LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w05 9/1 pp. 23-26
  • Il-Mennoniti Jfittxu l-Verità tal-Bibbja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Mennoniti Jfittxu l-Verità tal-Bibbja
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Sottitli
  • Min Huma l-​Mennoniti?
  • Il-​Mennoniti Llum
  • Kif Inżergħet Żerriegħa tal-​Verità
  • Jiffaċċjaw il-​Provi Minħabba l-​Verità
  • Isibu Fratellanza Kollha Mħabba
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
w05 9/1 pp. 23-26

Il-​Mennoniti Jfittxu l-​Verità tal-​Bibbja

GĦODWA waħda, f’Novembru tas-​sena 2000, xi missjunarji tax-​Xhieda taʼ Ġeħova fil-​Bolivja ttawlu mit-​tieqa tad-​dar ċkejkna tagħhom u raw grupp taʼ rġiel u nisa, bi lbies sempliċi, weqfin beżgħanin quddiem il-​grada. Meta l-​missjunarji fetħu l-​grada, il-​viżitaturi fil-​pront qalu, “Irridu nsibu l-​verità mill-​Bibbja.” Il-​viżitaturi kienu Mennoniti. L-​irġiel kienu lebsin dangarì u n-​nisa fardal skur u kienu jitkellmu bejniethom bi djalett Ġermaniż. F’għajnejhom stajt tara l-​biżaʼ. Baqgħu jħarsu madwarhom biex jaraw jekk kienx segwihom xi ħadd. Minkejja dan, saħansitra waqt li kienu telgħin it-​taraġ biex jidħlu fid-​dar, wieħed miż-​żgħażagħ qal, “Irrid inkun naf lil dawk in-​nies li jużaw l-​isem t’Alla.”

X’ħin daħlu ġewwa, il-​viżitaturi bdew jikkalmaw hekk kif ġew servuti xi ħaġa x’jieklu u x’jixorbu. Kienu ġew minn kolonja taʼ bdiewa li kienet imbiegħda u maqtugħa għaliha. Hemmhekk, kienu ilhom jirċievu r-​rivista Torri taʼ l-​Għassa bil-​posta għal sitt snin. “Qrajna li se jkun hemm ġenna taʼ l-​art. Huwa minnu dan?” staqsew huma. Ix-​Xhieda tawhom it-​tweġiba mill-​Bibbja. (Isaija 11:9; Luqa 23:43; 2 Pietru 3:​7, 13; Rivelazzjoni 21:​3, 4) “Qed tara!” qal wieħed bidwi lill-​oħrajn. “Huwa minnu. Se jkun hemm ġenna fuq l-​art.” L-​oħrajn komplew jgħidu: “Naħseb li sibna l-​verità.”

Min huma l-​Mennoniti? X’jemmnu? Sabiex inwieġbu dawn il-​mistoqsijiet, irridu mmorru lura għas-​seklu 16.

Min Huma l-​Mennoniti?

Fis-​seklu 16, iż-​żjieda f’daqqa fit-​traduzzjoni u l-​istampar tal-​Bibbja bil-​lingwi komuni taʼ l-​Ewropa reġgħet qajmet l-​interess biex in-​nies jistudjaw il-​Bibbja f’dawn l-​inħawi. Luteru u Riformisti oħrajn ċaħdu ħafna mit-​tagħlim tal-​Knisja Kattolika. Madankollu, il-​knejjes Protestanti ġodda li nħolqu żammew ħafna prattiċi mhux Bibliċi. Per eżempju, ħafna kienu jesiġu li kull tarbija ġdida tiġi mgħammda fil-​knisja. Mill-​banda l-​oħra, xi wħud li kienu qed ifittxu l-​verità tal-​Bibbja rrealizzaw li persuna ssir parti mill-​kongregazzjoni Kristjana biss jekk tieħu deċiżjoni bbażata fuq l-​għarfien li tkun ħadet qabel ma titgħammed. (Mattew 28:​19, 20) Xi predikaturi żelużi li kienu jħaddnu dan it-​twemmin bdew jivvjaġġaw fi bliet u rħula, jgħallmu l-​Bibbja u jgħammdu lill-​adulti. Għalhekk, bdew jissejħu Anabattisti, jiġifieri, “dawk li jerġgħu jitgħammdu.”

Wieħed raġel li mar għand l-​Anabattisti biex ifittex il-​verità kien Menno Simons, qassis Kattoliku fir-​raħal taʼ Witmarsum fit-​tramuntana taʼ l-​Olanda. Sas-​sena 1536, hu kien qataʼ kull kuntatt li kellu mal-​knisja, u l-​awtoritajiet tal-​knisja kienu qed jikkaċċjawh. Fl-​1542, l-​Imperatur Ruman Qaddis Karlu V innifsu wiegħed 100  munita Olandiża bħala premju għal min jaqbad lil Menno. Minkejja dan kollu, Menno ġabar ftit mill-​Anabattisti fi gruppi. Hu u s-​segwaċi tiegħu ma damux ma bdew jissejħu Mennoniti.

Il-​Mennoniti Llum

Maż-​żmien, eluf taʼ Mennoniti kellhom jitilqu mill-​Ewropa tal-​Punent u jmorru lejn l-​Amerika taʼ Fuq minħabba li nqalgħet il-​persekuzzjoni. Hemmhekk, huma kellhom l-​opportunità li jkomplu jfittxu l-​verità u jaqsmu l-​messaġġ tagħhom maʼ ħafna oħrajn. Imma ż-​żelu jaħraq li kellhom dawk taʼ qabilhom biex jistudjaw il-​Bibbja b’mod progressiv u jippridkaw pubblikament bired mhux ħażin. Ħafna baqgħu jħaddnu ċertu tagħlim li m’huwiex skond il-​Bibbja, bħat-​Trinità, l-​immortalità tar-​ruħ, u n-​nar taʼ l-​infern. (Koħèlet 9:5; Eżekjel 18:​4, KŻ; Marku 12:29) Illum, ix-​xogħol missjunarju tal-​Mennoniti għandu x’jaqsam iktar maʼ servizzi mediċi u soċjali milli maʼ l-​evanġelizzar.

Huwa kalkulat li llum hawn madwar 1,300000 Mennonita jgħixu f’65 pajjiż differenti. Madankollu, il-​Mennoniti taʼ żmienna jilmentaw dwar in-​nuqqas t’għaqda bejniethom, bħalma kien ilmenta Menno Simons sekli ilu. Matul l-​ewwel gwerra dinjija, opinjonijiet differenti dwar il-​konflitti tad-​dinja wasslu għal frid enormi. Ħafna minnhom fl-​Amerika taʼ Fuq irrifjutaw is-​servizz militari minħabba raġunijiet imniżżlin fil-​Bibbja. Imma l-​ktieb An Introduction to Mennonite History jgħid: “Sa l-​1914, l-​irrifjutar tas-​servizz militari fil-​biċċa l-​kbira kien xi ħaġa tal-​passat għall-​knejjes tal-​Mennoniti fl-​Ewropa tal-​Punent.” Illum, xi ftit jew wisq, xi gruppi tal-​Mennoniti adattaw metodi iktar moderni. Oħrajn għadhom jaqflu ħwejjiġhom bil-​krieket u l-​ħoloq minflok ma jaqfluhom bil-​buttuni, u jemmnu li l-​irġiel m’għandhomx iqaxxru l-​leħja.

Xi gruppi tal-​Mennoniti, minħabba li kienu determinati li jibqgħu separati mid-​dinja moderna, ħadu l-​komunitajiet tagħhom lejn postijiet fejn il-​gvernijiet ħallewhom jgħixu mingħajr tfixkil. Fil-​Bolivja, per eżempju, huwa stmat li 38,000 Mennonita adult jgħixu f’għadd taʼ kolonji mbegħdin, u kull waħda għandha regoli differenti. Xi kolonji jipprojbixxu l-​użu tal-​vetturi, u jippermettu biss żwiemel bil-​karettuni. Ċerti kolonji jipprojbixxu r-​radju, it-​televixin, u l-​mużika. Xi wħud saħansitra jipprojbixxu li wieħed jitgħallem il-​lingwa tal-​pajjiż li huma stess jgħixu fih. “Sabiex iżommuna taħt idejhom, il-​predikaturi ma jħalluniex nitgħallmu l-​Ispanjol,” ikkummenta raġel li jgħix f’kolonja minnhom. Ħafna jħossuhom maħqurin u jgħixu bil-​biżaʼ li jiġu mkeċċijin mill-​komunità​—prospett terribbli għal xi ħadd li qatt ma ġarrab il-​ħajja barra mill-​komunità.

Kif Inżergħet Żerriegħa tal-​Verità

Kien f’dawn iċ-​ċirkustanzi li Mennonita bidwi bl-​isem taʼ Johann ra kopja tar-​rivista Torri taʼ l-​Għassa fid-​dar tal-​ġâr tiegħu. Il-​familja taʼ Johann kienet emigrat mill-​Kanada għall-​Messiku u iktar tard lejn il-​Bolivja. Imma Johann dejjem xtaq l-​għajnuna biex ifittex il-​verità tal-​Bibbja. Hu talab biex jissellef ir-​rivista.

Iktar tard, meta kien qiegħed fil-​belt ibigħ il-​prodotti tal-​biedja tiegħu, Johann avviċina Xhud li kienet qed toffri t-​Torri taʼ l-​Għassa fis-​suq. Hi bagħtitu għand missjunarju li jitkellem bil-​Ġermaniż, u Johann ma damx ma beda jirċievi bil-​posta It-​Torri taʼ l-​Għassa bil-​Ġermaniż. Fil-​kolonja tiegħu, kull ħarġa tar-​rivista kienet tiġi studjata bir-​reqqa u mgħoddija minn familja għall-​oħra sakemm kienet teqdiem. Kultant xi familji kienu jinġabru u jistudjaw xi rivista tat-​Torri taʼ l-​Għassa sa nofsillejl u kienu jfittxu l-​iskritturi ċitati mill-​Bibbja. Johann ikkonvinċa ruħu li x-​Xhieda taʼ Ġeħova kienu l-​uħud li qed jagħmlu r-​rieda t’Alla f’unità maʼ l-​art kollha. Qabel ma miet, Johann qal lil martu u lil uliedu: “Għandkom dejjem taqraw It-​Torri taʼ l-​Għassa. Se jgħinkom tifhmu l-​Bibbja.”

Xi membri mill-​familja taʼ Johann bdew jitkellmu mal-​ġirien dwar l-​affarijiet li kienu qed jitgħallmu mill-​Bibbja. “L-​art mhix se tinqered. Pjuttost, Alla se jagħmilha ġenna taʼ l-​art,” qalu huma. “U Alla ma jitturmentax lin-​nies fl-​infern.” Il-​predikaturi tal-​knisja ma damux ma semgħu b’dawn il-​konversazzjonijiet, u heddew lill-​familja taʼ Johann li kienu se jkeċċuhom jekk ma jiqfux. Iktar tard, waqt diskussjoni tal-​familja dwar il-​pressjoni li kienu qed jirċievu mingħand dawk il-​Mennoniti mlaħħqin, kien hemm żagħżugħ li ġibdilhom l-​attenzjoni. “Ma nafx għala qegħdin nilmentaw dwar l-​imlaħħqin tal-​knisja tagħna,” qal hu. “Ilkoll nafu liema hija r-​reliġjon vera, u għadna m’għamilna xejn dwar dan.” Dan il-​kliem mess il-​qalb taʼ missier iż-​żagħżugħ. Ftit wara, għaxar membri mill-​familja lestew ruħhom biex imorru fuq vjaġġ sigriet ħalli jfittxu lix-​Xhieda taʼ Ġeħova u spiċċaw fid-​dar tal-​missjunarji, kif issemma fil-​bidu.

L-għada, il-​missjunarji marru jżuru lill-​ħbieb ġodda tagħhom fil-​kolonja. Il-​karozza tal-​missjunarji kienet l-​unika waħda fit-​triq. Waqt li saqu bil-​mod minn ħdejn iż-​żwiemel bil-​karrettuni, il-​missjunarji u r-​residenti bdew iħarsu lejn xulxin b’kurżità. Ftit wara, il-​missjunarji kienu bil-​qiegħda madwar mejda flimkien m’għaxar Mennoniti, li kienu jirrappreżentaw lil żewġ familji.

Dakinhar ħadu erbaʼ sigħat biex studjaw lewwel kapitlu tal-​ktieb Għarfien li Jwassal Għall-​Ħajja taʼ Dejjem.a F’kull paragrafu, il-​bdiewa fittxew skritturi oħrajn u xtaqu jkunu jafu jekk huma kinux qed japplikaw il-​versi sew. Wara kull mistoqsija fl-​istudju kienu jieqfu għal ftit minuti sakemm il-​bdiewa kienu jikkonsultaw flimkien bi djalett Ġermaniż qabel ma l-​kelliemi kien iwieġeb għal kulħadd bl-​Ispanjol. Kienet ġurnata memorabbli, imma kienet ġejja maltempata taʼ inkwiet. Dalwaqt kienu se jiffaċċjaw provi, kif ġralu Menno Simons meta beda jfittex il-​verità tal-​Bibbja kważi ħames sekli qabel.

Jiffaċċjaw il-​Provi Minħabba l-​Verità

Xi ftit ġranet wara, l-​imlaħħqin tal-​knisja marru d-​dar tal-​familja taʼ Johann u tawhom twiddiba taʼ l-​aħħar kemm lilhom u kemm lil dawk li kienu jitkellmu max-​Xhieda taʼ Ġeħova: “Smajna li x-​Xhieda taʼ Ġeħova ġew iżurukom. Tħalluhomx jiġu lura, u jekk ma ġġibux il-​letteratura li tawkom ħalli naħarquha, se naqtgħukom mill-​kolonja.” Minħabba li kienu għamlu studju tal-​Bibbja wieħed biss max-​Xhieda, din kienet prova iebsa.

“Aħna ma nistgħux nagħmlu dak li għedtulna,” qal wieħed mill-​kapijiet tal-​familja. “Dawn in-​nies ġew biex jgħallmuna l-​Bibbja.” Kif aġixxew l-​imlaħħqin? Huma keċċewhom talli kienu qed jistudjaw il-​Bibbja! X’daqqa taʼ ħarta dik! Fil-​kolonja, il-​karettun tal-​fabbrika tal-​ġobon kien jgħaddi minn quddiem id-​dar taʼ familja minnhom mingħajr ma jiġbor il-​ħalib. Minħabba f’hekk, il-​familja ġiet imċaħħda mill-​uniku dħul taʼ l-​għajxien tagħha. Kap taʼ familja minnhom ġie mkeċċi minn fuq ix-​xogħol. Ieħor ma tħallix jixtri mill-​ħanut tal-​kolonja, u t-​tifla tiegħu li kellha għaxar snin tkeċċiet mill-​iskola. Xi ġirien dawru d-​dar taʼ wieħed mill-​irġiel żagħżagħ biex jiħdulu lil martu, għax bdew jinsistu li din ma setgħetx tgħix maʼ żewġha li kien ġie mkeċċi. Minkejja dan kollu, il-​familji li studjaw il-​Bibbja ma qatgħux qalbhom biex ikomplu jfittxu l-​verità.

Il-missjunarji komplew jagħmlu l-​vjaġġ twil tagħhom taʼ kull ġimgħa bil-​karozza sabiex jikkonduċu l-​istudju tal-​Bibbja. Kemm kienu taʼ inkuraġġiment dawn l-​istudji għall-​familji! Xi membri tal-​familji vvjaġġaw sagħtejn biż-​żiemel u l-​karettun sabiex ikunu preżenti. Kienet okkażjoni kommoventi meta għall-​ewwel darba l-​familji stiednu wieħed mill-​missjunarji biex jgħid talba. F’dawn il-​kolonji, il-​Mennoniti qatt ma jitolbu b’leħen għoli, u allura qatt qabel ma kienu semgħu lil xi ħadd jitlob għan-​nom tagħhom. L-​irġiel kellhom id-​dmugħ f’għajnejhom. U tistaʼ timmaġina l-​kurżità li kellhom meta l-​missjunarji ħadu magħhom tejp rikorder! Qatt ma kellhom permess jisimgħu l-​mużika fil-​kolonja tagħhom. Tant ferħu bl-​Għanjiet tas-​Saltna sbieħ li ddeċidew li jibdew ikantawhom wara kull studju! Minkejja dan, baqgħet il-​mistoqsija, Kif kienu se jkampaw fiċ-​ċirkustanzi ġodda li kellhom?

Isibu Fratellanza Kollha Mħabba

Minħabba li ġew maqtugħin mill-​komunità tagħhom, il-​familji bdew jagħmlu l-​ġobon huma stess. Il-​missjunarji għenuhom isibu lil min jixtri l-​ġobon tagħhom. Xhud li kien ilu jgħix fl-​Amerika taʼ Fuq u li trabba f’kolonja tal-​Mennoniti fl-​Amerika t’Isfel semaʼ bl-​istat imwiegħer tal-​familji. Kellu xewqa kbira li jgħinhom. Fi żmien ġimgħa, niżel il-​Bolivja bl-​ajruplan biex iżurhom. Barra li tahom ħafna inkuraġġiment spiritwali, hu għen lill-​familji biex jixtru trakk pickup ħalli b’hekk ikunu jistgħu jmorru għal-​laqgħat fis-​Sala tas-​Saltna u wkoll jieħdu l-​prodotti tal-​biedja tagħhom is-​suq.

“Sibnieha diffiċli meta ġejna mkeċċijin mill-​komunità. Konna naslu s-​Sala tas-​Saltna mnikktin,” tgħid membru taʼ familja minnhom, “imma konna mmorru lura ferħanin.” Tabilħaqq, ix-​Xhieda lokali tawhom l-​għajnuna tagħhom meta rawhom fil-​bżonn. Xi wħud tgħallmu l-​Ġermaniż, u xi Xhieda li jitkellmu bil-​Ġermaniż ġew mill-​Ewropa lejn il-​Bolivja sabiex jgħinu ħalli jikkonduċu laqgħat Kristjani bil-​Ġermaniż. Fi żmien qasir, 14-il membru mill-​komunità tal-​Mennoniti bdew jippridkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna lil oħrajn.

Fit-12 t’Ottubru, 2001, ftit inqas minn sena wara li żaru għall-​ewwel darba d-​dar missjunarja, ħdax minn dawk li qabel kienu Anabattisti reġgħu tgħammdu, din id-​darba b’simbolu tad-​dedikazzjoni tagħhom lil Ġeħova. Minn dakinhar ’l hawn, ħafna oħrajn għamlu dan listess pass. Iktar tard, wieħed minnhom ikkummenta: “Mindu tgħallimna l-​verità mill-​Bibbja, inħossuna bħala lsiera li ġejna meħlusin.” Ieħor qal: “Ħafna Mennoniti jilmentaw minħabba n-​nuqqas taʼ mħabba li teżisti fil-​komunità tagħhom. Imma x-​Xhieda taʼ Ġeħova jieħdu interess f’xulxin. Inħossni protett meta nkun f’nofshom.” Jekk qed tfittex għal fehma aħjar tal-​verità mill-​Bibbja, int ukoll għandek mnejn issib id-​diffikultajiet. Imma jekk tfittex għall-​għajnuna taʼ Ġeħova u turi fidi u kuraġġ kif għamlu dawn il-​familji, int ukoll se tirnexxi u ssib l-​hena.

[Nota taʼ taħt]

a Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

[Stampa f’paġna 25]

Ferħanin li rċivew letteratura tal-​Bibbja bil-​Ġermaniż

[Stampa f’paġna 26]

Għalkemm il-​mużika kienet dejjem projbita, illum huma jkantaw wara kull studju tal-​Bibbja

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja