L-Aħbar Tajba Tipproduċi l-Frott f’San Tomè u Prinċipe
IL-MAĠĠURANZA tan-nies probabbilment qatt ma semgħu b’San Tomè u Prinċipe. Dawn il-gżejjer ġeneralment ma jiġux reklamati fil-browxers tas-safar. Fuq il-mappa tad-dinja, qishom żewġ tikek żgħar ħafna fil-Golf tal-Ginea lil hinn mill-kosta tal-punent taʼ l-Afrika. San Tomè qiegħed kważi fuq l-ekwatur u Prinċipe ftit lejn il-grigal. Il-klima bix-xita u umduża tipproduċi foresti tropikali mill-isbaħ, u dawn jiksu l-muntanji li huma għoljin iktar minn 2,000 metru.
Dawn il-gżejjer tropikali, imdawrin bil-baħar blu u bil-bajjiet bis-siġar tal-palm madwarhom, huma abitati minn nies dħulin taʼ qalbhom tajba li d-dixxendenza Afrikana u Ewropea tagħhom irriżultat f’taħlita sabiħa taʼ kulturi. Ix-xogħol tal-popolazzjoni taʼ 170,000 ruħ hu konness mal-kawkaw, l-esportazzjoni prinċipali tagħhom, jew inkella huma bdiewa u sajjieda. Fi snin reċenti, anki li jakkwistaw l-ikel taʼ kuljum kien taʼ sfida.
Madankollu, fl-aħħar għaxar snin tas-seklu 20 ġrat xi ħaġa li effettwat ħafna l-ħajjiet taʼ numru li dejjem jiżdied taʼ nies f’dawn il-gżejjer. F’Ġunju tas-sena 1993, ix-Xhieda taʼ Jehovah ġew reġistrati legalment mill-gvern taʼ San Tomè u Prinċipe, u dan ġab fit-tmiem perijodu twil u diffiċli fl-istorja tax-Xhieda taʼ Jehovah f’dawn il-gżejjer.
Żrieragħ Miżrugħa fi Żmien it-Tbatija
Milli jidher, l-ewwel Xhud wasal f’dan il-pajjiż fil-bidu tas-snin 50 meta xi ħabsin minn kolonji Portugiżi oħra fl-Afrika ntbagħtu biex jaħdmu f’kampijiet tax-xogħol f’dawn il-gżejjer. Ix-Xhud, pijunier Afrikan, jew ministru full-time, kien tkeċċa mill-Możambik għaliex kien ippriedka l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla f’dak il-pajjiż. Dan l-uniku Xhud kellu ħafna x’jagħmel, u fi żmien sitt xhur, kien hemm 13-il persuna oħra li ħadu sehem fix-xandir taʼ l-aħbar tajba. Iktar tard, Xhieda oħra fl-istess ċirkustanzi waslu mill-Angola. Matul iż-żmien li qattgħu l-ħabs, huma użaw kull opportunità biex jaqsmu l-aħbar tajba m’abitanti lokali.
Sa l-1966, l-aħwa kollha li kienu fil-kampijiet tax-xogħol f’San Tomè kienu rritornaw lejn il-kontinent taʼ l-Afrika. Il-grupp żgħir taʼ pubblikaturi tas-Saltna li baqgħu hemm komplew bil-kuraġġ. Ġew persegwitati, imsawtin, u mitfugħin il-ħabs għaliex iltaqgħu flimkien biex jistudjaw il-Bibbja, u ma kien hemm ħadd biex iżurhom u jinkuraġġihom. Il-pajjiż kiseb l-indipendenza mill-Portugall fl-1975 u bil-mod, pass pass, iż-żrieragħ tal-verità tas-Saltna bdew jipproduċu l-frott.
It-Tkabbir u l-Bini
Fl-istess xahar li saret ir-reġistrazzjoni legali fl-1993, kien hemm quċċata taʼ 100 pubblikatur tas-Saltna. Dik is-sena stess waslu pijunieri speċjali mill-Portugall. L-isforz li għamlu biex jitgħallmu l-Kreol Portugiż ħabbibhom man-nies lokali. It-tfittxija biex isibu biċċa art għal Sala tas-Saltna mbagħad saret prijorità. Meta semgħet b’dan il-bżonn, oħt jisimha Maria tat nofs l-art fejn kellha d-dar żgħira tagħha. L-art kienet kbira biżżejjed għal Sala tas-Saltna mdaqqsa. Maria ma kinitx taf li peress li hi ma kellhiex minn jiġi minnha li kien għadu ħaj, xi kuntratturi ambizzjużi kienu tefgħu għajnejhom fuq din il-proprjetà. Ġurnata minnhom negozjant prominenti mar biex ikellem lil Maria.
“Dak li smajt dwarek mhux tajjeb!” hu wissieha. “Smajt li tajt l-art tiegħek b’xejn. Ma tafx li tiswa ħafna flus minħabba li qiegħda eżatt hawn fil-belt?”
“Kieku kelli noffri l-art lilek, kemm tagħtini tagħha?” staqsiet Maria. Meta r-raġel ma weġibx, Maria kompliet: “Lanqas li kieku tajtni l-flus kollha tad-dinja ma kienu jkunu biżżejjed għaliex il-flus ma jistgħux jixtru l-ħajja.”
“Int m’għandekx tfal hux?” staqsa r-raġel.
Sabiex ittemm il-konversazzjoni, Maria qalet: “L-art hija taʼ Jehovah. Hu ħallini nużaha għal ħafna snin, u issa tajthielu lura. Qed inħares ’il quddiem biex ngħix għal dejjem.” Imbagħad staqsiet lir-raġel: “Int m’intix qed toffri l-ħajja taʼ dejjem hux?” Mingħajr ma qal kelma oħra, dar u telaq ’l hemm.
Ir-riżultat kien li nbena bini mill-isbaħ b’żewġ sulari bl-għajnuna t’aħwa kwalifikati mill-Portugall. Taħtnett hemm kantina tul is-Sala kollha, fuqha Sala tas-Saltna spazjuża, u postijiet għall-akkomodazzjoni. Għandha wkoll klassijiet fejn jinżammu l-iskejjel taʼ l-anzjani, tal-qaddejja ministerjali, u tal-pijunieri. Issa hemm żewġ kongregazzjonijiet li jkollhom il-laqgħat tagħhom fiha, u b’hekk hi ċentru t’edukazzjoni mill-isbaħ għall-qima pura fil-belt kapitali.
F’Mé-Zochi, kien hemm kongregazzjoni taʼ 60 pubblikatur żeluż. Ladarba l-laqgħat inżammu temporanjament f’Sala tas-Saltna f’masġar tal-banana, il-bżonn għal Sala tas-Saltna sar ovvju. Dan għamluh magħruf lill-kunsill tal-belt, u xi uffiċjali mill-aħjar offrew biċċa art tajba fit-triq prinċipali. Sala tas-Saltna mill-isbaħ inbniet f’xahrejn bl-għajnuna t’aħwa mill-Portugall. Intuża l-metodu taʼ bini li jieħu żmien qasir. In-nies lokali ma setgħux jemmnu dak li raw. Inġinier Svediż involut fi proġett tal-bini fil-belt baqaʼ skantat meta ra l-aħwa rġiel u nisa jaħdmu. “Din xi ħaġa taʼ l-għaġeb!” hu qal. “Ix-Xhieda taʼ Jehovah, hawn f’Mé-Zochi, jużaw metodu taʼ kostruzzjoni li jieħu żmien qasir! Dan hu l-mod taʼ kif imissna norganizzaw il-proġett tagħna.” Is-Sala tas-Saltna ġiet dedikata fit-12 taʼ Ġunju taʼ l-1999, b’attendenza taʼ 232 ruħ. Is-sala saret attrazzjoni prinċipali għal dawk li jżuru l-belt taʼ Mé-Zochi.
Konvenzjoni Storika
Ġrajja storika għax-Xhieda taʼ Jehovah f’San Tomè u Prinċipe kienet il-Konvenzjoni Distrettwali “Tagħlim Divin” taʼ tlett ijiem f’Jannar taʼ l-1994—l-ewwel konvenzjoni f’dawn il-gżejjer. Din inżammet fl-aqwa awditorju bl-arja kundizzjonata li hemm fil-pajjiż. Tistaʼ timmaġinah il-ferħ li ħassew il-116-il pubblikatur tas-Saltna meta raw folla taʼ 405 persuni u għall-ewwel darba raw id-drama Biblika u rċivew il-ħarġiet tal-konvenzjoni? Il-magħmudija taʼ 20 persuna dedikata inżammet f’bajja tropikali.
Xi ħaġa mhux tas-soltu li ġibdet l-attenzjoni tal-pubbliku kienu l-lapel badges uniċi li libsu d-delegati. Il-preżenza tal-25 viżitatur mill-Portugall u l-Angola tat xejra internazzjonali lill-konvenzjoni. Rabta taʼ mħabba Kristjana żviluppat malajr, u kien hemm ħafna li bkew fl-aħħar sessjoni meta nfirdu minn xulxin.—Ġwanni 13:35.
Xi ġurnalisti mir-Radju Nazzjonali marru u intervistaw lill-indokratur tal-konvenzjoni, kif ukoll xandru siltiet minn diversi taħditiet. Kienet tabilħaqq okkażjoni storika li għenet biex dawk ix-Xhieda leali li kienu ilhom iżolati għal żmien twil iħossuhom eqreb lejn l-organizzazzjoni viżibbli taʼ Jehovah.
Jipproduċu Frott għat-Tifħir taʼ Jehovah
Meta l-messaġġ tas-Saltna jħalli l-frott, dan jipproduċi kondotta mill-aħjar li ġġib tifħir u unur lil Jehovah. (Titu 2:10) Waħda tfajla kienet qed tieħu gost b’dak li kienet qed titgħallem mill-istudju tagħha taʼ kull ġimgħa. Madankollu, missierha ma ħallihiex tattendi l-laqgħat tal-kongregazzjoni. Meta b’rispett spjegatlu l-importanza tal-laqgħat Kristjani u x-xewqa tagħha li tattendi, minnufih keċċieha mid-dar. Milli jidher, hu ħaseb li hi kienet se tagħmel dak li ħafna żgħażagħ oħrajn jagħmlu—tmur tgħix minnufih maʼ xi raġel li setaʼ jmantniha. Meta l-missier sar jaf li hi kienet qed tgħix ħajja eżemplari u safja bħala Kristjana, ġie mqanqal biex jaċċettaha lura d-dar u jħalliha fil-libertà biex taqdi lil Jehovah.
Eżempju ieħor hu dak taʼ wieħed li kien imexxi grupp mużikali. Beda jħossu diżappuntat bil-ħajja immorali li kien qed jgħix. Waqt li kien qed ifittex skop għal ħajtu ltaqgħu miegħu x-Xhieda. Meta beda jgħix fi qbil mal-livelli morali tal-Bibbja, kulħadd beda jitkellem dwaru. Ma damx ma ħass il-bżonn li jwaqqaf għalkollox is-sħubijiet ħżiena li kellu. (1 Korintin 15:33) Imbagħad ħa l-pass vitali li jitgħammed b’simbolu tad-dedikazzjoni tiegħu lil Jehovah.
Grupp taʼ żgħażagħ kienu qed ifittxu rreliġjon vera. It-tfittxija tagħhom wasslet għal diskussjonijiet mal-qassisin taʼ diversi gruppi evanġeliċi, imma r-riżultat kien iktar taħwid u diżappunt. Minħabba f’hekk, saru vagabondi vjolenti u bdew iwaqqgħu għaċ-ċajt kwalunkwe ħaġa reliġjuża.
Ġurnata minnhom, wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah, missjunarju, kien sejjer biex jikkonduċi studju tal-Bibbja u għadda minfejn kienu qegħdin dawn iż-żgħażagħ. Dawn riedu li l-missjunarju jwieġeb ftit mistoqsijiet, u għalhekk ħaduh magħhom f’bitħa, fejn stidnuh joqgħod bil-qiegħda fuq banketta żgħira. Imbagħad bdew jistaqsuh ruxxmata mistoqsijiet fuq suġġetti bħar-ruħ, l-infern, il-ħajja fis-sema, u l-aħħar tad-dinja. Dan ix-Xhud wieġeb il-mistoqsijiet kollha minn fuq il-Bibbja li sellfu l-kap tal-klikka. Siegħa wara, il-kap, jismu Law, qal lil missjunarju: “Meta staqsejniek biex tiġi u twieġeb ftit mistoqsijiet, l-intenzjoni tagħna kienet li nwaqqgħuk għaċ-ċajt, bħalma għamilna lil nies taʼ reliġjonijiet oħra. Ħassejna li ħadd ma setaʼ jwieġeb dawn il-mistoqsijiet. Imma int stajt, u dan għamiltu billi użajt il-Bibbja biss! Għidli, kif nistaʼ nitgħallem iktar dwar il-Bibbja?” Inbeda studju tal-Bibbja maʼ Law, u dan malajr beda jattendi l-laqgħat. Ftit wara, hu telaq il-grupp u waqaf mill-ħajja vjolenti tiegħu. Fi żmien sena, hu ddedika ħajtu lil Jehovah u tgħammed. Issa qed jaqdi bħala qaddej ministerjali.
Drawwa lokali li tant saret stabbilita hi li koppji sempliċement jgħixu flimkien mingħajr ma jiżżewġu legalment. Ħafna ilhom jgħixu flimkien għal snin sħaħ, u għandhom it-tfal. Isibuha diffiċli jaċċettaw il-ħarsa t’Alla fuq din il-kwistjoni. Tħoss qalbek titqanqal meta tara kif l-ispirtu t’Alla għen lil wieħed raġel jegħleb dan l-ostaklu.—2 Korintin 10:4-6; Lhud 4:12.
Antonio fehem li għandu jillegalizza żżwieġ tiegħu u għamel pjanijiet biex jagħmel dan wara l-ħsad tal-qamħ meta kien se jkollu ftit flus għall-festa taż-żwieġ. Lejl wieħed eżatt qabel il-ħsad, ġew xi ħallelin u serqulu l-qamħ. Hu ddeċieda li jistenna l-ħsad tas-sena taʼ wara, u għal darba oħra nsteraqlu l-qamħ. Meta sforz ieħor biex jipprova jikseb il-fondi għaż-żwieġ tiegħu falla, Antonio rrealizza min verament kien qed jopponi. Hu qal: “Satana mhux se jkompli jqarraq biha iktar. Fi żmien xahar u nofs niżżewġu, b’festa u mhux!” Hu hekk ġara, u bla ma kienu jafu, sħabhom ipprovdew tiġieġ, papri, u mogħża għall-festa tat-tieġ. Wara li rreġistraw iż-żwieġ tagħhom, Antonio u martu—flimkien mas-sitt itfal tagħhom—tgħammdu b’simbolu tad-dedikazzjoni tagħhom lil Jehovah.
Il-Gżira taʼ Prinċipe
Darba kultant, f’dawn l-aħħar snin, l-indokratur tas-circuit u l-pijunieri minn San Tomè żaru lis-6,000 abitant taʼ Prinċipe. Dawk li jgħixu fuq din il-gżira kienu ospitabbli u ħerqanin ħafna biex jisimgħu dak li kellhom x’jgħidu x-Xhieda. Wara li qara l-fuljett li ħallewlu, wieħed raġel l-għada fittex lill-pijunieri u offrielhom li jgħinhom iqassmu iktar fuljetti. Il-pijunieri spjegaw li dan kien xogħolhom, imma r-raġel insista li għandu jmur magħhom minn bieb għal bieb sabiex jintroduċihom lill-inkwilini u jirrikkmandalhom jisimgħuhom bir-reqqa. Ir-raġel fl-aħħar telaq, imma mhux qabel ma faħħar lill-pijunieri għax-xogħol importanti li kienu qed jagħmlu.
Fl-1998, żewġ pijunieri minn San Tomè marru jgħixu Prinċipe, u f’qasir żmien kienu qed jikkonduċu 17-il studju tal-Bibbja fid-djar. Ix-xogħol kompla jinfirex, u wara ftit il-medja taʼ l-attendenza għall-Istudju tal-Ktieb tal-Kongregazzjoni kienet taʼ 16-il ruħ, u iktar minn 30 ruħ attendew għat-taħdita pubblika. Il-bżonn għal post fejn jiltaqgħu ġie preżentat lill-kunsill tal-post, u bil-ferħ, ngħatat biċċa art biex jibnu Sala tas-Saltna. Aħwa minn San Tomè marru bħala volontiera biex jibnu Sala tas-Saltna żgħira li kellha wkoll akkomodazzjoni għal żewġ pijunieri speċjali.
Mingħajr ebda dubju, l-aħbar tajba qed tipproduċi ħafna frott u qed tiżdied f’dawn il-gżejjer tant imbegħdin. (Kolossin 1:5, 6) F’Jannar taʼ l-1990 kien hemm 46 pubblikatur f’San Tomè u Prinċipe. Matul is-sena taʼ servizz 2002 intlaħqet quċċata taʼ 388 proklamatur tas-Saltna! Iktar minn 20 fil-mija mill-pubblikaturi huma fis-servizz full-time, u qed isiru madwar 1,400 studju tal-Bibbja. L-attendenza għat-Tifkira fl-2001 laħqet quċċata ġdida taʼ 1,907. Iva, f’dawn il-gżejjer tropikali, il-kelma taʼ Jehovah qed timxi ’l quddiem b’ħeffa u qed tiġi glorifikata.—2 Tessalonikin 3:1.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 12]
Programmi tar-Radju Popolari
Pubblikazzjoni li hi apprezzata ħafna f’dawn il-gżejjer hija Iż-Żgħażagħ Jistaqsu—Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhom.a Kull ġimagħtejn, jiġi preżentat programm taʼ 15-il minuta b’dak it-titlu fuq ir-Radju Nazzjonali. X’ferħ tħoss x’ħin tismaʼ lil dak li jippreżentah jistaqsi, “Żgħażagħ, kif tkunu tafu jekk hiex imħabba vera jew infatwazzjoni?” u jkompli billi jaqra silta mill-ktieb! (Ara kapitlu 31.) Programm simili jippreżenta siltiet magħżulin mill-ktieb Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja.*
[Noti taʼ taħt]
a Pubblikati mix-Xhieda taʼ Jehovah.
[Stampa f’paġna 9]
L-ewwel Sala tas-Saltna f’San Tomè fl-1994
[Stampi f’paġna 10]
1. Sala tas-Saltna mibnija fi żmien qasir f’Mé-Zochi
2. Konvenzjoni distrettwali storika nżammet f’dan l-awditorju
3. Kandidati tal-magħmudija ferħanin fil-konvenzjoni
[Sors tal-Istampa f’paġna 8]
Globe: Mountain High Maps® Copyright © 1997 Digital Wisdom, Inc.