‘Ippriedka l-Ħelsien lill- Imjassrin’
FIL-BIDU tal-ministeru tiegħu, Ġesù ddikjara li parti mill-inkarigu tiegħu kien li ‘jippriedka l-ħelsien lill-imjassrin.’ (Luqa 4:18) Billi jsegwu l-eżempju taʼ Sidhom, il-Kristjani veri jippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna lil “bnedmin taʼ kull xorta,” u b’hekk iġibulhom ħelsien mill-jasar spiritwali u jgħinuhom itejbu ħajjithom.—1 Timotju 2:4.
Illum dan ix-xogħol jinkludi li nippridkaw lill-imjassrin letterali—nies li huma fil-ħabs minħabba diversi atti kriminali u li japprezzaw il-fatt li jistaʼ jkollhom ħelsien spiritwali. Gawdi dan ir-rapport inkuraġġanti dwar l-attivitajiet taʼ l-ippridkar tax-Xhieda taʼ Ġeħova fil-ħabsijiet fl-Ukraina u f’postijiet oħra fl-Ewropa.
Minn Drogati Jsiru Kristjani
Serhiia għandu 38 sena u 20 sena minnhom qattagħhom fil-ħabs. Hu saħansitra spiċċa l-iskola fil-ħabs. Hu jgħid: “Snin ilu ġejt mitfugħ il-ħabs minħabba qtil, u għad baqagħli iktar żmien xi nqattaʼ hawnhekk. Fil-ħabs aġixxejt taʼ bùli u l-ħabsin l-oħra kienu jibżgħu minni.” Kien dan iġagħlu jħossu ħieles? Le. Għal ħafna snin, Serhii kien skjav tad-drogi, l-alkoħol, u t-tabakk.
Imbagħad, ħabsi ieħor beda jaqsam il-verità tal-Bibbja miegħu. Kien bħal raġġ taʼ dawl fid-dlam. Ftit xhur wara, hu ħeles mill-vizzji li kellu, sar predikatur taʼ l-aħbar tajba, u tgħammed. Issa Serhii għandu ħajja bieżla fil-ħabs għax jaqdi bħala ministru full-time taʼ Ġeħova. Hu għen lil sebaʼ kriminali biex ibiddlu ħajjithom u jsiru l-aħwa spiritwali tiegħu. Sitta minnhom ħarġu mill-ħabs, iżda Serhii għadu hemm. Hu m’huwiex imdejjaq minħabba dan għax iħossu ferħan li jistaʼ jgħin lil oħrajn biex jinħelsu mill-jasar spiritwali.—Atti 20:35.
Wieħed mill-istudenti taʼ Serhii kien Victor, li qabel kien drogat u traffikant tad-droga. Meta ħareġ mill-ħabs, Victor kompla jagħmel progress spiritwali u eventwalment iggradwa mill-Iskola tat-Taħriġ Ministerjali fl-Ukraina. Issa hu jaqdi bħala pijunier speċjali fil-Moldova. Victor jgħid: “Bdejt inpejjep meta kelli 8 snin, nabbuża mill-alkoħol meta kelli 12, u nieħu d-drogi meta kelli 14. Ridt inbiddel ħajti, iżda l-isforzi kollha tiegħi fallew. Imbagħad, fl-1995, hekk kif jien u marti konna qegħdin nippjanaw biex nitbiegħdu mill-ħbieb ħżiena li kelli, kriminal marid bil-ġenn tal-moħħ qatel lil marti bid-daqqiet taʼ sikkina. Ħajti saret assolutament miżerabbli. ‘Fejn hi marti issa? X’jiġri meta persuna tmut?’ Bqajt nistaqsi l-mistoqsijiet iżda ma stajtx insib it-tweġibiet. Ħadt iktar u iktar drogi biex nimla l-vojt. Ġejt arrestat minħabba li kont nittraffika d-droga u ġejt kundannat għal ħames snin ħabs. Hemmhekk, Serhii għenni biex insib it-tweġibiet. Ipprovajt naqtaʼ d-drogi bosta drabi, iżda kien biss bl-għajnuna tal-Bibbja li issa rnexxieli nagħmel dan. Il-Kelma t’Alla tant hija qawwija!”—Ebrej 4:12.
