċċju taʼ Kristu li jġib l-​unità. Pawlu kiteb: “[Ġesù] ġie jxandrilkom l-​aħbar tajba taʼ paċi, lilkom li qegħdin ’il bogħod, u paċi lil dawk li qegħdin fil-​qrib, għax permezz tiegħu aħna, iż-​żewġ popli, nistgħu nersqu lejn il-​Missier bi spirtu wieħed.”

Bl-istess mod illum, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova qed jiddikjaraw “l-​aħbar tajba taʼ paċi” fil-​Panama lil individwi u gruppi li ġew minn postijiet imbiegħda u li għandhom sfondi reliġjużi differenti ħafna. Hemmhekk tiżviluppa għaqda sabiħa bejn dawk li ‘jersqu lejn’ Ġeħova. B’riżultat taʼ dan, ġew ifformati kongregazzjonijiet fil-​Panama b’sitt lingwi differenti​—l-​Ispanjol, il-​Cantonese, il-​Lingwa tas-​Sinjali tal-​Panama, l-​Ingliż, u żewġ lingwi mit-​tribujiet li oriġinaw fil-​pajjiż, li huma Kuna u Ngobere (Guaymí). Huwa inkuraġġanti li nsiru nafu kif membri taʼ dawn il-​gruppi taʼ lingwi differenti ngħaqdu fil-​qima tagħhom lil Ġeħova.

Jingħelbu l-​Ostakli fil-​Comarca

Il-​grupp Ngobe huwa l-​akbar fost it-​tmien gruppi taʼ nies li oriġinaw fil-​Panama. Hemm xi 170,000 ruħ f’dan il-​grupp, u l-​maġġuranza minnhom jgħixu f’post mifrux ħafna li dan l-​aħħar ngħata l-​isem taʼ comarca, jew riserva. Parti kbira minn dan il-​post jikkonsisti f’muntanji mħarbtin miksijin bis-​siġar li tistaʼ tasal għalihom biss bil-​mixi, kif ukoll reġjuni mal-​kosta mill-​isbaħ li tistaʼ tasal għalihom biss bil-​baħar. Xi komunitajiet spiss jiġu stabbiliti mal-​kosta kif ukoll ħdejn ix-​xmajjar, li jservu bħala rotot konvenjenti għat-​trasportazzjoni. Ħafna mir-​residenti tal-​comarca jaqilgħu għajxien miżeru mill-​għelieqi tal-​kafè fil-​muntanji, mis-​sajd, jew billi jaħdmu r-​rabaʼ. Ħafna huma membri tal-​knejjes tal-​Kristjaneżmu. Madankollu, hemm dawk li huma membri taʼ reliġjon lokali magħrufa bħala Mama Tata. Oħrajn imorru għand sukias lokali (qassisin li jipprattikaw il-​maġija li jissejħu xamani) għall-​fejqan meta jkunu morda jew iħossu li qed jiġu turmentati minn spirti ħżiena. Għalkemm ħafna jitkellmu bl-​Ispanjol, l-​iktar li tinftiehem hi l-​lingwa Ngobere.

Jaqdfu biex Jilħqu l-​Qlub

Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jirrealizzaw li huwa importanti li jgħinu lin-​nies jitgħallmu l-​verità b’mod li jilħaq mhux biss lil moħħhom imma wkoll lil qalbhom. Dan jistaʼ jipprovdilhom il-​motivazzjoni bżonnjuża biex jagħmlu l-​bidliet neċessarji f’ħajjithom sabiex jimxu mal-​prinċipji Bibliċi. Għalhekk, il-​ministri li jaqdu bħala pijunieri speċjali u li huma assenjati fi tmien setturi differenti tar-​riserva, studjaw il-​lingwa Ngobere bl-​għajnuna taʼ Xhieda lokali li jitkellmu l-​lingwa.

