LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w03 6/1 pp. 23-27
  • Ferħ li Ma Nqabblu maʼ Xejn!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ferħ li Ma Nqabblu maʼ Xejn!
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Meta Kont Għadni Żgħir
  • It-​Tieni Gwerra Dinjija—Żmien taʼ Prova
  • Nibda fis-​Servizz Full-time
  • Il-​Problemi u l-​Privileġġi taʼ l-​Ippridkar
  • Firda taʼ Qsim il-​Qalb
  • Orbot qalbek maʼ teżori spiritwali
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
  • Nota li Biddlitli Ħajti
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Qatt Ma Waqaft Nitgħallem
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
  • Bidla fl-Inkarigu fl-Età taʼ 80 Sena
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1998
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
w03 6/1 pp. 23-27

Bijografija

Ferħ li Ma Nqabblu maʼ Xejn!

KIF RAKKONTATA MINN REGINALD WALLWORK

“M’hemm xejn f’din id-​dinja li jistaʼ jitqabbel mal-​ferħ li kellna meta konna naqdu lil Jehovah fis-​servizz full-time bħala missjunarji!” Sibt din in-​nota miktuba maʼ l-​affarijiet taʼ marti ftit wara li mietet f’Mejju taʼ l-​1994.

HEKK kif noqgħod naħseb fuq il-​kliem taʼ Irene, niftakar fis-​37 sena mimlijin hena u sodisfazzjon li qattajna naqdu bħala missjunarji fil-​Perù. Gawdejna sħubija Kristjana prezzjuża sa minn meta żżewwiġna fl-​1942—u minn hawn huwa xieraq li nibda l-​istorja tiegħi.

Irene trabbiet bħala waħda mix-​Xhieda taʼ Jehovah f’Liverpool, l-​Ingilterra. Hi kellha żewġ ħutha bniet oħra, u missierha miet waqt l-​ewwel Gwerra Dinjija. Wara dan, ommha żżewġet lil Winton Fraser, u kellhom tifel li semmewh Sidney. Eżatt qabel it-​tieni Gwerra Dinjija, huma marru joqogħdu Bangor, fit-​Tramuntana taʼ Wales, fejn Irene tgħammdet fl-​1939. Sidney tgħammed is-​sena taʼ qabel, għalhekk hu u Irene qdew flimkien bħala pijunieri—evanġelizzaturi full-time—fil-​kosta tat-​tramuntana taʼ Wales, minn Bangor sa Caernarvon, inkluż il-​gżira t’Anglesey.

Dak iż-​żmien, jien kont fil-​Kongregazzjoni taʼ Runcorn, xi 20 kilometru lejn ix-​xlokk taʼ Liverpool, fejn kont naqdi bħala dak li llum jissejjaħ l-​indokratur li jippresiedi. Irene ġiet fuqi meta konna f’assemblea tas-​circuit biex tistaqsini jekk kellix xi territorju fejn setgħet tippriedka, peress li kienet se tqattaʼ xi żmien għand oħtha l-​miżżewġa Vera li kienet toqgħod Runcorn. Jien u Irene tgħidx kemm qbilna fil-​ħmistax li damet magħna, u iktar tard żortha f’Bangor diversi drabi. Kemm fraħt meta darba fi tmiem il-​ġimgħa Irene aċċettat il-​proposta tiegħi biex niżżewġu!

Il-Ħadd, malli mort lura d-​dar, mill-​ewwel bdejt nagħmel l-​arranġamenti għat-​tieġ tagħna, iżda t-​Tlieta rċivejt telegramma. Dan kien jgħid hekk: “Jiddispjaċini imma se tweġġaʼ minħabba dak li se ngħidlek f’dan it-​telegramma. Se jkolli nħassar it-​tieġ tagħna. Dalwaqt tirċievi ittra.” Ma ridtx nemmen. X’setaʼ mar ħażin?

L-ittra taʼ Irene waslitli l-​għada. Hi qaltli li kienet sejra Horsforth, f’Yorkshire biex taqdi bħala pijuniera maʼ Hilda Padgett.a Spjegatli li xi 12-il xahar qabel kienet aċċettat li taqdi fejn hemm l-​iktar bżonn, jekk tiġi mitluba tagħmel hekk. Hi kitbet: “Għalija din kienet qisha wegħda lil Jehovah, u nħoss li minħabba li għamilt din il-​wegħda qabel ma sirt nafek, irrid inwettaqha bilfors.” Għalkemm kont imnikket, ammirajt ħafna l-​integrità tagħha u weġibtha billi bgħattilha telegramma: “Mur. Jien se nistenniek.”

Waqt li kienet Yorkshire, Irene weħlet sentenza taʼ tliet xhur ħabs talli minħabba l-​kuxjenza tagħha m’aċċettatx li tappoġġa l-​gwerra. Iżda 18-il xahar wara, f’Diċembru taʼ l-​1942, iżżewwiġna.

Meta Kont Għadni Żgħir

Fl-​1919, ommi xtrat is-​sett tal-​kotba Studies in the Scriptures.b Għalkemm, bħalma qalilha missieri dak iż-​żmien, hi qatt ma kienet qrat ktieb sħiħ, ommi kienet determinata li tistudja dawn il-​volumi bir-​reqqa flimkien mal-​Bibbja tagħha. Hekk għamlet u tgħammdet fl-​1920.

Missieri ma kienx aħrax u ħalla lil ommi tagħmel dak li xtaqet, u dan kien jinkludi li trabbi lill-​erbaʼ wliedhom—liż-​żewġ ħuti l-​bniet, Gwen u Ivy; lil ħija Alec, u lili—fit-​triq tal-​verità. Stanley Rogers u Xhieda leali oħrajn f’Liverpool kienu jivvjaġġaw biex jagħtu taħditiet Bibliċi f’Runcorn, fejn fi żmien qasir ġiet ifformata kongregazzjoni ġdida. Il-​familja tagħna mxiet ’il quddiem spiritwalment flimkien mal-​kongregazzjoni.

Gwen kienet qed tmur għal-​lezzjonijiet tal-​griżma fiċ-​Church of England iżda waqfet malli bdiet tistudja l-​Bibbja flimkien m’ommi. Meta l-​vigarju ġie jżurna biex jara għaliex ma baqgħetx tattendi għal-​lezzjonijiet tiegħu, ġie bombardjat bil-​mistoqsijiet li hu ma kienx lest għalihom. Gwen staqsietu dwar it-​tifsira tat-​talba tal-​Missierna u spiċċat tispjegahielu hi! Hi kkonkludiet billi kkwotatlu l-​1 Korintin 10:21, u għamlithielu ċara li ma kinitx se tkompli tiekol minn ‘żewġ imwejjed.’ Hekk kif telaq mid-​dar, il-​vigarju qal li kien se jitlob għal Gwen u li kien se jerġaʼ jiġi biex iwieġeb il-​mistoqsijiet tagħha, iżda qatt ma reġaʼ ġie. Wara li Gwen tgħammdet, fi żmien qasir saret evanġelizzatriċi full-time.

L-attenzjoni li kienet tingħata liż-​żgħażagħ fil-​kongregazzjoni tagħna kienet waħda eżemplari. Għadni niftakarni nismaʼ taħdita minn anzjan li ġie jżurna meta kelli sebaʼ snin. Wara ġie jkellimni. Jien għedtlu li kont għadni kif qrajt dwar Abraham u dwar kif ipprova joffri lil ibnu, Iżakk. Hu qalli: “Mur fir-​rokna tal-​platform u għidli dwarha.” Kemm fraħt għax mort fuq il-​platform nagħti l-​ewwel “taħdita pubblika” tiegħi!

