X’Tiftakar?
Ħadt gost taqra l-ħarġiet reċenti tat-Torri taʼ l-Għassa? Mela, ara jekk tistax twieġeb dawn il-mistoqsijiet li ġejjin:
• X’jurina li Ġesù kellu ħutu subien u bniet?
Il-Bibbja hekk tgħid f’Mattew 13:55, 56 u Mark 6:3. Il-kelma Griega (adelfos) f’dawn il-versi hija użata biex turi “xi tip taʼ relazzjoni fiżika jew legali [u] tfisser biss aħwa miż-żewġ ġenituri jew minn ġenitur wieħed biss.” (The Catholic Biblical Quarterly, Jannar 1992)—12/15, paġna 3.
• Il-gwerer kif inbidlu, u spiss x’kienu l-kaġuni prinċipali?
F’dawn l-aħħar snin, il-maġġorparti tal-gwerer li nikktu lill-bnedmin kienu gwerer ċivili—gwerer bejn żewġ gruppi taʼ ċittadini kontra xulxin fl-istess pajjiż. Mibegħda etnika u tribwali, differenzi reliġjużi, inġustizzji, u inkwiet politiku huma kollha fatturi. Fattur ieħor hu r-regħba għall-poter u l-flus.—1/1, paġni 3-4.
• Kif nafu li Ġesù ma riedx li l-Kristjani jirrepetu bl-amment il-kliem tat-talba mudell?
Ġesù ta dan l-eżempju tat-talb fil-Priedka tiegħu taʼ fuq il-Muntanja. Xi 18-il xahar wara, hu rripeta l-punti essenzjali taʼ l-istruzzjoni li kien ta qabel dwar it-talb. (Mattew 6:9-13; Luqa 11:1-4) Taʼ min jinnota l-fatt li hu ma rripetihiex kelma b’kelma, u b’hekk indika li ma kienx qed jagħti xi talba liturġika li kellha tiġi ripetuta bl-amment.—2/1, paġna 8.
• Wara d-Dilluvju, il-ħamiema minfejn sabet il-werqa taż-żebbuġ li ħadet lura fl-arka?
Aħna ma nafux il-livell tal-melħ jew it-temperatura taʼ l-ilmijiet tad-Dilluvju. Imma s-siġar taż-żebbuġ huma magħrufin għal li jerġgħu joħorġu friegħi ġodda anki wara li tinqataʼ s-siġra. Għalhekk xi siġar forsi rnexxielhom jibqgħu ħajjin wara l-ilmijiet tad-dilluvju u reġgħu ħarġu friegħi ġodda.—2/15, paġna 31.
• Waqt il-gwerra ċivili fin-Niġerja, bl-imblokk taʼ Biafra, ix-Xhieda taʼ Jehovah f’dak il-post kif irċivew ikel spiritwali?
Impjegat tal-gvern ġie inkarigat f’uffiċċju fl-Ewropa u ieħor fejn jinżlu l-ajruplani f’Biafra. It-tnejn li huma kienu Xhieda. Huma aċċettaw ix-xogħol riskjuż taʼ li jdaħħlu l-ikel spiritwali f’Biafra, u b’hekk ibbenefikaw ħafna aħwa sakemm spiċċat il-gwerra fl-1970.—3/1, paġna 27.
• Xi twettaq bil-Paċi taʼ Westphalia, u r-reliġjon kif kienet involuta?
Ir-Riforma qasmet l-Imperu Ruman Qaddis fi tliet reliġjonijiet—dik Kattolika, Luterana, u Kalvinista. L-Unjoni Protestanta u l-Lega Kattolika fformaw fil-bidu tas-seklu 17. Imbagħad beda konflitt reliġjuż fil-Boemja u dan kiber u sar taqbida internazzjonali għall-poter. Mexxejja Kattoliċi u Protestanti ssaraw biex jiksbu supremazija politika u gwadann kummerċjali. Finalment, inżammu taħditiet taʼ paċi fil-provinċja Ġermaniża taʼ Westphalia. Wara kważi ħames snin, it-Trattat taʼ Westphalia ġie ffirmat fl-1648, u dan temm il-Gwerra taʼ Tletin Sena u ta bidu għal Ewropa moderna bħala kontinent taʼ stati sovrani.—3/15, paġni 20-3.
• Xi tfisser il-marka, jew l-isem, tal-“bhima salvaġġa”—in-numru 666?
Din il-marka tissemma f’Apokalissi 13:16-18. Il-bhima tirreferi għall-ħakma umana, u l-fatt li l-bhima għandha “numru taʼ bniedem” jindika li l-gvernijiet jirriflettu l-kundizzjoni imperfetta tal-bnedmin. In-numru 6 magħdud maʼ 60 u 600 juri li huwa totalment defiċjenti f’għajnejn Alla. Dawk li għandhom din il-marka jagħtu qima u unur lill-Istat politiku, jew iħarsu lejh għas-salvazzjoni.—4/1, paġni 4-7.