L-erbatax-il kongregazzjoni li żviluppaw f’dan il-​post għandhom potenzjal rimarkevoli għat-​tkabbir. Per eżempju, ftit tas-​snin ilu, Dimas u Gisela, koppja li jaqdu bħala pijunieri speċjali, ġew assenjati f’kongregazzjoni żgħira taʼ madwar 40 ruħ f’Tobobe, post ħdejn il-​kosta. Ma kienx faċli għalihom li jidraw il-​vjaġġi regulari bil-​kenura sabiex jippridkaw lin-​nies umli tul il-​Kosta taʼ l-​Atlantiku. Dimas u Gisela skoprew li l-​ilma kalm taʼ l-​oċean malajr jistaʼ jifforma f’mewġ perikoluż għall-​aħħar. Idejhom u daharhom spiss kienu juġgħuhom wara li jkunu qadfu minn raħal għall-​ieħor. Sfida oħra kienet li jitgħallmu l-​lingwa lokali. Madankollu, is-​sagrifiċċji u l-​persistenza tagħhom ġew premjati fl-​2001 meta xi 552 persuna attendew it-​Tifkira tal-​mewt taʼ Kristu.

Hekk kif taqsam il-​bajja minn Tobobe hemm ir-​raħal taʼ Punta Escondida. Għal xi żmien, grupp żgħir taʼ pubblikaturi regolarment kienu jaqdfu min-​naħa għall-​oħra tal-​bajja f’kenuri​—jekk it-​temp kien jippermetti​—biex jattendu l-​laqgħat f’Tobobe, u r-​rapporti wrew li kien hemm possibbiltajiet tajbin biex tiġi fformata kongregazzjoni ġdida f’dan il-​post. Minħabba dan, Dimas u Gisela ġew mitlubin imorru joqogħdu f’Punta Escondida. F’inqas minn sentejn, il-​grupp f’Punta Escondida sar kongregazzjoni attiva taʼ 28 ruħ, u għandha attendenza medja taʼ 114-il ruħ għat-​taħdita pubblika kull ġimgħa. Fl-​2004, il-​membri tal-​kongregazzjoni l-​ġdida tgħidx kemm ferħu meta kien hemm total taʼ 458 li attendew it-​Tifkira tal-​mewt taʼ Kristu.

Tingħata Għajnuna lill-​Illetterati

Minħabba li ħafna wħud taʼ qalb onesta tgħallmu jaqraw u jiktbu, huma setgħu jiżviluppaw relazzjoni mill-​qrib maʼ Ġeħova. Dan kien minnu fil-​każ taʼ Fermina, mara żagħżugħa mir-​reġjun muntanjuż tal-​comarca. Xhieda missjunarji li kienu qed jaħdmu f’postijiet iżolati fejn kienet tgħix hi indunaw li kienet interessata ħafna fil-​messaġġ tas-​Saltna. Meta offrewlha studju tal-​Bibbja, hi wiġbithom li tixtieq titgħallem iżjed. Però, kien hemm problema. Hi kienet titkellem kemm bl-​Ispanjol u kemm bil-​lingwa Ngobere, imma ma kinitx taf taqra jew tikteb b’ebda waħda mil-​lingwi. Waħda mill-​missjunarji offriet li tgħallimha, permezz tal-​browxer Apply Yourself to Reading and Writing.a

Fermina, studenta mill-​aqwa, kienet tipprepara l-​lezzjonijiet tagħha bil-​ħeġġa, tagħmel il-​ħowmwerk kollu, u b’diliġenza tipprattika kif tispelli. Fi żmien sena, hi għamlet biżżejjed progress biex setgħet tistudja l-​browxer Int Tistaʼ Tkun il-​Ħabib t’Alla!* Meta ġew stabbiliti l-​laqgħat, Fermina bdiet tattendi. Madankollu, minħabba l-​faqar tal-​familja tagħha, kien diffiċli għaliha li tħallas il-​passaġġ biex tattendi l-​laqgħat maʼ wliedha. Waħda mill-​pijunieri, li kienet taf biċ-​ċirkustanzi taʼ Fermina, issuġġeritilha tikkunsidra li tagħmel u tbigħ ilbiesi tradizzjonali tan-​nisa Ngobe. Fermina hekk għamlet u minkejja l-​bżonnijiet materjali l-​oħra għamlet żgur li tuża l-​flus biss biex tattendi l-​laqgħat Kristjani. Hi u l-​familja tagħha issa marru joqogħdu f’post ieħor, u hi qed tagħmel progress spiritwali. Huma ferħanin li mhux talli ma baqgħux illetterati imma, iktar importanti, talli saru jafu lil Ġeħova.