Tgħammidt taʼ 15-il sena fl-​1931, fis-​sena li mietet ommi, u ħriġt mill-​iskola biex dħalt bħala apprendist ħalli nitgħallem is-​sengħa t’elektrixin. Fl-​1936, kienu qed jindaqqu rikordings taʼ taħditiet mill-​Bibbja fil-​pubbliku, u oħt avanzata fl-​età ħeġġet lili u lil ħija biex ninvolvu ruħna f’dan l-​aspett t’attività. Għalhekk, jien u Alec morna Liverpool biex nixtru rota u ħadnieha biex iżidulna kaxxa mal-​ġenb li fiha stajna nġorru l-​fonografu. Fil-​parti taʼ wara tal-​kaxxa waħħalna tubu għoli żewġ metri, li kien jogħla u jinżel u fuqu għamilna loudspeaker. Il-​mekkanik qalilna li kien għadu qatt m’għamel xi ħaġa bħalha qabel, imma xorta rnexxiet. Ħdimna t-​territorju bil-​ħeġġa kollha, grati għall-​inkuraġġiment taʼ l-​oħt u l-​privileġġi taʼ servizz li ġew fdati lilna.

It-​Tieni Gwerra Dinjija—Żmien taʼ Prova

Bil-​gwerra mdendla fuq rasna, jien u Stanley Rogers konna okkupati nirreklamaw it-​taħdita pubblika “Face the Facts” (Iffaċċja l-​Fatti), li kellha tingħata fir-​Royal Albert Hall taʼ Londra, fil-​11 taʼ Settembru, 1938. Ftit wara, ħadt sehem fit-​tqassim tal-​fuljett taʼ din it-​taħdita, flimkien maʼ fuljett ieħor li ħareġ is-​sena taʼ wara intitolat Fascism and Freedom (Il-Faxxiżmu u l-​Libertà). Iż-​żewġ fuljetti kienu jikxfu b’mod ċar l-​ambizzjonijiet totalitarji tal-​Ġermanja taħt Hitler. Sa dak iż-​żmien, f’Runcorn kont sirt magħruf mhux ħażin għall-​ministeru pubbliku tiegħi u n-​nies kienu jirrispettawni ferm. Tabilħaqq, il-​fatt li dejjem kont minn taʼ quddiem fl-​attività teokratika swieli taʼ ġid.

Il-kumpanija li kont naħdem magħha għamlet kuntratt biex tipprovdi l-​elettriku għal fabbrika ġdida barra r-​raħal. Meta sirt naf li din kellha tkun fabbrika taʼ l-​armi tal-​gwerra, għedtilhom ċar u tond li ma stajtx naħdem hemm. Għalkemm l-​imgħallmin tiegħi ma ħadux pjaċir, il-​foreman qabeż għalija, u tawni xogħol ieħor. Iktar tard sirt naf li hu kellu zija li wkoll kienet waħda mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

Wieħed minn sħabi tax-​xogħol inkuraġġieni ħafna meta qalli: “Reg, hekk konna nistennew li taġixxi peress li ilek dawn is-​snin kollha tieħu sehem f’dak ix-​xogħol tal-​Bibbja.” Minkejja dan, kelli noqgħod attent għax ħafna minn sħabi tax-​xogħol riedu jaqilgħuli l-​inkwiet.

Ir-reġistrazzjoni tiegħi bħala wieħed li jirrifjuta s-​servizz militari minħabba l-​kuxjenza ġiet aċċettata mill-​qorti f’Liverpool f’Ġunju taʼ l-​1940 bil-​kundizzjoni li nibqaʼ fix-​xogħol li kelli. M’għandniex xi ngħidu, dan għenni nkompli bil-​ministeru Kristjan tiegħi.

Nibda fis-​Servizz Full-time

Hekk kif il-​gwerra waslet biex tintemm, iddeċidejt li nitlaq ix-​xogħol li kelli u ningħaqad maʼ Irene fil-​ministeru full-time. Fl-​1946, bnejt karavan taʼ 5 metri li sar id-​dar tagħna, u s-​sena taʼ wara, ġejna mitluba mmorru Alveston, raħal fi Gloucestershire. Imbagħad, qdejna bħala pijunieri fir-​raħal antik taʼ Cirencester, fil-​belt taʼ Bath. Fl-​1951, ġejt mistieden biex inżur lill-​kongregazzjonijiet fin-​nofsinhar taʼ Wales bħala indokratur li jivvjaġġa, iżda inqas minn sentejn wara, konna fi triqitna lejn l-​Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead) għat-​taħriġ missjunarju.

Il-​21 klassi taʼ l-​iskola saret f’South Lansing, fl-​istat taʼ New York, u ggradwajna fl-​1953 fin-​New World Society Assembly (l-Assemblea Soċjetà tad-​Dinja l-​Ġdida) li saret fil-​Belt taʼ New York. Jien u Irene ma konniex nafu fejn konna se nintbagħtu sa dakinhar li ggradwajna. Kemm fraħna meta sirna nafu li konna se nintbagħtu l-​Perù. Għala? Għax Sidney Fraser, il-​ħu tar-​rispett taʼ Irene, u martu Margaret, kienu ilhom jaqdu fl-​uffiċċju tal-​fergħa taʼ Lima għal iktar minn sena wara li ggradwaw mid-​19-il klassi taʼ Gilgħad!

Sakemm konna qed nistennew il-​visa tagħna, qattajna ftit taż-​żmien naħdmu fil-​Betel taʼ Brooklyn, iżda ma domniex ma konna fi triqitna lejn Lima. L-​ewwel inkarigu mill-​għaxra li kellna bħala missjunarji kien Callao, il-​port prinċipali tal-​Perù, lejn il-​punent taʼ Lima. Għalkemm tgħallimna ftit kliem bażiku bl-​Ispanjol, sa dan iż-​żmien la jien u lanqas Irene ma konna nafu nagħmlu konversazzjoni b’din il-​lingwa. Kif konna se nkampaw?

Il-​Problemi u l-​Privileġġi taʼ l-​Ippridkar

F’Gilgħad ħareġ il-​punt li omm ma tgħallimx il-​lingwa lit-​tarbija tagħha. Minflok, it-​tarbija titgħallimha hekk kif l-​omm tkellimha. Allura tawna l-​parir: “Oħorġu ippridkaw mill-​ewwel, u tgħallmu l-​lingwa mingħand in-​nies. Huma se jgħinukom.” Waqt li kont qed nistinka biex nidra din il-​lingwa, immaġina kif ħassejtni meta, wara ħmistax li konna ilna li wasalna ġejt inkarigat naqdi bħala indokratur li jippresiedi għall-​kongregazzjoni taʼ Callao! Mort nara lil Sidney Fraser, iżda l-​parir tiegħu kien bħal dak li tawna f’Gilgħad—agħmilha mal-​kongregazzjoni u man-​nies fit-​territorju tiegħek. Iddeċidejt li nsegwi dan il-​parir.

Is-Sibt fil-​għodu ltqajt maʼ mastrudaxxa fil-​ħanut tiegħu. Hu qalli: “Irrid inkompli b’xogħli, imma jekk jogħġbok poġġi bil-​qiegħda u għidli.” Jien għedtlu li hekk kont se nagħmel iżda b’kundizzjoni waħda: “Meta nieħu żball, jekk jogħġbok ikkoreġini. Mhux se nieħu għalija.” Hu daħaqha u aċċetta li jagħmel kif għedtlu. Kont inżuru darbtejn fil-​ġimgħa u sibt li dan kien mod ideali kif insir familjari mal-​lingwa l-​ġdida tiegħi, eżatt kif kienu qaluli.

B’kumbinazzjoni, f’Ica, it-​tieni inkarigu missjunarju tagħna, iltqajt maʼ mastrudaxxa ieħor u spjegajtlu l-​arranġament li kelli f’Callao. Hu qabel li jgħinni bl-​istess mod, għalhekk l-​Ispanjol tiegħi kompla jitjieb b’mod sodisfaċenti, għalkemm għaddew tliet snin sakemm stajt nitkellmu sew. Dan ir-​raġel dejjem kien ikollu ħafna x’jagħmel, iżda rnexxieli nikkonduċi studju tal-​Bibbja miegħu billi naqralu l-​Iskritturi u mbagħad nispjegalu xi jfissru. Ġimgħa minnhom mort narah, u l-​imgħallem tiegħu qalli li telaq għax sab xogħol ġdid f’Lima. Ftit taż-​żmien wara, meta jien u Irene wasalna f’Lima għal konvenzjoni, erġajt iltqajt maʼ dan ir-​raġel. Kemm fraħt meta sirt naf li hu kien ikkuntattja lix-​Xhieda tal-​lokal biex ikompli jistudja u li flimkien mal-​familja tiegħu kienu kollha saru qaddejja dedikati taʼ Jehovah!

F’kongregazzjoni waħda skoprejna li koppja żagħżugħa ma kinux miżżewġin, u madankollu kienu tgħammdu. Meta ddiskutejna magħhom il-​prinċipji Skritturali li huma involuti, huma ddeċidew li jillegalizzaw ir-​rabta tagħhom, u dan kien se jippermettilhom li jikkwalifikaw bħala Xhieda mgħammdin. Allura għamilt l-​arranġamenti biex niħodhom sa l-​uffiċċju tal-​gvern ħalli jirreġistraw iż-​żwieġ tagħhom. Iżda mbagħad inqalgħet problema għaliex kellhom erbat itfal li lanqas dawn ma kienu reġistrati, u din kienet ħtieġa legali. Ovvjament, aħna inkwetajna dwar l-​azzjoni li setaʼ jieħu s-​sindku. Is-​sindku qal: “Minħabba li dawn in-​nies twajbin, sħabkom ix-​Xhieda taʼ Jehovah, ħeġġewkom biex tillegalizzaw iż-​żwieġ tagħkom, se niffrankalkom li titilgħu l-​qorti u l-​flus li suppost teħlu fuq kull tifel u se ndaħħalhom fir-​reġistru mingħajr ħlas.” Kemm konna grati, għaliex din il-​familja kienet fqira u kwalunkwe multa kienet tkun piż kbir għalihom!

Albert D. Schroeder, mill-​kwartieri ġenerali tax-​Xhieda taʼ Jehovah fi Brooklyn, ġie jżurna iktar tard u tana l-​parir li jkollna dar missjunarja ġdida f’parti oħra taʼ Lima. Allura, jien u Irene, flimkien maʼ żewġt aħwa nisa, Frances u Elizabeth Good mill-​Istati Uniti, u koppja miżżewġa mill-​Kanada morna noqogħdu fid-​distrett taʼ San Borja. Fi żmien sentejn jew tlieta, ġejna mberkin b’kongregazzjoni oħra li bdiet tiffjorixxi.

Meta morna naqdu f’Huancayo, iktar minn 3,000 metru ’l fuq fil-​muntanji ċentrali, bdejna nattendu l-​kongregazzjoni t’hemmhekk li kellha 80 Xhud. Hemmhekk kont involut fix-​xogħol tal-​bini tat-​tieni Sala tas-​Saltna li kellha tinbena fil-​pajjiż. Ħatruni bħala r-​rappreżentant legali tax-​Xhieda taʼ Jehovah, peress li kellna nitilgħu l-​qorti tliet darbiet sabiex nistabbilixxu d-​drittijiet legali li kellna fuq l-​art li konna xtrajna. Dawn l-​azzjonijiet, flimkien max-​xogħol kbir li għamlu ħafna missjunarji leali f’dawk is-​snin tal-​bidu fix-​xogħol taʼ li jagħmlu dixxipli, poġġew il-​bażi għaż-​żjieda mill-​aqwa li naraw issa fil-​Perù—minn 283 Xhud fl-​1953 għal iktar minn 83,000 li hemm illum.

Firda taʼ Qsim il-​Qalb

Gawdejna sħubija meraviljuża maʼ sħabna l-​missjunarji fid-​djar missjunarji kollha tagħna, fejn spiss kelli l-​privileġġ li naqdi bħala l-​indokratur tad-​dar. Kull nhar taʼ Tnejn fil-​għodu, konna ninġabru biex nitkellmu dwar l-​attività tagħna għall-​ġimgħa li jkollna quddiemna u biex inqassmu x-​xogħlijiet ħalli nieħdu ħsieb id-​dar tagħna. Ilkoll kemm aħna konna nirrealizzaw li l-​iktar importanti kien l-​ippridkar, u għal dan il-​fatt kollha ħdimna flimkien għalenija. Nieħu pjaċir niftakar li qatt ma kellna tilwim serju f’ebda waħda mid-​djar missjunarji tagħna.

L-​aħħar inkarigu missjunarju tagħna kien fi Breña, distrett ieħor taʼ Lima. Il-​kongregazzjoni magħquda taʼ 70 Xhud li kien hemm f’dan il-​post malajr qabżet sew il-​100 ruħ, u għalhekk ġiet ifformata kongregazzjoni oħra f’Palominia. Kien f’dan iż-​żmien li Irene mardet. Għall-​ewwel, indunajt li kultant ma bdietx tiftakar x’kienet tkun għadha kif qalet, u xi drabi kienet issibha diffiċli biex tiftakar kif għandha tasal id-​dar. Għalkemm ngħatat kura medika mill-​aqwa, il-​kundizzjoni tagħha bil-​mod il-​mod marret għall-​agħar.

B’niket kbir, fl-​1990 kelli nagħmel arranġamenti biex immorru lura l-​Ingilterra fejn oħti Ivy b’qalb tajba laqgħetna f’darha. Erbaʼ snin wara, taʼ 81 sena, Irene mietet. Jien komplejt fil-​ministeru full-time, u issa qed naqdi bħala anzjan f’waħda mill-​kongregazzjonijiet tar-​raħal tiegħi. Kultant, nivvjaġġa lejn Manchester biex ninkuraġġixxi lill-​grupp taʼ l-​Ispanjol f’dan il-​post.

Dan l-​aħħar kelli esperjenza inkuraġġanti, li bdiet għaxriet tas-​snin ilu meta kont insemmaʼ l-​priedki taʼ ħames minuti bil-​fonografu lill-​inkwilini. Għadni niftakar sew tifla żgħira taʼ l-​iskola wara ommha fil-​bieb, tismaʼ l-​messaġġ.

Maż-żmien, din it-​tifla emigrat lejn il-​Kanada, u ħabiba tagħha li għadha tgħix f’Runcorn u li issa hija Xhud żammet kuntatt magħha. Dan l-​aħħar hi kitbitilha li tnejn mix-​Xhieda kienu marru għandha u użaw espressjonijiet li fakkruha f’dak li kienet semgħet f’dak ir-​rikording taʼ ħames minuti. Hi għarfet li din kienet il-​verità u issa hija qaddejja dedikata taʼ Jehovah u talbitha biex tirringrazzja liż-​żagħżugħ li kien żar id-​dar t’ommha iktar minn 60 sena ilu! Verament, qatt ma tkun taf kif iż-​żerriegħa tal-​verità se tinbet u tikber.—Koħèlet 11:6.

Iva, inħares lura bi gratitudni profonda lejn il-​ħajja li qattajt fis-​servizz prezzjuż taʼ Jehovah. Minn meta ddedikajt ruħi fl-​1931, qatt ma tlift assemblea waħda tal-​poplu taʼ Jehovah. Għalkemm jien u Irene ma kellniex tfal, jien kuntent li għandi iktar minn 150 tifel u tifla f’sens spiritwali, kollha jaqdu lil Missierna tas-​sema, Jehovah. Kif qalet marti l-​għażiża, il-​privileġġi tagħna tabilħaqq tawna ferħ li ma jitqabbel maʼ xejn.

[Noti taʼ taħt]

a Il-bijografija taʼ Hilda Padgett li jisimha “Following in My Parents’ Footsteps” (Insegwi l-​Passi tal-​Ġenituri Tiegħi), dehret fil-​Watchtower taʼ l-​1 t’Ottubru, 1995, paġni 19-24.

b Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

[Stampa f’paġna 24]

Ommi, fil-​bidu tas-​seklu għoxrin

[Stampa f’paġna 25]

Fuq: Jien u Irene quddiem id-​dar karavan tagħna

[Stampa f’paġna 25]

Xellug: Hilda Padgett, jien, Irene, u Joyce Rowley f’Leeds, l-​Ingilterra, fl-​1940

[Stampa f’paġna 27]

Nirreklama taħdita pubblika, f’Cardiff, Wales, fl-​1952

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja