Tama f’Nofs id-Disprament—Assemblea f’Kamp tar-Refuġjati
IL-KAMP tar-refuġjati taʼ Kakuma jinsab fin-naħa taʼ fuq tal-Kenja, viċin il-fruntiera mas-Sudan. Fih joqogħdu iktar minn 86,000 ruħ. F’dawn l-inħawi hemm nixfa kbira, u t-temperaturi matul il-ġurnata jilħqu l-50°C. Il-vjolenza fost ir-refuġjati hija komuni. Għal ħafna wħud, il-kamp huwa post taʼ disprament. Madankollu, uħud oħrajn għandhom tama.
Fost ir-refuġjati hemm diversi Xhieda taʼ Ġeħova li qed jiddikjaraw l-aħbar tajba tas-Saltna b’żelu kbir. Huma parti minn kongregazzjoni żgħira f’Lodwar, 120 kilometru ’l bogħod min-nofsinhar tal-kamp. Imbagħad l-iktar kongregazzjoni fil-qrib tinsab xi tmien sigħat ’il bogħod bil-karozza.
Peress li r-refuġjati ma jistgħux jivvjaġġaw liberament barra l-kamp, ħafna ma jistgħux jattendu l-assembleat u l-konvenzjonijiet li jkollhom ix-Xhieda taʼ Ġeħova. Minħabba f’hekk, saru xi arranġamenti biex jinżamm jum t’assemblea speċjali ġewwa l-kamp.
Il-Vjaġġ Lejn it-Tramuntana
Biex jappoġġaw l-assemblea, 15-il Xhud mill-belt t’Eldoret, 480 kilometru ’l isfel mill-kamp, offrew li jagħmlu dan il-vjaġġ iebes lejn ir-reġjun niexef fin-naħa taʼ fuq, flimkien maʼ student tal-Bibbja li offra li jħallihom jużaw il-vann tiegħu kif ukoll li jipprovdilhom sewwieq. Huma xtaqu minn qalbhom li jinkuraġġixxu u jsaħħu lil ħuthom.
Il-vjaġġ beda kmieni f’għodwa kiesħa fl-inħawi muntanjużi tal-punent tal-Kenja. It-triq kollha skossi l-ewwel kienet titlaʼ mir-rabaʼ u l-foresti u mbagħad tinżel għal ġos-sħana tad-deżert miksi b’siġar u pjanti żgħar. Imrieħel taʼ mogħoż u iġmla kienu qed jirgħu fuq il-ftit ħaxix li setgħu jsibu. In-nies tat-tribujiet kienu għaddejjin bl-ilbies tradizzjonali tagħhom, u ħafna minnhom kellhom magħhom ħatar, qaws, u vleġeġ. Wara li kienu ilhom jivvjaġġaw 11-il siegħa, ix-Xhieda waslu Lodwar, post sħun u mimli trab fejn joqogħdu maʼ l-20,000 ruħ. Ix-Xhieda taʼ dak il-post laqgħu lill-vjaġġaturi u dawn imbagħad marru jistrieħu ftit ħalli jkunu lesti għal tmiem il-ġimgħa li kien se jkun mimli attivitajiet.
L-għada fil-għodu, il-viżitaturi marru jaraw xi ftit mill-postijiet taʼ interess f’dawk l-inħawi. Ma setgħux jonqsu li jaraw il-Lag Turkana, l-akbar wieħed fil-Kenja. Dan hu mdawwar minn kilometri sħaħ taʼ xagħri, u huwa l-iktar post fejn jgħixu kukkudrilli fid-dinja. Il-ftit nies li jgħixu max-xatt jiddependu mill-ilmijiet alkalini taʼ dan il-lag. Fil-għaxija, il-viżitaturi ħadu gost jattendu l-Iskola tal-Ministeru Teokratiku u l-Laqgħa tas-Servizz mal-kongregazzjoni lokali. Is-Sala tas-Saltna hemmhekk hi sabiħa ħafna u nbniet fis-sena 2003 bl-għajnuna tal-programm tal-bini li għandhom ix-Xhieda għall-pajjiżi b’riżorsi limitati.
Il-Jum t’Assemblea Speċjali
Il-Ħadd tħalla għall-jum t’assemblea speċjali. Il-Kongregazzjoni taʼ Lodwar u l-aħwa li kienu qed iżuruha, ngħataw il-permess jidħlu fil-kamp fit-tmienja taʼ fil-għodu. Allura, ix-Xhieda kienu ħerqanin li jibdew kmieni. Ivvjaġġaw fi triq imserrpa f’art mhux għammiela u baqgħu sejrin sal-fruntiera tas-Sudan. It-triq kienet imdawra b’muntanji bil-qċaċet ippontati. Imbagħad il-veduta nfetħet u stajna naraw ir-raħal taʼ Kakuma. Kienet għadha kemm għamlet ix-xita, u t-triq mimlija trab li kienet twassal għall-kamp kienet mgħarrqa f’xi postijiet. Il-biċċa l-kbira mid-djar kienu magħmulin mit-tajn, u s-soqfa mil-landa jew mill-inċirata. Gruppi t’Etjopjani, Somalin, Sudaniżi, u oħrajn kienu jgħixu għalihom fi gruppi. Ir-refuġjati laqgħuhom b’entużjażmu kbir lill-vjaġġaturi.
L-assemblea nżammet f’ċentru taʼ taħriġ. Mit-tpinġijiet fuq il-ħajt wieħed setaʼ jara l-affarijiet koroh li għaddew minnhom ir-refuġjati, imma l-attitudni taʼ dawk kollha fis-sala dakinhar kienet waħda taʼ tama. Kull taħdita ngħatat bl-Ingliż u bis-Swaħili. Xi kelliema fluwenti fiż-żewġ lingwi saħansitra ttraduċew lilhom infushom. Ħu refuġjat mis-Sudan ta l-ewwel taħdita, “Neżaminaw il-Qalb Figurattiva Tagħna.” It-taħditiet l-oħra ngħataw minn anzjani li kienu qed iżuru l-kamp.
Xi ħaġa speċjali f’kull assemblea hija lmagħmudija. Fl-aħħar tat-taħdita tal-magħmudija, kulħadd tefaʼ għajnejh fuq l-uniku kandidat hekk kif dan qam bil-wieqfa. Gilbert kien ħarab maʼ missieru minn pajjiżu matul il-ġenoċidju taʼ l-1994. Għall-ewwel, huma kienu ttamaw li jistkennu fil-Burundi, imma malajr indunaw li kienu għadhom fil-periklu. Gilbert ħarab lejn iz-Zaire, imbagħad lejn it-Tanzanija—xi drabi kellu jinħeba fil-foresta—u fl-aħħar lejn il-Kenja. Meta l-kelliemi laqgħu bħala ħu fil-kongregazzjoni, għajnejn ħafna mill-udjenza mtlew bid-dmugħ. Gilbert, wieqaf quddiem l-assemblea żgħira taʼ 95 ruħ, wieġeb b’vuċi ċara u kunfidenti “Ndiyo!”—“Iva!” bis-Swaħili—għaż-żewġ mistoqsijiet li staqsieh il-kelliemi. Hu u xi aħwa oħrajn kienu ħaffru ħofra żgħira b’idejhom u ksewha bl-inċirata li qabel kienet is-saqaf tad-dar tiegħu stess fil-kamp. Il-ħerqa kbira li kellu biex jitgħammed dehret dakinhar stess fil-għodu, meta mela l-ħofra bl-ilma, barmil barmil, waħdu!
Wieħed mill-mumenti speċjali fis-sessjoni taʼ wara nofsinhar kien meta ġew rakkontati esperjenzi dwar is-sitwazzjoni unika tax-Xhieda refuġjati. Ħu minnhom spjega kif kellem lil wieħed raġel li kien qed jistrieħ taħt siġra.
“Għidli naqra, tistaʼ toqgħod taħt siġra u qatt ma jkollok għalfejn tibżaʼ?”
“Iva,” qal ir-raġel. Imbagħad żied jgħid, “Imma mhux bil-lejl.”
Il-ħu qralu Mikea 4:3, 4: “Kull wieħed jinsab taħt id-dielja tiegħu, u taħt is-siġra tat-tin tiegħu; u ma jkunx hemm min iwerwirhom.” “Qed tara,” spjegalu hu, “fid-dinja l-ġdida t’Alla, qatt m’hu se jkollna għalfejn nibżgħu.” Ir-raġel aċċetta letteratura biex tgħinu jistudja l-Bibbja.
Waħda oħt li vvjaġġat lejn Kakuma kienet għadha kemm tilfet tliet membri intimi tal-familja. Fil-kummenti tagħha dwar l-aħwa fil-kamp, hi qalet: “F’dan il-post jeżistu ħafna diffikultajiet; però, il-fidi tagħhom baqgħet b’saħħitha. Huma jgħixu f’post taʼ dwejjaq, imma qed jaqdu lil Ġeħova bil-ferħ. Jinsabu fil-paċi m’Alla. Jien ġejt inkuraġġita biex inżomm il-paċi u naqdi lil Ġeħova. M’għandi xejn għalxiex ingerger!”
Il-jum t’assemblea malajr intemm. Fl-aħħar taħdita, il-kelliemi semma li kien hemm rappreżentanti minn tmien pajjiżi differenti. Wieħed mir-refuġjati Xhieda osserva li din l-assemblea kienet prova taʼ l-unità u l-imħabba fost ix-Xhieda taʼ Ġeħova f’dinja maqsuma. Il-fratellanza tagħhom hija tassew Kristjana.—Ġwanni 13:35.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 25]
IT-TFAL MITLUFIN TAS-SUDAN
Minn meta bdiet il-gwerra ċivili fis-Sudan fl-1983, ħames miljun ruħ sfaw mingħajr dar. Fosthom kien hemm xi 26,000 tifel u tifla, li ġew mifrudin mill-familji tagħhom. Eluf minnhom ħarbu lejn kampijiet tar-refuġjati fl-Etjopja, u baqgħu hemm għal xi tliet snin. Peress li ġew sforzati biex jitilqu minn hemmhekk, huma reġgħu qasmu s-Sudan biex imorru fin-naħa taʼ fuq tal-Kenja, u dan ħadilhom sena. F’dawn il-vjaġġi diffiċli ġew attakkati mis-suldati, il-ħallelin, l-annimali salvaġġi, u l-mard, u nofs it-tfal biss irnexxielhom isalvaw. Dawn maż-żmien saru l-qalba tal-kamp taʼ Kakuma. Għall-aġenziji li jipprovdu l-għajnuna, huma saru magħrufin bħala t-tfal mitlufin tas-Sudan.
Fil-kamp tar-refuġjati taʼ Kakuma issa hemm joqogħdu refuġjati minn diversi postijiet fosthom mis-Sudan, mis-Somalja, mill-Etjopja, u minn pajjiżi oħrajn. Meta jasal fil-kamp, refuġjat jingħata xi materjal bażiku biex jibni dar u inċirata għas-saqaf. Darbtejn fix-xahar, kull refuġjat jingħata madwar 6 kilojiet dqiq, kilo fażola, u ftit żejt u melħ. Ħafna refuġjati jpartu ftit minn dak li jingħataw m’affarijiet oħra li jkollhom bżonn.
Xi wħud minn dawn it-tfal mitlufin ngħaqdu mill-ġdid mal-familji tagħhom jew issetiljaw f’pajjiżi oħrajn. Imma skond l-uffiċċju li jgħin lir-refuġjati jissetiljaw f’pajjiż ieħor, “eluf oħrajn baqgħu fil-kamp tar-refuġjati taʼ Kakuma, kamp mimli trab u dubbien, fejn iridu jitċabtu biex isibu x’jieklu u biex jiksbu edukazzjoni.”
[Sors]
Courtesy Refugees International
[Mappa f’paġna 23]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
IL-KENJA
Il-kamp taʼ Kakuma
Il-Lag Turkana
Lodwar
Eldoret
Najrobi
[Stampa f’paġna 23]
Il-kundizzjonijiet taʼ l-għajxien fil-kamp huma taʼ sfida
[Stampa f’paġna 23]
Fil-kamp taʼ Kakuma kulħadd jingħata ċertu ammont taʼ ilma
[Stampa f’paġna 23]
Ix-Xhieda mill-Kenja għamlu vjaġġ iebes lejn it-tramuntana biex jinkuraġġixxu lil ħuthom
[Stampa f’paġna 24]
Missjunarju jittraduċi taħdita mogħtija minn pijunier speċjali lokali
[Stampa f’paġna 24]
Il-ħofra li ntużat għall-magħmudija
[Sors tal-Istampa f’paġna 23]
Jingħataw l-ilma u l-Kamp tar-Refuġjati taʼ Kakuma: Courtesy Refugees International