Tingħata Għajnuna lil Dawk Neqsin mis-​Smigħ

Fil-​Panama, ħafna familji li għandhom membri li huma neqsin mis-​smigħ għandhom it-​tendenza li jħossuhom imbarazzati. Xi drabi, dawn l-​uħud ġew imċaħħdin minn kwalunkwe tip t’edukazzjoni. Ħafna minn dawk neqsin mis-​smigħ iħossuhom iżolati u mwarrbin, ladarba huwa diffiċli ħafna biex tikkomunika magħhom.

Għalhekk, sar evidenti li kellha ssir xi ħaġa biex dawk li huma neqsin mis-​smigħ isiru jafu bl-​aħbar tajba. Bl-​inkuraġġiment taʼ indokratur li jivvjaġġa, grupp taʼ pijunieri u oħrajn mimlijin ħeġġa ddeċidew li jitgħallmu l-​Lingwa tas-​Sinjali tal-​Panama. Minħabba li kienu lesti jagħtu minnhom infushom huma ġew premjati.

Lejn l-​aħħar taʼ l-​2001, grupp tal-​lingwa tas-​sinjali ġie stabbilit fil-​Belt tal-​Panama. Kien hemm attendenza taʼ xi 20 ruħ. Hekk kif l-​aħwa qabdu sew il-​lingwa, huma setgħu jagħtu xiehda lil ħafna wħud li għall-​ewwel darba “semgħu” l-​verità tal-​Bibbja bil-​lingwa tagħhom. Ħafna Xhieda li għandhom tfal neqsin mis-​smigħ ukoll bdew jattendu l-​laqgħat u skoprew li wliedhom setgħu jifhmu t-​tagħlim tal-​Bibbja iktar malajr u saru iktar entużjastiċi dwar il-​verità. Spiss, xi ġenituri tgħallmu l-​lingwa tas-​sinjali, u b’hekk setgħu jikkomunikaw aħjar maʼ wliedhom. Il-​ġenituri setgħu jgħinu lil uliedhom spiritwalment u sabu li l-​familja bdiet tissaħħaħ. L-​esperjenza t’Elsa u bintha, Iraida, turi biċ-​ċar kemm dan hu minnu.

Xhud li taħdem mal-​grupp tal-​lingwa tas-​sinjali saret taf dwar Iraida, marret iżżurha, u ħallitilha l-​browxer Gawdi l-​Ħajja fuq l-​Art Għal Dejjem!b Iraida apprezzat ħafna dak li rnexxielha titgħallem mill-​istampi dwar id-​dinja l-​ġdida. Inbeda studju tal-​Bibbja bil-​browxer. X’ħin lestew din il-​pubblikazzjoni, huma użaw il-​browxer Alla X’Jirrikjedi Minna?* Kien proprju f’dan il-​waqt li Iraida bdiet tistaqsi lil ommha biex tgħinha tipprepara u tispjegalha l-​informazzjoni.

Elsa kellha żewġ problemi: Minħabba li ma kinitx Xhud, hi ma kinitx taf il-​verità tal-​Bibbja, u ma kinitx tifhem il-​lingwa tas-​sinjali. Kienu qalulha li m’għandhiex tuża l-​lingwa tas-​sinjali maʼ bintha imma li bintha kellha titgħallem titkellem. Minħabba dan, il-​komunikazzjoni bejn l-​omm u t-​tifla kienet limitata. Imqanqla mit-​talba għall-​għajnuna taʼ Iraida, Elsa staqsiet lil waħda mix-​Xhieda fil-​kongregazzjoni biex tistudja magħha. Hi qalet: “Għamilt dan għall-​benefiċċju taʼ binti, ladarba qatt ma rajt lil Iraida daqstant eċċitata dwar xi ħaġa.” Elsa ngħaqdet maʼ bintha fl-​istudju u tgħallmet il-​lingwa tas-​sinjali. Hekk kif Elsa ddedikat iktar ħin għal bintha, il-​komunikazzjoni fid-​dar tjiebet. Iraida bdiet toqgħod iktar attenta dwar maʼ min tagħmilha, u bdiet tissieħeb mal-​kongregazzjoni. Issa kemm l-​omm u kemm il-​bint jattendu l-​laqgħat Kristjani b’mod regulari. Elsa dan l-​aħħar tgħammdet, u Iraida miexja lejn din il-​mira. Elsa tgħid li għall-​ewwel darba qed issir taf lil bintha u li issa jistgħu jitkellmu dwar ħafna affarijiet importanti li t-​tnejn li huma jgħożżu.

Il-grupp tal-​lingwa tas-​sinjali, li fforma kongregazzjoni f’April taʼ l-​2003, issa għandu xi 50 pubblikatur tas-​Saltna, u iktar minn dan l-​ammont jattendu l-​laqgħat. Iktar minn terz huma neqsin mis-​smigħ. Gruppi oħra tal-​lingwa tas-​sinjali qed jifformaw fi tlett ibliet ’il barra mill-​belt prinċipali tal-​Panama. Għalkemm għad hemm ħafna xi jsir f’dan il-​qasam, m’hemm ebda dubju li ttieħed pass kbir biex jinkiser is-​“silenzju” bejn in-​nies taʼ qalb onesta li huma neqsin mis-​smigħ u l-​Ħallieq tagħna kollu mħabba, Alla Ġeħova.

Riżultati bħal dawn huma komuni għal dak li qed iseħħ fil-​Panama. Għalkemm ġejjin minn kulturi, lingwi, u sfondi differenti, ħafna ngħaqdu fil-​qima taʼ l-​uniku Alla veru. Il-​verità tal-​Kelma taʼ Ġeħova ġiet trasmessa lil oħrajn b’suċċess minkejja l-​ostakli tal-​komunikazzjoni f’dan il-​pajjiż, li ħafna jikkunsidrawh bħala l-​“pont tad-​dinja.”​—Efesin 4:4.

[Noti taʼ taħt]

a Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

b Pubblikati mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

[Mappep f’paġna 8]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)

IL-​BAĦAR KARIBEW

PANAMA

Tobobe

L-​OĊEAN PAĊIFIKU

Il-​Kanal tal-​Panama

[Stampa f’paġna 8]

Nisa Kuna b’tapizzeriji f’idejhom

[Stampa f’paġna 9]

Missjunarja li qed tippriedka lil mara Ngobe

[Stampa f’paġna 10]

Xhieda minn Ngobe telgħin fuq kenura biex jattendu programm taʼ jum t’assemblea speċjali

[Stampi f’paġna 11]

Il-​verità tal-​Bibbja ġiet trasmessa minkejja d-​differenzi fil-​kultura u fil-​lingwi tal-​Panama

[Stampa f’paġna 12]

L-​Istudju tat-​“Torri taʼ l-​Għassa” bil-​lingwa tas-​sinjali

[Stampa f’paġna 12]

Elsa u bintha, Iraida, igawdu komunikazzjoni bnina

[Sors tal-Istampa f’paġna 8]

Vapur u mara Kuna: © William Floyd Holdman/Index Stock Imagery; ir-​raħal: © Timothy O’Keefe/Index Stock Imagery

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja