X’Jistgħu Jgħallmuna l-Għasafar
“ĦARSU lejn l-għasafar tas-sema; la jiżirgħu u lanqas jaħsdu u lanqas igeddsu fl-imħażen, u madankollu Missierkom li hu fis-smewwiet jitmagħhom! Intom ma tiswewx aktar minnhom?” (Mattew 6:26) Ġesù Kristu qal dan il-kliem fi priedka famuża li ta fuq il-muntanja viċin il-Baħar tal-Galilija. Fost dawk li kienu qed jisimgħuh ma kienx hemm biss is-segwaċi tiegħu. Folla kbira taʼ wħud li kellhom il-potenzjal li jsiru dixxipli u li ġew mill-partijiet kollha tal-pajjiż kienu preżenti. Ħafna minnhom kienu nies foqra li ġabu l-morda għand Ġesù biex ifejjaqhom.—Mattew 4:23–5:2; Luqa 6:17-20.
Wara li fejjaq lil dawk kollha li kienu morda, Ġesù dawwar l-attenzjoni lejn l-affarijiet iktar importanti, jiġifieri, il-bżonnijiet spiritwali. Fost l-affarijiet li għallem insibu dak li semmejna hawn fuq.
L-għasafar tas-sema ilhom jeżistu għal żmien twil. Xi wħud minnhom jieklu l-insetti, oħrajn il-frott u ż-żrieragħ. Jekk Alla għamel tant provvedimenti bħal dawn għall-għasafar, kemm iktar hu kapaċi jgħin lill-qaddejja tiegħu l-bnedmin biex jiksbu l-ħobża taʼ kuljum. Għandu mnejn jagħmel dan billi jgħinhom isibu xogħol sabiex ikunu jistgħu jaqilgħu l-flus ħalli jixtru l-ikel. Jew forsi jistaʼ jagħtihom suċċess f’li jkabbru l-ikel tagħhom. Fi żmien taʼ xi emerġenza, Alla jistaʼ jqanqal il-qlub taʼ ġirien u ħbieb taʼ qalb tajba biex jaqsmu l-ikel li jkollhom maʼ wħud fil-bżonn.
Hemm ħafna iktar x’nistgħu nitgħallmu jekk nosservaw kif jgħixu l-għasafar. Alla ħalaq l-għasafar b’istinti taʼ l-għaġeb li jġagħluhom jagħmlu bejtiet fejn ikunu jistgħu jrabbu ċ-ċkejknin tagħhom. Innota żewġ tipi differenti taʼ bejtiet. Fl-istampa li hemm fuq ix-xellug naraw bejta li tagħmel tip taʼ ħawwiefa magħrufa bħala l-African rock martin. Hija mibnija fuq il-wiċċ tal-blat u mal-ħajt taʼ xi dar. Is-saqaf taʼ bejtiet bħal dawn huwa magħmul minn ġebla mqabbża ’l barra jew, kif inhu muri fl-istampa, f’xi xifer taʼ xi bejt. L-art tal-bejta hija magħmula minn biċċiet żgħar tat-tajn imwaħħlin flimkien f’forma taʼ tazza. Kemm l-irġiel u kemm in-nisa jaħdmu iebes biex jiġbru l-biċċiet tat-tajn u għandhom mnejn jieħdu ’l fuq minn xahar biex ilestu l-bejta. Imbagħad jiksuha bil-ħaxix u r-rix. It-tnejn jagħtu sehemhom f’li jitimgħu liż-żgħar. Dik li tidher fl-istampa t’isfel hija l-bejta taʼ tip t’għasfur li jissejjaħ masked weaver. Dan l-għasfur Afrikan bieżel jibni l-bejta tiegħu billi juża weraq irqiq u strixxi taʼ ħxejjex oħra. Hu jistaʼ jlesti l-bejta f’jum wieħed u jinseġ iktar minn 30 waħda fi staġun wieħed!
Il-lezzjoni x’inhi? Jekk Alla jagħti lill-għasafar abbiltajiet bħal dawn u jagħtihom tant materjal biex jibnu l-bejtiet tagħhom, kemm iktar jistaʼ jgħin lill-qaddejja tiegħu l-bnedmin biex jiksbu l-post fejn jgħixu li tant għandhom bżonn. Biss, Ġesù wera li hemm bżonn xi ħaġa oħra jekk irridu lil Alla Jehovah jgħinna niksbu l-affarijiet materjali li neħtieġu. Ġesù wiegħed: “Mela fittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja taʼ Alla, u dan kollu jingħatalkom ukoll.” (Mattew 6:33) Għandek mnejn taħseb, ‘X’inhu involut f’li nfittxu s-Saltna t’Alla l-ewwel?’ Ix-Xhieda taʼ Jehovah, li jqassmu din ir-rivista, se jkunu kuntenti jwiġbulek din il-mistoqsija.