Leali u Sodi—Dakinhar u Issa
Fin-nofsinhar tal-Polonja, ħdejn il-fruntiera mas-Slovakkja u r-Repubblika Ċeka, hemm belt żgħira jisimha Wisła. Għalkemm għandek mnejn qatt ma smajt b’Wisła, din għandha storja li l-Kristjani veri x’aktarx isibuha affaxxinanti u li fiha jispikkaw l-integrità u ż-żelu għall-qima taʼ Ġeħova. B’liema mod?
WISŁA tinsab f’reġjun muntanjuż sabiħ, b’veduta tan-natura li tpaxxi l-għajn. Diversi xmajjar kbar u żgħar jingħaqdu max-Xmara Vistula, u din isserrep qalb widien u muntanji miksijin bis-siġar. In-nies dħulin u l-klima unika tal-post jagħmlu lil Wisła ċentru mediku popolari, u post ideali għall-btajjel tas-sajf u tax-xitwa.
Milli jidher, l-ewwel nies ġew joqogħdu f’dawn l-inħawi b’dan l-isem mill-1590 ’il quddiem. Twaqqaf impjant taʼ l-isserrar taʼ l-injam, u l-pjanuri malajr imtlew b’nies li kienu jrabbu n-nagħaġ u l-baqar u jaħdmu r-rabaʼ. Imma dawn in-nies komuni nqabdu f’bidla reliġjuża kbira. Ir-reġjun kien effettwat ħafna mir-riformi reliġjużi li beda Luteru, u l-Luteraniżmu kien sar “ir-reliġjon taʼ l-Istat fl-1545,” skond ir-riċerkatur Andrzej Otczyk. Madankollu, il-Gwerra tat-Tletin Sena u l-Kontroriforma li ġew wara biddlu s-sitwazzjoni b’mod drammatiku. “Fl-1654 ngħalqu l-knejjes kollha tal-Protestanti, il-laqgħat tagħhom ġew projbiti, u ġew konfiskati Bibbji u kotba reliġjużi oħra,” ikompli Otczyk. Madankollu, il-maġġuranza tan-nies lokali baqgħu Luterani.
L-Ewwel Żrieragħ tal-Verità Biblika
B’ferħ, kienet waslet biex isseħħ riforma reliġjuża iktar importanti. Fl-1928 inżergħu l-ewwel żrieragħ tal-verità Biblika minn żewġ Studenti tal-Bibbja żelużi, bħalma kienu msejħin ix-Xhieda taʼ Ġeħova dak iż-żmien. Is-sena taʼ wara, Jan Gomola wasal f’Wisła b’fonografu u semma diversi taħditiet Skritturali rekordjati. Imbagħad, hu mar f’wied fil-viċin fejn sab bniedem li qagħad jisimgħu b’attenzjoni—Andrzej Raszka, raġel qasir u mibni li kien jgħix fil-muntanji u li kellu qalbu lesta biex tismaʼ. Minnufih, Raszka ħareġ il-Bibbja tiegħu biex jikkonferma dak li kien intqal fit-taħditiet tal-fonografu. Imbagħad esklama: “Għażiż ħija, fl-aħħar sibt il-verità! Ili nfittex tweġibiet mindu kont suldat fl-Ewwel Gwerra Dinjija!”
Mimli entużjażmu, Raszka ħa lil Gomola biex jiltaqaʼ maʼ sħabu Jerzy u Andrzej Pilch, u dawn wieġbu bil-ħerqa għall-messaġġ tas-Saltna. Andrzej Tyrna, li kien tgħallem il-verità Biblika fi Franza, għen lil dawn l-irġiel ikomplu jżidu l-għarfien tagħhom dwar il-messaġġ t’Alla. Wara ftit żmien tgħammdu. Matul nofs is-snin 30, xi aħwa minn bliet fil-viċin kienu jiġu jżuru u jgħinu lil dan il-grupp żgħir taʼ Studenti tal-Bibbja f’Wisła. Ir-riżultati kienu taʼ l-għaġeb.
Kien hemm għadd impressjonanti taʼ wħud interessati ġodda. Il-familji Luterani tal-post kellhom id-drawwa jaqraw il-Bibbja fi djarhom. Għalhekk, malli raw raġunijiet Skritturali konvinċenti dwar id-duttrina tan-nar taʼ l-infern u t-Trinità, ħafna minnhom setgħu jagħrfu l-verità mill-gideb. Ħafna familji għażlu li ma jibqgħux iħaddnu tagħlim reliġjuż falz. Għaldaqstant, il-kongregazzjoni f’Wisła kibret u sa l-1939 kien fiha mal-140 ruħ. Madankollu, ħaġa taʼ l-iskantament kienet li l-biċċa l-kbira mill-adulti f’dik il-kongregazzjoni ma kinux mgħammdin. “B’daqshekk ma kienx ifisser li dawn il-pubblikaturi mhux mgħammdin ma kinux kapaċi jieħdu l-waqfa tagħhom għal Ġeħova,” tgħid Helena, waħda minn dawk ix-Xhieda tal-bidu. Hi tkompli: “Huma wrew l-integrità tagħhom fil-provi tal-fidi li ma damux ma ffaċċjaw.”
Xi ngħidu għat-tfal? Huma raw li l-ġenituri tagħhom kienu sabu l-verità. Franciszek Branc jirrakkonta: “Meta missieri rrealizza li kien sab il-verità, hu beda jrawwem lili u lil ħija fiha. Jien kelli tmien snin u ħija kellu għaxra. Missieri kien jistaqsina mistoqsijiet sempliċi, bħal: ‘Min hu Alla, u x’jismu? X’taf dwar Ġesù Kristu? Kien ikollna niktbu t-tweġibiet tagħna u nniżżlu versi mill-Bibbja li jsaħħu l-punt.” Xhud ieħor jgħid: “Peress li l-ġenituri tiegħi wieġbu bi ħġarhom għall-messaġġ tas-Saltna u telqu mill-Knisja Luterana fl-1940, jien esperjenzajt oppożizzjoni u swat fl-iskola. Jien grat għall-ġenituri tiegħi talli rawmu fija prinċipji Bibliċi. Dan kien kruċjali biex jgħinni ngħaddi minn dak iż-żmien diffiċli.”
Fidi Waqt il-Provi
Meta faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija u n-Nazi okkupaw dawn l-inħawi, huma kienu determinati li jeqirdu lix-Xhieda taʼ Ġeħova. Għall-ewwel, l-adulti—speċjalment il-missirijiet—ġew imħeġġin jiffirmaw lista li tgħid li huma Ġermaniżi sabiex jiksbu ċerti benefiċċji. Ix-Xhieda rrifjutaw li jiddikjaraw l-appoġġ tagħhom għan-Nazi. Ħafna aħwa rġiel u wħud interessati taʼ l-età li setgħu jinqabdu bil-lieva kellhom dilemma quddiemhom: Setgħu jingħaqdu maʼ l-armata, jew inkella jibqgħu newtrali f’kollox imma jiġu kastigati bl-aħrax. “Jekk tirrifjuta s-servizz militari kien ifisser li tintbagħat f’kamp tal-konċentrament, ġeneralment f’Auschwitz,” jispjega Andrzej Szalbot, li ġie arrestat mill-Gestapo fl-1943. “Jien kont għadni ma tgħammidtx, imma kont naf x’assigurana Ġesù f’Mattew 10:28, 29. Kont naf li jekk immut minħabba l-fidi tiegħi f’Ġeħova, hu kien kapaċi jerġaʼ jagħtini l-ħajja.”
Kmieni fl-1942, in-Nazi arrestaw 17-il ħu minn Wisła. Fi tliet xhur, 15 minnhom mietu f’Auschwitz. Dan x’effett ħalla fuq ix-Xhieda li kien għad baqaʼ f’Wisła? Minflok ma ġagħalhom jabbandunaw il-fidi tagħhom, dan inkuraġġiehom biex iżommu maʼ Ġeħova mingħajr ma jagħmlu ebda kompromess! Matul is-sitt xhur taʼ wara, l-għadd taʼ pubblikaturi f’Wisła rdoppja. M’għaddiex wisq żmien li ma kienx hemm iktar arrestati. B’kollox, kien hemm 83 ħu, uħud interessati, u tfal li ntlaqtu mill-forza qerridija taʼ Hitler. Tlieta u ħamsin minnhom intbagħtu f’kampijiet tal-konċentrament (l-iktar f’Auschwitz) jew f’kampijiet taʼ xogħol iebes f’minjieri u f’barrieri fil-Polonja, il-Ġermanja, u l-Bohemja.
Leali u Sodi
F’Auschwitz, in-Nazi pprovaw iwaqqgħu lix-Xhieda bil-prospett li jinħelsu minnufih. Gwardjan taʼ l-SS qal lil wieħed ħu: “Jekk sempliċement tiffirma karta biex tiċħad lill-Istudenti tal-Bibbja, neħilsuk, u tistaʼ tmur id-dar.” Din l-offerta saritlu diversi drabi, imma l-ħu m’għamilx kompromessi u baqaʼ leali lejn Ġeħova. Minħabba f’hekk, hu ġie msawwat, imwaqqaʼ għaċ-ċajt, u mogħti xogħol taʼ lsir, kemm f’Auschwitz u kemm f’Mittelbau-Dora, fil-Ġermanja. Ftit qabel ma nħeles, dan il-ħu ħelisha minn ħalq il-mewt matul bumbardament tal-kamp fejn kien qed jinżamm.
Paweł Szalbot, Xhud li miet dan l-aħħar, darba rrakkonta: “Waqt l-interrogazzjonijiet, il-Gestapo kienu jistaqsuni darba wara l-oħra għala kont irrifjutajt li nidħol fl-armata Ġermaniża u nsellem lil Hitler.” Wara li spjegalhom il-bażi Biblika għan-newtralità Kristjana tiegħu, hu ntbagħat jaħdem f’fabbrika taʼ l-armi. “M’għandniex xi ngħidu, il-kuxjenza tiegħi ma ħallitnix naċċetta dan it-tip taʼ xogħol, u għalhekk bagħtuni naħdem f’minjiera.” Xorta waħda, hu baqaʼ leali.
Dawk li ma ntbagħtux il-ħabs—in-nisa u t-tfal—kienu jibagħtu pakketti bl-ikel lil dawk f’Auschwitz. “Fis-sajf konna niġbru l-cranberries mill-bosk u mbagħad inpartuhom mal-qamħ,” jgħid ħu li dakinhar kien għadu żagħżugħ. “L-aħwa nisa kienu jaħmu l-bziezen u jgħaddsuhom fix-xaħam. Imbagħad, konna nibagħtu l-bziezen ftit ftit lil sħabna fit-twemmin li kienu l-ħabs.”
B’kollox, 53 Xhud adult minn Wisła ntbagħtu f’kampijiet tal-konċentrament u mġagħlin jagħmlu xogħol iebes. Tmienja u tletin minnhom mietu.
Titfaċċa Ġenerazzjoni Iktar Żagħżugħ
It-tfal tax-Xhieda taʼ Ġeħova wkoll ġew effettwati mill-azzjonijiet oppressivi tan-Nazi. Xi wħud intbagħtu m’ommijiethom f’kampijiet temporanji fil-Bohemja. Oħrajn ġew mifrudin mill-ġenituri tagħhom u ttieħdu fil-kamp infami tat-tfal f’Lodz.
Tlieta minn dawn it-tfal jiftakru: “Fl-ewwel vjaġġ għal Lodz, il-Ġermaniżi ħadu għaxra minna, fl-età taʼ bejn ħamsa u disaʼ snin. Inkuraġġejna lil xulxin billi tlabna u ddiskutejna suġġetti Bibliċi. Ma kienx faċli nissaportu.” Fl-1945, dawn it-tfal kollha rritornaw lejn djarhom. Kienu għadhom ħajjin imma kienu saru għadma u ġilda u baqgħu effettwati emozzjonalment. Xorta waħda, xejn ma setaʼ jġagħalhom jitilfu l-integrità tagħhom.
Imbagħad X’Ġara?
Hekk kif kienet waslet biex tintemm it-Tieni Gwerra Dinjija, ix-Xhieda f’Wisła kienu għadhom sħaħ fil-fidi u lesti biex jerġgħu jaqbdu x-xogħol taʼ l-ippridkar b’żelu u determinazzjoni. Gruppi t’aħwa kienu jżuru, jippridkaw, u jħallu letteratura Biblika maʼ nies li kienu jgħixu anki sa 40 kilometru ’l bogħod minn Wisła. “Fi ftit żmien kien hemm tliet kongregazzjonijiet attivi fil-belt tagħna,” jgħid Jan Krzok. Madankollu, il-libertà reliġjuża ma damitx wisq.
Il-gvern Komunist, li kien ħa post in-Nazi, ipprojbixxa l-attività tax-Xhieda taʼ Ġeħova fil-Polonja fl-1950. Għalhekk, l-aħwa lokali kellhom iħaddmu moħħhom fil-ministeru. Kultant kienu jżuru lin-nies fi djarhom bl-iskuża li jridu jixtru xi annimali jew qamħ. Ġeneralment il-laqgħat Kristjani kienu jinżammu fi gruppi żgħar bil-lejl. Madankollu, l-aġenti sigrieti rnexxielhom jarrestaw ħafna aduraturi taʼ Ġeħova, u jakkużawhom li qed jaħdmu għal organizzazzjoni barranija taʼ spjunaġġ—akkuża kompletament bla bażi. Ċerti uffiċjali heddew b’mod sarkastiku lil Paweł Pilch: “Hitler ma rnexxilux ikissirkom, imma aħna iva.” Madankollu, hu baqaʼ leali lejn Ġeħova għalkemm intbagħat ħames snin ħabs. Meta xi Xhieda żgħażagħ irrifjutaw li jiffirmaw dokument politiku soċjalist, huma tkeċċew mill-iskola jew tilfu l-impjieg tagħhom.
Ġeħova Kompla Jieħu Ħsiebhom
Is-sena 1989 ġabet magħha bidla politika, u x-Xhieda taʼ Ġeħova fil-Polonja ġew rikonoxxuti b’mod legali. Aduraturi leali taʼ Ġeħova f’Wisła żiedu l-attività tagħhom, u dan deher min-numru taʼ pijunieri, jew ministri full-time. F’dawn l-inħawi kien hemm mal-100 ħu u oħt li bdew jaqdu bħala pijunieri. Mhux taʼ b’xejn, mela, li din il-belt ġiet imlaqqma l-Fabbrika tal-Pijunieri!
Il-Bibbja tgħid hekk dwar l-appoġġ li Alla ta lill-qaddejja tiegħu fil-passat: “Li ma kienx il-Mulej magħna, meta qamu għalina n-nies, ħajjin kienu jibilgħuna, meta nxtegħlu bl-għadab għalina.” (Salm 124:2, 3) Fi żmienna, minkejja l-apatija kbira u t-tendenzi dinjin immorali fost il-maġġuranza tan-nies, l-aduraturi taʼ Ġeħova f’Wisła qed jistinkaw biex jibqgħu jżommu l-integrità tagħhom u qed ikollhom barkiet kbar. Il-ġenerazzjonijiet preżenti taʼ Xhieda f’dawn l-inħawi jistgħu jixhdu kemm hija minnha l-istqarrija taʼ l-appostlu Pawlu: “Jekk Alla hu favur tagħna, min se jkun kontra tagħna?”—Rumani 8:31.
[Stampa f’paġna 26]
Emilia Krzok intbagħtet flimkien maʼ wliedha Helena, Emilia, u Jan f’kamp temporanju fil-Bohemja
[Stampa f’paġna 26]
Meta rrifjuta s-servizz militari, Paweł Szalbot intbagħat jaħdem f’minjiera
[Stampa f’paġna 27]
Avolja xi aħwa ntbagħtu Auschwitz u mietu, ix-xogħol xorta baqaʼ jikber f’Wisła
[Stampa f’paġna 28]
Paweł Pilch u Jan Polok ittieħdu f’kamp taż-żgħażagħ f’Lodz
[Sors tal-Istampa f’paġna 25]
Berries u fjuri: © R.M. Kosinscy / www.kosinscy.pl