Kriminali Ħorox Jinbidlu
Vasyl qatt ma ħa d-drogi, iżda hu ma ħelisx mill-jasar. “Il-kickboxing kien il-vizzju tiegħi,” jispjega hu. “Ħarriġt lili nnifsi biex insawwat lin-nies mingħajr ma nħalli ebda tbenġil.” Vasyl uża l-modi vjolenti tiegħu biex jisraq lin-nies. “Intbgħatt il-ħabs tliet darbiet, u minħabba dan marti talbet id-divorzju. Matul l-aħħar ħames snin li kont il-ħabs, bdejt naqra l-letteratura tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Dan qanqalni biex naqra l-Bibbja, iżda xorta waħda kont involut f’dak li kont tassew inħobb nagħmel—il-kickboxing.
“Madankollu, wara li kont ilni naqra l-Bibbja għal sitt xhur, inbdilt minn ġewwa. Meta kont nirbaħ ġlieda ma bqajtx inħoss is-sodisfazzjon li kont inħoss qabel. Għalhekk, bdejt nanalizza ħajti bl-għajnuna taʼ dak li hemm f’Isaija 2:4 u rrealizzajt li jekk ma naġġustax il-mod kif naħsibha, kont se nqattaʼ l-kumplament taʼ ħajti fil-ħabs. Għalhekk, irmejt l-apparat kollu li kelli tal-ġlied u bdejt naħdem fuq il-personalità tiegħi. Ma kienx faċli, iżda l-meditazzjoni u t-talb bil-mod il-mod għenuni biex nieqaf mill-vizzji ħżiena li kelli. Xi drabi, tlabt bil-ħerqa lil Ġeħova bid-dmugħ f’għajnejja biex jagħtini s-saħħa ħalli naqtaʼ għalkollox il-vizzju li kelli. Fl-aħħar irnexxieli.
“Wara li ħriġt mill-ħabs, erġajt ngħaqadt mal-familja tiegħi. Issa naħdem f’minjiera tal-faħam. Dan jagħtini biżżejjed ħin biex nieħu sehem fix-xogħol taʼ l-ippridkar flimkien maʼ marti u nwettaq ir-responsabbiltajiet tiegħi fil-kongregazzjoni.”
Mykola u ħbiebu serqu bosta banek fl-Ukraina. Minħabba dan Mykola spiċċa l-ħabs għal għaxar snin. Qabel ma ntefaʼ l-ħabs, hu kien mar darba biss il-knisja—biex jipprepara ħalli jisraqha. L-affarijiet ma rnexxewx, iżda dik iż-żjara ġiegħlet lil Mykola jemmen li l-Bibbja kienet mimlija stejjer tad-dwejjaq dwar qassisin Ortodossi, xemgħat, u festi reliġjużi. Hu jgħid: “Ma nafx eżatt għaliex, iżda bdejt naqra l-Bibbja. Bqajt mistagħġeb meta skoprejt li ma kien fiha xejn minn dak li kont immaġinajt!” Hu talab għal studju tal-Bibbja u tgħammed fl-1999. Meta tħares lejh issa, bilkemm temmen li dan il-qaddej ministerjali umli darba kien ħalliel tal-banek armat u mill-agħar!
Vladimir ngħata s-sentenza tal-mewt. Waqt li kien qed jistenna l-esekuzzjoni tiegħu, hu talab lil Alla u wiegħdu li jekk jinħeles kien se jaqdih. Sadanittant, inbidlet il-liġi, is-sentenza għall-mewt inbidlet, u minflok kellu jqattaʼ ħajtu l-ħabs. Biex ikun jistaʼ jżomm il-wegħda tiegħu, Vladimir beda jfittex ir-reliġjon vera. Hu nkiteb f’kors taʼ studju bil-korrispondenza u rċieva d-diploma minn knisja Avventista, iżda ma kienx sodisfatt.
Madankollu, wara li qara r-rivisti t-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! fil-librerija tal-ħabs, Vladimir kiteb lill-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Ġeħova fl-Ukraina, u talabhom biex imorru jżuruh. Meta l-aħwa lokali żaruh, hu kien diġà qed jikkunsidra lilu nnifsu bħala Xhud u kien qed jippriedka fil-ħabs. Hu ġie megħjun biex jikkwalifika bħala pubblikatur tas-Saltna. Sakemm inkiteb dan l-artiklu, Vladimir u sebgħa oħra f’dak il-ħabs kienu qed jistennew biex jitgħammdu. Iżda għandhom problema. Ladarba dawk il-ħabsin li jkollhom iqattgħu l-kumplament taʼ ħajjithom il-ħabs jinżammu fiċ-ċelel skond it-twemmin tagħhom, Vladimir u sħabu l-ħabsin fiċ-ċella tiegħu huma kollha taʼ l-istess twemmin. Għalhekk, lil min jistgħu jippridkaw? Huma jaqsmu l-aħbar tajba mal-gwardji tal-ħabs u permezz taʼ l-ittri.
Mill-Ukraina, Nazar mar joqgħod iċ-Ċekoslovakkja, fejn ngħaqad maʼ grupp taʼ ħallelin. Minħabba dan wasal biex qattaʼ tliet snin u nofs il-ħabs. Waqt li kien il-ħabs, hu wieġeb għaż-żjajjar tax-Xhieda taʼ Ġeħova mill-belt taʼ Karlovy Vary, tgħallem il-verità, u nbidel totalment. Meta ra dan, wieħed mill-gwardji tas-sigurtà qal lil wieħed mill-ħabsin li kienu maʼ Nazar: “Kieku intom kollha ssiru bħal dak l-Ukrain, kieku fl-aħħar inkun nistaʼ nbiddel xogħli.” Ieħor qal: “Dawn ix-Xhieda taʼ Ġeħova huma tassew esperti. Fil-ħabs wieħed jidħol bħala kriminal, imma joħroġ raġel onest.” Issa Nazar mar lura lejn daru. Hu tgħallem is-sengħa taʼ mastrudaxxa u żżewweġ, u flimkien maʼ martu qed jaqdi fil-ministeru full-time. Kemm hu grat għaż-żjajjar fil-ħabs li sarulu mix-Xhieda!
Apprezzament Uffiċjali
Il-ħabsin m’humiex l-uniċi nies li huma grati għas-servizz provdut mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Miroslaw Kowalski, kelliemi għal wieħed mill-ħabsijiet fil-Polonja, qal: “Aħna napprezzaw ħafna ż-żjajjar tagħhom. Xi wħud mill-ħabsin ġejjin minn ħajja taʼ swied il-qalb. Probabbilment, huma qatt ma ġew trattati bħala bnedmin. . . . L-għajnuna [tax-Xhieda] għandha valur kbir għax m’għandniex biżżejjed ħaddiema u nies li jedukaw lill-ħabsin.”
Gwardjan taʼ ħabs ieħor fil-Polonja kiteb lill-uffiċċju tal-fergħa, u talab lix-Xhieda biex iżidu l-attività tagħhom fil-ħabs tiegħu. Għala? Hu spjega: “Żjajjar iktar spissi mir-rappreżentanti tat-Torri taʼ l-Għassa jistgħu jgħinu lill-ħabsin biex jiżviluppaw kwalitajiet soċjevoli taʼ min jixtieqhom, u b’hekk ma jibqgħux aggressivi bejniethom.”
Gazzetta Ukraina rrapportat dwar ħabsi li kellu d-dipressjoni u li pprova jikkommetti suwiċidju iżda mbagħad irċieva l-għajnuna mix-Xhieda taʼ Ġeħova. “Bħalissa, dan ir-raġel bil-mod il-mod qed jirkupra emozzjonalment,” jgħid ir-rapport. “Hu jżomm mar-rutina tal-ħabs u huwa t’eżempju għal ħabsin oħrajn.”
Benefiċċji Wara li Joħorġu mill-Ħabs
Il-benefiċċji tax-xogħol li jsir mix-Xhieda taʼ Ġeħova m’huwiex limitat għall-ħabs biss. Wara li joħorġu mill-ħabs, il-ħabsin ikomplu jibbenefikaw mill-għajnuna tax-Xhieda. Żewġ Xhieda, Brigitte u Renate, ilhom jgħinu lill-ħabsin nisa b’dan il-mod għal diversi snin. Gazzetta Ġermaniża, Main-Echo Aschaffenburg, tirrapporta dwarhom: “Huma jieħdu ħsieb il-ħabsin minn tlieta sa ħames xhur wara li joħorġu mill-ħabs, u jinkuraġġuhom biex isibu skop f’ħajjithom. . . . Huma ġew rikonoxxuti uffiċjalment bħala uffiċjali volontiera li jieħdu ħsieb il-ħabsin wara li joħorġu mill-ħabs. . . . Għandhom ukoll kuntatt inkuraġġanti u pożittiv maʼ min jaħdem fil-ħabs.” Għadd taʼ persuni ddedikaw ħajjithom lil Ġeħova bħala riżultat taʼ dan it-tip t’għajnuna.
Anki l-uffiċjali tal-ħabs jibbenefikaw mix-xogħol t’edukazzjoni mill-Bibbja tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Per eżempju, Roman kien maġġur militari u psikologu f’ħabs fl-Ukraina. Meta x-Xhieda żaruh f’daru, hu aċċetta li jibda studju tal-Bibbja. Imbagħad sar jaf li x-Xhieda ma setgħux jikkuntattjaw lill-ħabsin fejn kien jaħdem hu. Għalhekk, hu staqsa lill-gwardjan biex jieħu permess sabiex juża l-Bibbja fix-xogħol tiegħu mal-ħabsin. Ix-xewqa tiegħu ġiet aċċettata, u madwar għaxar ħabsin urew interess. B’mod regulari, Roman kien qed jaqsam l-għarfien li dejjem kien qed jikseb minn fuq il-Bibbja maʼ dawn il-ħabsin, u l-isforzi tiegħu ġabu riżultati tajbin ħafna. Wara li nħelsu, xi wħud minnhom komplew jagħmlu progress u saru Kristjani mgħammdin. Meta ra l-qawwa tal-Kelma t’Alla, Roman ħa l-istudju tiegħu iktar bis-serjetà. Hu telaq il-militar u kompla bl-attivitajiet tiegħu t’edukazzjoni mill-Bibbja. Issa hu jieħu sehem fix-xogħol tal-ministeru maʼ raġel li qabel kien ħabsi.
“Hawnhekk aħna ngħixu permezz tal-Bibbja, il-pubblikazzjonijiet tal-Bibbja, u l-istudju tal-Bibbja,” kiteb wieħed ħabsi. Dan il-kliem juri l-bżonn li hemm f’xi ħabsijiet għal-letteratura Biblika. Kongregazzjoni waħda fl-Ukraina tirrapporta dwar ix-xogħol t’edukazzjoni mill-Bibbja li qed isir f’ħabs lokali: “L-amministrazzjoni hija grata għal-letteratura li nipprovdu. Aħna nagħtuhom 60 kopja taʼ kull ħarġa tat-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ!” Kongregazzjoni oħra tikteb: “Aħna nieħdu ħsieb ħabs li għandu 20 librerija żgħira. Fornejna kull librerija bil-pubblikazzjonijiet ewlenin tagħna. Dan ammonta għal 20 kaxxa taʼ letteratura.” F’ħabs wieħed, il-gwardji jżommu fajl bir-rivisti tagħna fil-librerija biex b’hekk il-ħabsin ikunu jistgħu jibbenefikaw minn kull ħarġa.
Fl-2002, l-uffiċċju tal-fergħa fl-Ukraina stabbilixxa dipartiment għall-korrispondenza mal-ħabsin. S’issa, ġew kuntattjati madwar 120 ħabs u xi kongregazzjonijiet ġew inkarigati minn dan id-dipartiment biex jieħdu ħsiebhom. Kull xahar jirċievu madwar 50 ittra mill-ħabsin, li bosta minnhom jitolbu letteratura jew studju tal-Bibbja. Il-fergħa tibagħtilhom kotba, rivisti, u browxers sakemm l-aħwa lokali jkunu jistgħu jikkuntattjawhom.
“Żommu f’moħħkom lil dawk li qegħdin marbutin fil-ħabs,” kiteb l-appostlu Pawlu lill-Kristjani sħabu. (Ebrej 13:3) Hu kien qed jirreferi għal dawk li kienu fil-ħabs minħabba l-fidi tagħhom. Illum, ix-Xhieda taʼ Ġeħova jżommu f’moħħhom lil dawk li qegħdin fil-ħabs, iżuru l-ħabsijiet, u ‘jippridkaw il-ħelsien lill-imjassrin.’—Luqa 4:18.
[Nota taʼ taħt]
a Xi ismijiet ġew mibdulin.
[Stampa f’paġna 9]
Il-ħajt tal-ħabs, L’viv, l-Ukraina
[Stampa f’paġna 10]
Mykola
[Stampa f’paġna 10]
Vasyl maʼ martu, Iryna
[Stampa f’paġna 10]
Victor