LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w06 2/15 pp. 8-12
  • L-Irħula Iżolati tal-Bolivja Jisimgħu Aħbar Tajba

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-Irħula Iżolati tal-Bolivja Jisimgħu Aħbar Tajba
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Sottitli
  • Jissagrifikaw il-​Ħajja Komda tal-​Belt
  • Il-​Vjaġġ Tul ix-​Xmara
  • Se Jiġu Dawk li Huma Interessati?
  • L-​Isfida biex Jillegalizzaw iż-​Żwiġijiet
  • Imsaħħin bl-​Ispirtu taʼ Ġeħova
  • Sakranazz li Jilgħab il-​Flus Jagħti Widen għall-​Messaġġ
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
w06 2/15 pp. 8-12

L-​Irħula Iżolati tal-​Bolivja Jisimgħu Aħbar Tajba

ILTQAJNA madwar 20 ruħ fuq il-​bajja, ħerqanin biex immorru fuq dgħajsa għal vjaġġ taʼ ġurnata ħalli nżuru l-​irħula li jinsabu tul ix-​xmara. Ninsabu f’riġlejn il-​muntanji Andes, fejn ix-​xmara Beni tiltaqaʼ maʼ l-​inħawi ċatti u kbar taʼ l-​Amazon. Huwa post taʼ sbuħija straordinarja.

Imma aħna m’aħniex turisti. Xi wħud minna huma nies lokali; ftit minna ġejna minn bliet ’il bogħod biex ngħixu hawnhekk f’Rurrenabaque, raħal ċkejken u sabiħ b’siġar mimlijin fjuri, bi djar b’soqfa tat-​tiben, u b’toroq li jiġu disturbati biss minn xi ħadd li jgħaddi kultant biex iwassal lil xi persuna b’mutur bħala taxi. Għala se nagħmlu dan il-​vjaġġ?

Dan hu wieħed mill-​ħafna vjaġġi li qed isiru f’ħafna postijiet fil-​Bolivja. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova li ġew minn bliet u pajjiżi oħra qed jieħdu l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla fl-​irħula iżgħar.​—Mattew 24:14.

Il-Bolivja tinsab fiċ-​ċentru taʼ l-​Amerika t’Isfel. Il-​pajjiż fih id-​doppju taʼ Franza imma għandu ftit iktar minn għaxra fil-​mija tal-​popolazzjoni tagħha. Ħafna mill-​abitanti tal-​Bolivja jgħixu fi bliet u rħula li għandhom l-​industrija tal-​minjieri li jinsabu f’postijiet fil-​għoli ħafna jew inkella f’ċentri taʼ l-​agrikultura fil-​widien. Madankollu, l-​irħula tropikali li jinsabu fil-​baxx huma iżolati minħabba meddiet kbar taʼ foresta bejniethom.

Fis-snin 50 u 60, missjunarji kuraġġużi, bħal Betty Jackson, Elsie Meynberg, Pamela Moseley, u Charlotte Tomaschafsky, taw spinta lix-​xogħol f’ħafna mill-​irħula iżolati. Huma għallmu l-​verità tal-​Bibbja lil nies sinċieri u għenu biex jitwaqqfu kongregazzjonijiet żgħar. Matul is-​snin 80 u 90, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova żdiedu sitt darbiet iktar, l-​iktar fil-​bliet. Illum il-​ġurnata hemm kongregazzjoni f’kull akkwata. Dawn tistaʼ ssibhom f’distretti sinjuri, fejn in-​nies jaħdmu f’uffiċini f’bini għoli, jgħixu fi djar lussużi, u jixtru minn supermarkets. Imma hemm ukoll kongregazzjonijiet fl-​inħawi ’l bogħod mill-​belt, fejn in-​nies jgħixu f’għerejjex magħmulin mit-​tafal u t-​tiben imnixxef, jixtru minn fuq il-​monti, u jilbsu ħwejjeġ kuluriti tal-​pajjiż. Madankollu, x’jistaʼ jsir sabiex iktar nies f’pajjiżi iżolati tingħatalhom għajnuna ħalli jsiru jafu lil Ġeħova?

Jissagrifikaw il-​Ħajja Komda tal-​Belt

Matul l-​aħħar għoxrin sena, ħafna nies telqu mill-​irħula taʼ l-​industrija tal-​minjieri u mill-​kampanja fil-​Bolivja u marru fil-​bliet. M’hijiex xi ħaġa normali li nies imorru fid-​direzzjoni l-​oħra—minn belt għal raħal. Ħafna mill-​irħula għandhom biss telefon wieħed u għandhom l-​elettriku għal ftit sigħat kuljum biss. Xi Xhieda li jgħixu f’dawn l-​irħula żgħar għandhom mnejn jaraw lil sħabhom fit-​twemmin fil-​konvenzjonijiet annwali biss, u l-​ivvjaġġar jistaʼ jiswielhom ħafna flus, jistgħu jiltaqgħu mal-​periklu, u jgħejjew. L-​iskejjel fil-​villaġġi joffru biss edukazzjoni bażika. Allura, xi jqanqal lil għadd taʼ Xhieda taʼ Ġeħova biex jitilqu mill-​bliet u jmorru jgħixu fil-​villaġġi?

“Kelli l-​opportunità li nikseb karriera fil-​belt taʼ La Paz,” qal Luis, reċentement. “Imma l-​ġenituri tiegħi dejjem għenuni nżomm f’moħħi li x-​xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli għandu jkun l-​iktar karriera li għandi naħdem għaliha. Allura ħadt kors qasir fis-​sengħa tal-​bini. Waqt li kont fuq vaganza f’Rurrenabaque, innotajt kemm in-​nies kienu ħerqanin biex jisimgħu l-​aħbar tajba. Meta rajt kemm kien hemm ftit aħwa, ħassejt li kelli mmur u nagħti l-​għajnuna tiegħi. Illum qed nikkonduċi 12-il studju tal-​Bibbja fid-​djar. Per eżempju, nistudja maʼ raġel żagħżugħ u martu li għandhom erbat itfal. Hu kien jixrob ħafna u jilgħab il-​flus, imma ma baqax jagħmel dan u beda jgħid lil sħabu x’kien qiegħed jitgħallem dwar Ġeħova. Hu dejjem jipprepara l-​lezzjoni. Meta jkollu jitlaq għal tliet jew erbat ijiem fil-​foresta minħabba li jkun irid jaqtaʼ s-​siġar, hu jkun imdejjaq għax ma jkun jixtieq jitlef l-​ebda attività Kristjana. Meta narahom ilkoll fil-​laqgħat Kristjani, inħoss li swieli ħafna s-​sagrifiċċju li għamilt biex ġejt hawn.”

Juana hija omm waħedha. “Jien kont naħdem bħala seftura f’La Paz,” tgħid hi. “Meta ibni kien għadu żgħir, bdejt naqdi fil-​ministeru full-time fil-​belt. Meta żort Rurrenabaque, irrealizzajt kemm nistaʼ nwettaq iktar jekk niġi ngħix hawn. Allura ġejna ngħixu hawn, u sibt xogħol bħala seftura. Għall-​ewwel, sibtha diffiċli biex nissaporti t-​temp sħun u l-​insetti. Imma issa ilna hawn sebaʼ snin. Kull ġimgħa, nistaʼ nikkonduċi ħafna studji tal-​Bibbja, u ħafna studenti juru l-​apprezzament tagħhom billi jattendu l-​laqgħat.” Juana u binha huma fost dawk li ġew fuq id-​dgħajsa biex imorru fuq il-​vjaġġ tul ix-​xmara. Nistidnuk biex tiġi magħna.

Il-​Vjaġġ Tul ix-​Xmara

Il-​mutur fuq wara tad-​dgħajsa qed jagħmel ħoss qawwi hekk kif qed nersqu lejn daħla dejqa bejn il-​muntanji. Koċċ pappagalli qed jgħajtu biex juruna li mhux qed jieħdu pjaċir bina. L-​ilmijiet mimlijin tajn mill-​muntanji qed iduru magħna bil-​qawwi hekk kif il-​barklor bis-​sengħa jidderieġi d-​dgħajsa minn ġol-​kurrent. Hekk kif l-​għodwa tidħol sewwa, nieqfu biex ninżlu f’villaġġ żgħir. Hawnhekk niltaqgħu m’anzjan mill-​Kongregazzjoni taʼ Rurrenabaque, u jurina fejn se nippridkaw.

In-nies tal-​villaġġ jilqgħuna b’ospitalità, jew taħt id-​dell taʼ xi siġra jew inkella f’xi dar magħmula mill-​bambù msaqqfa b’weraq tal-​palm. Imbagħad, niltaqgħu maʼ koppja għadha żgħira li qed tfarrak il-​kannamiela b’magna tipika magħmula mill-​injam. Is-​sugu jgelgel fi skutella tar-​ram. Iktar tard, jgħallu s-​sugu sakemm isir għasel iswed skur li jistaʼ jinbiegħ fir-​raħal. Huma jistidnuna f’darhom u jistaqsuna ħafna mistoqsijiet dwar il-​Bibbja.

Aħna nkomplu għaddejjin max-​xmara, nippridkaw minn villaġġ għall-​ieħor. Ħafna jieħdu pjaċir jisimgħu fuq dak li tgħid il-​Bibbja dwar it-​tmiem tal-​mard u l-​mewt. (Isaija 25:8; 33:24) Hawnhekk, fejn ma tantx hawn kura medika, ħafna familji għaddew mill-​esperjenza kerha minħabba li tilfu lil xi ħadd mit-​tfal. Il-​ħajja bħala bdiewa u sajjieda li jaħdmu biex imantnu lilhom infushom u lil familthom hija iebsa u m’hijiex stabbli. Għalhekk, ħafna jsibuha verament interessanti l-​wegħda t’Alla mniżżla f’Salm 72 dwar gvern li se jneħħi l-​faqar. Minkejja dan, taħseb li huwa possibbli li nies interessati li jgħixu f’pajjiżi iżolati bħal dawn jagħmlu sforz biex jattendu l-​laqgħat Kristjani? Eric u Vicky, ministri full-time f’Santa Rosa li huwa tliet sigħat bil-​karozza ’l bogħod mill-​Amazon, kienu konċernati b’din il-​mistoqsija.

Se Jiġu Dawk li Huma Interessati?

Eric u Vicky ġew il-​Bolivja minn Kalifornja, l-​Amerika, 12-il sena ilu. Indokratur li jivvjaġġa ssuġġerixxa li huma jmorru joqogħdu Santa Rosa. “Fir-​raħal hemm biss żewġ telefons u m’hemmx aċċess għall-​Internet,” tgħid Vicky. “Hemm ħafna annimali u pjanti. Bosta drabi naraw kukkudrilli, ngħam, u sriep kbar waqt li nkunu għaddejjin fuq il-​mutur inżuru l-​inħawi ’l bogħod mill-​belt. Madankollu, in-​nies huma iktar interessanti mill-​annimali. Aħna nistudjaw il-​Bibbja mal-​koppja Vaca li għadha żgħira u għandha erbat itfal. Huma jgħixu madwar 26 kilometru ’l barra mill-​belt. Il-​missier kien sakranazz imma issa nbidel. Kull ġimgħa, hu jġib il-​familja kollha tiegħu u lil oħtu ż-​żgħira s-​Sala tas-​Saltna. Hu jgħabbi lil martu u t-​tarbija tiegħu fuq wara tar-​rota kbira tiegħu fejn jorbot il-​bagalji. It-​tifel taʼ disaʼ snin iġorr lil oħtu ż-​żgħira fuq rota oħra, u l-​ieħor taʼ tmien snin isuq ir-​rota waħdu. Huma jieħdu tliet sigħat biex jaslu.” Il-​familja verament tħobb lil Ġeħova u tagħmel kull sforz biex tissieħeb mal-​kongregazzjoni.

Fi 18-il xahar biss, 3 kkwalifikaw għall-​magħmudija, u madwar 25 qed jiġu s-​Sala tas-​Saltna l-​ġdida f’Santa Rosa. Għalkemm ħafna nies iridu jistudjaw il-​Bibbja, ħafna minnhom għandhom ostakli kbar x’jegħlbu sabiex jaqdu lil Ġeħova.

L-​Isfida biex Jillegalizzaw iż-​Żwiġijiet

Marina u Osni, missjunarji li jaqdu f’raħal iżolat ħdejn il-​fruntiera bejn il-​Bolivja u l-​Brażil, jispjegaw li ħafna hawnhekk ma jikkunsidrawx iż-​żwieġ bħala għaqda permanenti. Huma jkollhom relazzjonijiet sesswali barra ż-​żwieġ maʼ persuni differenti. “Hija problema li twaqqafhom milli jagħmlu progress spiritwali,” jgħid Osni. “Meta jkunu jridu jsiru Kristjani veri, ikollhom jgħaddu minn proċess komplikat li jiswa l-​flus. Ħafna jkollhom jitilqu lill-​imseħbin li kellhom qabel, u mbagħad jillegalizzaw iż-​żwieġ. Minkejja dan, billi jirrealizzaw li r-​reġistrazzjoni taż-​żwieġ proprja hija ħtieġa Skritturali, xi wħud jaħdmu tassew iebes biex jaqilgħu l-​flus ħalli jħallsu l-​miżati legali.”​—Rumani 13:​1, 2; Ebrej 13:4.

Marina tirrakkonta l-​esperjenza taʼ Norberto. “Hu kien jgħix maʼ ħafna nisa qabel ma mar jgħix maʼ mara li kienet furnara. Hi kienet madwar 35 sena iżgħar minnu u kellha tifel li adotta Norberto. Hekk kif it-​tifel kien qed jikber, Norberto ried ikun t’eżempju aħjar għalih. Allura meta xhud żar il-​forn u offra li jistudja l-​Bibbja magħhom id-​dar b’xejn, Norberto aċċetta, avolja hu ma kienx jaf jaqra u diġà kellu iktar minn 70 sena. Meta Norberto u s-​sieħba tiegħu tgħallmu x’kien jirrikjedi minnhom Ġeħova, huma illegalizzaw iż-​żwieġ u wara tgħammdu. It-​tifel sar Kristjan żagħżugħ responsabbli​—eżattament kif xtaq li jiġri l-​missier adottiv tiegħu. Norberto tgħallem jaqra, u saħansitra beda jagħti taħditiet fil-​laqgħat tal-​kongregazzjoni. Minkejja li huwa dgħajjef minħabba l-​età tiegħu, huwa ministru żeluż taʼ l-​aħbar tajba.”

Imsaħħin bl-​Ispirtu taʼ Ġeħova

Ġesù qal lis-​segwaċi tiegħu tal-​bidu: “Meta l-​ispirtu qaddis jiġi fuqkom tirċievu qawwa u tkunu xhieda tiegħi . . . sa l-​iktar parti mbiegħda taʼ l-​art.” (Atti 1:8) Kemm huwa inkuraġġanti li tara l-​ispirtu t’Alla jqanqal lil irġiel u nisa Kristjani biex imorru jgħixu fi nħawi mbiegħda! Per eżempju, fl-​2004 xi 30 Kristjan żeluż aċċettaw inkarigi temporanji bħala pijunieri speċjali f’territorji iżolati. Huma japprezzaw l-​eżempju taʼ xi 180 barrani li ġew il-​Bolivja biex jaqdu bħala pijunieri, indokraturi tas-​circuit, volontieri f’Betel, jew missjunarji. Is-​17,000 pubblikatur tas-​Saltna fil-​Bolivja jikkonduċu madwar 22,000 studju tal-​Bibbja fid-​djar taʼ wħud interessati.

Il-fatt li dawn l-​aħwa jafu li qed jiġu mmexxijin mill-​ispirtu taʼ Ġeħova jġibilhom ferħ kbir. Per eżempju, Robert u Kathy aċċettaw inkarigu biex imorru jaqdu bħala missjunarji f’Camiri. Dan minn dejjem kien post iżolat minħabba li jinsab fost ħafna għoljiet kollhom ħdura u qiegħed ħdejn xmara. “Jidher li ġejna fi żmien adattat,” jgħid Robert. “F’sentejn, madwar 40 ruħ saru pubblikaturi taʼ l-​aħbar tajba.”

Sakranazz li Jilgħab il-​Flus Jagħti Widen għall-​Messaġġ

Ħafna nies li jgħixu fl-​irħula huma impressjonati bil-​bidliet li jagħmlu dawk li jistudjaw il-​Bibbja. Per eżempju, ġurnata waħda xi erbaʼ snin ilu, sakranazz li jismu Ariel kien fis-​sodda minħabba l-​effetti tax-​xorb. Għalkemm il-​logħob taʼ l-​ażżard tah il-​fama, hu kien jinkwieta kontinwament dwar id-​dejn kbir li kellu, iż-​żwieġ mimli problemi, u l-​fatt li ttraskura lil uliedu l-​bniet. Waqt li kien qed jaħseb dwar dan ħabbatlu Xhud taʼ Ġeħova li kien qed idur minn dar għal dar. Ariel dam jismaʼ b’attenzjoni hekk kif il-​ħu spjegalu mill-​Iskrittura. Ftit wara Ariel reġaʼ sab ruħu fis-​sodda, imma din id-​darba kien qed jaqra dwar il-​ħajja hienja tal-​familja, il-​Ġenna taʼ l-​art, u s-​servizz lil Alla. Iktar tard, hu aċċetta studju tal-​Bibbja.

Sakemm il-​missjunarji waslu Camiri, Arminda, mart Ariel, kienet qiegħda tistudja wkoll​—imma mhux b’daqstant entużjażmu. “Se nipprova nagħmel minn kollox biex inwaqqfu milli jkompli jixrob,” qalet hi. “Imma niddubita kemm se jirriżulta ġid minn dan. M’hemm l-​ebda tama għalih.” Madankollu, l-​istudju tal-​Bibbja kien iktar interessanti milli kienet ħasbet. Fi żmien sena, hi tgħammdet u bdiet tagħti xiehda lill-​familja tagħha. Ftit wara, xi wħud minn qrabatha ddedikaw ruħhom lil Ġeħova.

Ma kienx faċli għal Ariel biex jieqaf jixrob, ipejjep, u jilgħab il-​flus. Kien hemm bidla meta hu stieden lil qrabatu u lil ħbiebu għat-​Tifkira tal-​mewt taʼ Ġesù. Hu ddeċieda: “Dawk li ma jiġux, m’iniex se nibqaʼ nissieħeb magħhom. Se nistudja l-​Bibbja maʼ dawk li jiġu.” Hu beda tliet studji tal-​Bibbja b’dan il-​mod. Saħansitra qabel ma Ariel sar membru tal-​kongregazzjoni, hu studja l-​Bibbja maʼ qarib li għamel progress u tgħammed fl-​istess ġurnata t’Ariel. Arminda tgħid: “Kien bħallikieku l-​personalità li Ariel kellu qabel qatt m’eżistiet.”

Robert jirrapporta: “L-​aħħar li ġew magħdudin, 24 membru minn din il-​familja kienu qed jattendu l-​laqgħat regolarment. Għaxra tgħammdu, u tmienja oħra huma pubblikaturi mhux mgħammdin. Xi wħud li osservaw il-​bidla fil-​kondotta tagħhom bdew ukoll jistudjaw il-​Bibbja u qegħdin jattendu l-​laqgħat tal-​kongregazzjoni. L-​attendenza żdiedet minn 100 ruħ għal 190. Jien u Kathy qegħdin nikkonduċu madwar 30 studju tal-​Bibbja, u dawn kollha jattendu l-​laqgħat. Aħna nħossuna kuntenti li qegħdin hawn.”

Dak li qed jiġri fl-​irħula iżolati tal-​Bolivja huwa biss parti żgħira mill-​ġbir globali msemmi f’Rivelazzjoni kapitlu 7, li jitkellem dwar il-​ġabra taʼ dawk li se jsalvaw mit-​tribulazzjoni l-​kbira “f’jum il-​Mulej.” (Rivelazzjoni 1:10; 7:​9-14) Qatt qabel fl-​istorja tal-​bniedem ma kien hawn miljuni taʼ nies mill-​ġnus kollha magħqudin fil-​qima taʼ l-​uniku Alla veru. X’evidenza eċċitanti li t-​twettiq tal-​wegħdi t’Alla huwa fil-​qrib!

[Stampa f’paġna 9]

Betty Jackson

[Stampa f’paġna 9]

Elsie Meynberg

[Stampa f’paġna 9]

Pamela Moseley

[Stampa f’paġna 9]

Charlotte Tomaschafsky, fit-​tarf fuq il-​lemin

[Stampa f’paġna 10]

Kull ġimgħa l-​familja Vaca jivvjaġġaw tliet sigħat bir-​roti biex jaslu s-​Sala tas-​Saltna

[Stampa f’paġna 10]

Eric u Vicky ġew jaqdu fejn hemm il-​bżonn taʼ iktar pubblikaturi tas-​Saltna

[Stampa f’paġna 11]

In-​nies tal-​villaġġi ħdejn ix-​xmara Beni jisimgħu l-​aħbar tajba b’attenzjoni

[Stampa f’paġna 12]

Robert u Kathy jaqdu bħala missjunarji f’Camiri

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja