LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w04 2/15 pp. 21-25
  • Assemblea fil-“Qalba tad-Dinja”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Assemblea fil-“Qalba tad-Dinja”
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Sottitli
  • Miżrugħin l-​Ewwel Żrieragħ tas-​Saltna
  • Tħejjijiet għall-​Assemblea tas-​Circuit
  • Pubbliċità minn Sors Mhux Mistenni
  • Tibda l-​Assemblea
  • Għoti taʼ Xiehda fil-​Għodu
  • Il-​Programm Spiritwali Jkompli
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
w04 2/15 pp. 21-25

Assemblea fil-​“Qalba tad-​Dinja”

Qatt smajt lil xi ħadd jgħid “Te Pito o Te Henua”? Bir-​Rapa Nui, il-​lingwa oriġinali mitkellma fil-​Gżira taʼ Easter, din tfisser il-​“Qalba tad-​Dinja.” X’kien li għamel assemblea li saret hawnhekk tant speċjali?

IŻOLATA, misterjuża, eżotika. Dan hu xi kliem li ntuża biex jiddeskrivi l-​Gżira taʼ Easter, jew Rapa Nui, kif isejħulha l-​abitanti tagħha. Hi tabilħaqq gżira iżolata li tinsab ’il barra fin-​Nofsinhar taʼ l-​Oċean Paċifiku, madwar 3,790 km ’il bogħod minn Santiago, belt fiċ-​Ċili. Fid-​9 taʼ Settembru taʼ l-​1888 saret provinċja taċ-​Ċili.

Din il-​gżira li għandha forma taʼ trijanglu hija madwar 166 km kwadru, u bażikament hija magħmula minn tliet vulkani estinti. Fil-​fatt, bħal ħafna gżejjer oħra tal-​Paċifiku, hi magħmula sempliċement minn qċaċet taʼ muntanji enormi li qegħdin taħt il-​baħar. Il-​gżira kollha kemm hi ġiet dikjarata monument naturali. Bla ebda dubju, hija famuża l-​iktar għall-​istatwi tal-​ġebel misterjużi tagħha, li huma magħrufin bħala moai.a

Minbarra l-​pajsaġġi mill-​isbaħ u s-​siti storiċi tagħha, il-​Gżira taʼ Easter toffri varjetà mill-​aqwa taʼ ikel eżotiku. Fost dawn insibu frott bħall-​pineapples, l-​avocados, il-​papaja, u disaʼ varjetajiet taʼ banana. Barra minn hekk, il-​baħar jipprovdi varjetà kbira taʼ ħut u frott ieħor tal-​baħar.

Il-klima fuq il-​Gżira taʼ Easter hija moderata, u l-​ħalbiet spissi tax-​xita u l-​qawsalli joffru lill-​viżitaturi arja nadifa u xenarji spettakolari. Bħalissa, hemm madwar 3,800 resident. L-​abitanti taʼ llum huma dixxendenti taʼ l-​ewwel nies li ssetiljaw fil-​gżira u tħalltu maʼ l-​Ewropej, iċ-​Ċileni, u oħrajn. Mijiet taʼ turisti mill-​Ewropa u l-​Asja jżuru din il-​gżira, u dan jagħmel it-​turiżmu parti importanti mill-​ekonomija.

Miżrugħin l-​Ewwel Żrieragħ tas-​Saltna

Fin-​1982 Yearbook of Jehovah’s Witnesses insibu: “Għal xi żmien kellna pubblikatriċi waħda biss fuq il-​Gżira taʼ Easter. Din ġiet megħjuna spiritwalment permezz taʼ korrispondenza m’oħt missjunarja mill-​fergħa [taċ-Ċili]. Għalkemm minn dak iż-​żmien ’l hawn din marret lura [ċ-Ċili], għandna lista taʼ wħud li joqogħdu fuq il-​gżira li abbonaw għat-​Torri taʼ l-​Għassa. B’sorpriża kbira għalina, f’April taʼ l-​1980, irċivejna telefonata mill-​bogħod mingħand persuna interessata li riedet tkun taf meta kellha tiġi ċelebrata t-​Tifkira [tal-mewt taʼ Ġesù]. Iktar tard f’dik l-​istess sena koppja miżżewġa minn Valparaiso marru joqogħdu hemmhekk, u bdew jikkonduċu studji tal-​Bibbja maʼ wħud interessati. F’April taʼ l-​1981 inżammet laqgħa fejn ġiet ċelebrata għall-​ewwel darba t-​Tifkira fuq din il-​gżira, u li għaliha attendew 13-il persuna. Kemm aħna ferħanin li ‘l-​aħbar tajba’ qed tilħaq anki dan il-​post iżolat!”

Iktar tard, fit-​30 taʼ Jannar, 1991, il-​fergħa bagħtet koppja taʼ pijunieri speċjali, Dario u Winny Fernandez, lejn din il-​gżira. Ħuna Fernandez qal: “Wara titjira taʼ ħames sigħat wasalna f’dan l-​iktar post iżolat fuq il-​pjaneta, f’kultura mimlija misteri.” Il-​laqgħat u l-​attività taʼ l-​ippridkar ġew organizzati mill-​ewwel bl-​għajnuna taʼ ħu tal-​lokal u oħt li kienet għadha kif waslet hemmhekk b’żewġt itfal. Minkejja l-​pressjonijiet tal-​familja, il-​ħeġġa għar-​reliġjon, u ċerti stili taʼ ħajja li huma tant komuni fil-​kulturi Polinesjani, huma esperjenzaw il-​barka taʼ Jehovah għall-​isforzi tagħhom. Ħuna u oħtna Fernandez m’għadhomx pijunieri speċjali, imma għadhom fuq il-​gżira, fejn qed irabbu t-​tifel tagħhom li twieled hemmhekk. Illum hemm 32 pubblikatur ferħan tas-​Saltna. Fosthom hemm uħud li twieldu f’Rapa Nui, kif ukoll dawk li ssetiljaw fuq il-​gżira jew li marru joqogħdu hemm sabiex jaqdu fejn il-​bżonn għall-​proklamaturi tas-​Saltna hu akbar.

Tħejjijiet għall-​Assemblea tas-​Circuit

Minħabba d-​distanza kbira li hemm bejn il-​gżira u l-​kontinent, tliet darbiet f’sena l-​kongregazzjoni tirċievi vidjos tal-​programmi tal-​jum t’assemblea speċjali, taʼ l-​assemblea tas-​circuit, u tal-​konvenzjoni distrettwali. Imma sa tmiem is-​sena 2000, il-​Kumitat tal-​Fergħa fiċ-​Ċili beda jikkunsidra l-​idea li dawn ikollhom assemblea tagħhom, l-​ewwel assemblea fuq din il-​gżira. Fl-​aħħar, ġie deċiż li ssir assemblea tas-​circuit f’Novembru taʼ l-​2001, u għal din l-​okkażjoni speċjali ġew mistiedna numru limitat t’aħwa minn diversi partijiet taċ-​Ċili. Minħabba l-​iskeda tat-​titjiriet, l-​assemblea kellha tinżamm il-​Ħadd u t-​Tnejn.

It-33 delegat li ġew mistiedna kienu verament eċċitati meta bdew jaħsbu dwar il-​fatt li kienu se jivvjaġġaw lejn din il-​gżira biex jieħdu sehem fl-​ewwel assemblea li qatt seħħet f’dan il-​post imbiegħed. Wara vjaġġ twil bl-​ajru minn fuq l-​Oċean Paċifiku, id-​delegati kienu verament ferħanin bil-​merħba li ngħataw mill-​aħwa tal-​lokal li kienu qed jistennewhom fl-​ajruport. Bħala merħba, id-​delegati ngħataw leis mill-​isbaħ (kullani magħmulin mill-​petali tal-​fjuri), rigal tipiku fuq din il-​gżira. Imbagħad ittieħdu fejn kienu se joqogħdu, u wara dawra żgħira biex jaraw il-​gżira, dawk kollha li kien se jkollhom sehem fil-​programm taʼ l-​assemblea ltaqgħu fis-​Sala tas-​Saltna.

Pubbliċità minn Sors Mhux Mistenni

Waqt li kienu qed jivvjaġġaw bil-​karozza lejn l-​assemblea, xi delegati baqgħu mbellhin x’ħin semgħu lill-​qassis tal-​lokal jikkummenta fuq ir-​radju dwar iż-​żjara tagħhom. Hu qal li kienu ġew xi turisti mill-​kontinent taʼ l-​Amerika t’Isfel li kienu se jżuru d-​djar sabiex jitkellmu dwar tmiem id-​dinja li ġej. Għalkemm hu ħeġġeġ lin-​nies tal-​parroċċa biex ma jisimgħux lil dawn il-​viżitaturi, l-​avviż tiegħu għen biex jirreklama l-​preżenza taʼ grupp kbir taʼ Xhieda taʼ Jehovah li kien hemm fuq il-​gżira. Dan qanqal stennija fost in-​nies tal-​gżira. Matul il-​ġranet taʼ wara, id-​delegati bit-​tattika qasmu magħhom il-​messaġġ inkuraġġanti taʼ l-​aħbar tajba.

Tibda l-​Assemblea

Il-​Ħadd fil-​għodu, l-​aħwa tal-​lokal kienu qed jistennew fid-​daħla tas-​Sala tas-​Saltna sabiex jilqgħu lid-​delegati hekk kif dawn waslu għall-​ewwel ġurnata taʼ l-​assemblea. “Iorana Koe! Iorana Koe!” “Merħba!” Xi aħwa nisa libsu lbiesi tradizzjonali u żejnu xagħarhom bi fjuri sbieħ fuq stil tipiku Polinesjan.

Wara preludju mużikali pjaċevoli, għall-​ewwel darba fuq din il-​gżira madwar mitt vuċi ngħaqdu flimkien biex ikantaw “Nibqgħu Sodi, Bla Ma Nitħarrku!” L-​aħwa tal-​lokal bdew jibku meta ċ-​chairman tahom merħba mill-​qalb bil-​lingwa tagħhom, ir-​Rapa Nui. Matul il-​waqfa taʼ nofsinhar, tliet Xhieda ġodda ssimbolizzaw id-​dedikazzjoni tagħhom lil Alla bil-​magħmudija fl-​ilma. Meta spiċċa l-​programm taʼ l-​ewwel ġurnata, kulħadd ħassu eqreb lejn Jehovah u lejn l-​aħwa kollha madwar id-​dinja.—1 Pietru 5:9.

Għoti taʼ Xiehda fil-​Għodu

Minħabba ċirkustanzi speċjali li kien hemm lokalment, il-​programm fit-​tieni ġurnata taʼ l-​assemblea tas-​circuit beda wara nofsinhar. Għalhekk, id-​delegati ħadu vantaġġ mis-​sitwazzjoni u użaw il-​ħin taʼ fil-​għodu sabiex jieħdu sehem fil-​ministeru taʼ l-​għalqa. Liema esperjenzi kienu qed jistennewhom?

Mara anzjana li kellha tmint itfal qalet lix-​Xhieda li ma setgħetx tkellimhom minħabba li kienet Kattolika. Wara li qalulha li riedu jkellmuha dwar il-​problemi li jiffaċċja kulħadd, bħalma huma l-​abbuż tad-​drogi u l-​problemi tal-​familja, hi aċċettat li tismaʼ.

Mara oħra mdaħħla fiż-​żmien ma tantx laqgħethom tajjeb liż-​żewġ Xhieda li marru jkellmuha. Hi qaltilhom li aħjar imorru jkellmu lin-​nies tal-​kontinent li tant kienu kiefra m’oħrajn. Dawn qalulha li l-​messaġġ taʼ l-​aħbar tajba tas-​Saltna huwa offrut lil kulħadd u li l-​iskop li huma ġew fuq il-​gżira kien biex jattendu assemblea li kienet se tgħin lil kulħadd biex jikber fl-​imħabba lejn Alla. (Mattew 24:14) Staqsewha jekk tixtieqx tgħix ħajja twila b’kundizzjonijiet bħal taʼ ġenna, simili għal dawk li kienet tgħix fihom fuq dik il-​gżira, biss mingħajr mard u mewt. Wara li rraġunaw magħha dwar kemm-il sena kienu ilhom jeżistu l-​vulkani fuq dik il-​gżira, hi rrealizzat kemm hi qasira l-​ħajja u staqsiet: “Aħna għala ngħixu biss għal żmien qasir?” Tgħidx kemm baqgħet sorpriża x’ħin qrat Salm 90:10.

Dak il-​ħin ix-​Xhieda semgħu l-​għajat ġej mid-​dar taʼ ħdejha. Għalkemm ma fehmux dak li ntqal, il-​mara qaltilhom li l-​ġirien kienu qed jinsultawhom biex jagħmluha ċara li ma ridux li x-​Xhieda jżuruhom. Imma din il-​mara inzertat kienet in-​nua, jiġifieri l-​akbar tifla fil-​familja. Peress li missierha kien miet, kien id-​dmir tagħha li tiddeċiedi dak li hu tajjeb għall-​familja. Quddiem il-​familja tagħha, hi ddefendiet lill-​aħwa bil-​lingwa tagħha u bil-​ħlewwa aċċettat il-​pubblikazzjonijiet li kienu offrewlha. Iktar tard dik il-​ġimgħa, waqt li kienet għaddejja bil-​karozza minn ħdejn ix-​Xhieda, hi qalet lil ħuha biex iwaqqaf il-​karozza. Minkejja li hu ma ħax pjaċir, hi sellmet lill-​aħwa u xtaqitilhom suċċess fil-​ministeru tagħhom.

Għalkemm xi wħud minn dawk li joqogħdu fuq din il-​gżira għall-​ewwel dehru li rrifjutaw il-​messaġġ li kien qed jiġi mxandar mix-​Xhieda li ġew mill-​kontinent, il-​viżitaturi indunaw li n-​nies taʼ Rapa Nui fil-​verità huma nies b’natural ħelu u dħuli. Ħafna minnhom ħadu pjaċir jisimgħu l-​aħbar tajba. Fil-​fatt, 6 mill-​20 Xhud li tgħammdu fuq din il-​gżira huma residenti lokali. Wieħed minnhom tgħallem il-​veritajiet tal-​Bibbja billi qagħad jismaʼ lil martu tagħmel l-​istudju tal-​Bibbja fil-​kamra l-​oħra. Issa hu u martu huma Xhieda mgħammdin, u hu qed jaqdi bħala qaddej ministerjali fil-​kongregazzjoni.

Il-​Programm Spiritwali Jkompli

Wara nofsinhar, beda l-​programm tat-​tieni ġurnata. Għal darba oħra, flimkien mat-​32 ħu u oħt lokali u t-​33 delegat kien hemm numru taʼ wħud li wrew interess u ġew għal-​laqgħa. Madwar mitt ruħ semgħu l-​programm, inkluż it-​taħdita pubblika “Kif l-​Imħabba u l-​Fidi Jirbħu lid-​Dinja.” Fil-​fatt, dawk li kienu preżenti raw turija ħajja taʼ l-​imħabba li teżisti fost in-​nies taʼ Jehovah, anki fost dawk li għandhom kulturi differenti.—Ġwanni 13:35.

Fi żmien l-​assemblea, l-​indokraturi tas-​circuit u tad-​distrett għamlu laqgħa speċjali mal-​pijunieri. Flimkien mat-​tliet aħwa pijunieri regulari li joqogħdu fuq din il-​gżira kien hemm ukoll id-​delegati li qdew bħala pijunieri regulari jew speċjali. Ilkoll kienu inkuraġġiti ferm.

L-​għada, xi wħud mill-​aħwa lokali li jaħdmu bħala gwidi ħadu lid-​delegati għal mawra madwar il-​gżira. Huma żaru barriera tal-​ġebel fejn ġew imnaqqxin il-​moai, kif ukoll il-​vulkani fejn fil-​qedem kienu jsiru l-​kompetizzjonijiet, u m’għandniex xi ngħidu, żaru lbajja mill-​isbaħ miksija b’ramel dehbi msejħa Anakena, fejn kienu żbarkaw l-​ewwel nies li ssetiljaw fuq din il-​gżira.b

L-​aħħar opportunità biex jiltaqgħu maʼ l-​aħwa tal-​lokal kienet għall-​Istudju tal-​Ktieb tal-​Kongregazzjoni. Wara l-​laqgħa, ix-​Xhieda lokali taw sorpriża lill-​mistidnin billi ħejjew ikla tipika. Imbagħad, huma libsu l-​ilbies tradizzjonali tagħhom u taw wirja sabiħa taʼ żfin folkloristiku. Id-​delegati, kif ukoll l-​aħwa taʼ Rapa Nui, kienu ċerti li l-​isforzi li saru biex titħejja l-​assemblea kienu ferm taʼ ġid.

Dawk kollha li ġew f’din il-​gżira bħala delegati ħassewhom verament qrib dawn l-​aħwa iżolati li kienu qattgħu ġimgħa mill-​aqwa magħhom. Ma kienx faċli għalihom biex jinfirdu minnhom. Huma se jibqgħu jgħożżu lill-​ħbieb ġodda li għamlu kif ukoll l-​inkuraġġiment spiritwali li rċivew. Fl-​ajruport, l-​aħwa lokali taw lid-​delegati kullani magħmulin mill-​qxur taʼ l-​arzell li kienu għamlu huma stess.

Hekk kif id-​delegati kienu sejrin, huma wiegħdu lill-​aħwa: “Iorana! Iau he hoki mai e Rapa Nui ee,” li tfisser: “Ċaw! Jien se nerġaʼ niġi narak, Rapa Nui.” Iva, huma verament jixtiequ jerġgħu jżuru lil dawn il-​ħbieb ġodda u membri tal-​familja spiritwali, li joqogħdu fuq din il-​gżira eżotika, iżolata, misterjuża, u ospitabbli, il-​Gżira taʼ Easter!

[Noti taʼ taħt]

a Ara l-​Awake! tat-​22 taʼ Ġunju, 2000, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

b Fuq il-​fetħa tal-​vulkan Rano Raraku hemm ħafna karattri skolpiti fil-​ġebel. Il-​post fejn kienu jinbdew il-​kompetizzjonijiet fost dawk li riedu jaħkmu l-​gżira kien f’Rano Kau. Huma riedu jinżlu maʼ l-​irdum, jgħumu sa waħda mill-​gżejjer iżgħar, jieħdu bajda t’għasfur li jgħix fuq dik il-​gżira, jgħumu lura lejn il-​gżira prinċipali biha, u jitilgħu l-​irdum mingħajr ma jkissruha.

[Kaxxa f’paġna 24]

L-​Għoti taʼ Xiehda fuq il-​Gżira taʼ Easter

Madwar sentejn qabel din l-​assemblea memorabbli, indokratur tas-​circuit u l-​mara tiegħu żaru l-​gżira u gawdew ħafna esperjenzi sbieħ. Per eżempju, immaġina x’sorpriża ħadu meta l-​oħt li ħadithom fil-​post fejn kellhom joqogħdu fakkrithom li huma kienu studjaw il-​Bibbja magħha madwar 16-il sena qabel meta kienet għadha żagħżugħa, u kienet toqgħod fin-​nofsinhar taċ-​Ċili. Iktar tard dik iż-​żerriegħa għamlet il-​frott f’Rapa Nui.

Huma kellhom din l-​esperjenza ħelwa: Sid ħanut tas-​suvenirs aċċetta n-​New World Translation of the Holy Scriptures u l-​ktieb bħala għajnuna għall-​istudju tal-​Bibbja, Għarfien Li Jwassal Għall-​Ħajja Taʼ Dejjem, li t-​tnejn huma pubblikati mix-​Xhieda taʼ Jehovah. Meta reġgħu żaruh, hu qalilhom li ma setax jaqra l-​Bibbja li kienu tawh. Huma kienu ħallewlu Bibbja bil-​Franċiż minflok bl-​Ispanjol! Il-​problema malajr ġiet solvuta. Bl-​għajnuna tax-​Xhieda lokali u, m’għandniex xi ngħidu, tal-​Bibbja bil-​lingwa tiegħu stess hu skopra li l-​Bibbja m’hijiex daqstant diffiċli biex tifhimha, wara kollox.

[Mappa f’paġna 22]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)

IL-​GŻIRA TAʼ EASTER

IĊ-​ĊILI

[Stampi f’paġna 23]

Tnejn minn dawk li tgħammdu fl-​assemblea tas-​“circuit”

[Stampi f’paġna 25]

It-​telgħa tal-​vulkan Rano Raraku; fil-​kaxxa: Frotta salvaġġa msejħa “guayaba” li tikber fuq din il-​gżira

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja