Bijografija
Is-Sehem Tiegħi fl-Avanzar taʼ l-Edukazzjoni Divina Madwar il-Globu
KIF RAKKONTATA MINN ROBERT NISBET
Ir-Re Sobhuza II tas-Sważiland laqaʼ lili u lil ħija George fir-residenza rjali tiegħu. Kienet is-sena 1936, iżda għadni niftakar il-konversazzjoni tagħna qisu kien il-bieraħ. Ir-raġuni għala kelli din il-konversazzjoni twila maʼ re kellha x’taqsam mal-fatt li ili nissieħeb f’xogħol kbir taʼ tagħlim mill-Bibbja. Issa li għandi 95 sena, inħares lura b’għożża lejn is-sehem tiegħi f’dan ix-xogħol, li ħadni f’ħames kontinenti differenti.
KOLLOX beda fl-1925 meta bejjiegħ tat-te li kien jismu Dobson beda jżur lill-familja tagħna f’Edinburgh, l-Iskozja. Kelli qrib l-għoxrin sena u kont naħdem bħala apprendist fi spiżerija. Għalkemm tistaʼ tgħid li kont għadni żgħir, xorta kont ninkwieta dwar il-bidliet kruċjali li l-gwerra dinjija taʼ bejn l-1914 u l-1918 ġabet lill-familji u l-ħajja reliġjuża. F’waħda miż-żjajjar tiegħu, is-Sur Dobson ħallielna l-ktieb The Divine Plan of the Ages. Il-mod kif il-ktieb ippreżenta lill-Ħallieq intelliġenti bħala li għandu “pjan” definit tant deher raġunevoli u jixraq maʼ dak Alla li ridt inqim.
Ftit wara, jien u ommi bdejna nattendu l-laqgħat taʼ l-Istudenti tal-Bibbja, kif kienu magħrufin ix-Xhieda taʼ Jehovah dak iż-żmien. F’Settembru taʼ l-1926, f’konvenzjoni ġo Glasgow, kemm jien kif ukoll ommi tgħammidna fl-ilma bħala simbolu tad-dedikazzjoni tagħna lil Jehovah. Kull kandidat tal-magħmudija kien jingħata libsa twila sa l-art li tinqafel maʼ l-għekiesi biex jilbisha fuq il-malja li kien ikollu s-soltu. Dakinhar dan kien meqjus bħala lbies xieraq għal okkażjoni serja bħal din.
F’dak iż-żmien tal-bidu, il-fehma tagħna dwar ħafna affarijiet kellha bżonn tiġi ċċarata. Ħafna mill-membri tal-kongregazzjoni, jekk mhux kollha, kienu jiċċelebraw il-Milied. Ftit kienu dawk li jieħdu sehem fil-ministeru taʼ l-għalqa. Saħansitra xi anzjani ma kinux jaqblu li nqassmu l-letteratura l-Ħadd, għax kienu jħossu li dan imur kontra s-Sabat. Madankollu, artikli fil-Watch Tower taʼ l-1925 bdew jitkellmu iktar spiss dwar skritturi bħal Mark 13:10: “Għax l-ewwel jeħtieġ li l-Evanġelju jkun imxandar lill-ġnus kollha.”
Kif setaʼ jitwettaq dan ix-xogħol globali? Fl-ewwel prova sempliċi tiegħi biex nieħu sehem fl-ippridkar minn dar għal dar, kulma għedt lill-inkwilin kien li qed inbigħ kotba reliġjużi sbieħ u offrejt The Harp of God, ktieb li kien jispjega għaxar tagħlimiet importanti fil-Bibbja, u jxebbahhom maʼ għaxar kordi fuq arpa. Iktar tard, ġejna mogħtijin biljett tat-testimonjanza, li kellu messaġġ qasir biex jinqara mill-inkwilin. Konna wkoll nużaw taħditiet rekordjati t’erbaʼ minuti u nofs li stajna nsemmgħuhom fuq fonografu. Il-mudelli tal-bidu kienu tqal mhux ħażin biex jinġarru, iżda dawk li ħarġu iktar tard kienu ħafna eħfef, u xi wħud minnhom stajna ndoqquhom anki meta nqegħduhom f’pożizzjoni wieqfa.
Bejn l-1925 u l-1939 tajna xiehda bl-aħjar mod li konna nafu. Imbagħad kmieni fis-snin 40, ġiet introdotta l-Iskola tal-Ministeru Teokratiku fil-kongregazzjonijiet kollha. Ġejna mgħallmin kif nippreżentaw personalment il-messaġġ tas-Saltna billi nkellmu direttament lill-inkwilini li kienu lesti jisimgħuna. Tgħallimna wkoll kemm hu importanti li nikkonduċu studji tal-Bibbja fid-djar maʼ dawk li jkunu interessati. Sa ċertu punt, nistgħu ngħidu li dan kien il-bidu tax-xogħol tat-tagħlim mill-Bibbja li għadu jsir bħalissa mad-dinja kollha.
Inkuraġġiment minn Ħuna Rutherford
Ix-xewqa tiegħi biex ikolli sehem akbar fix-xogħol taʼ l-edukazzjoni wasslitni biex fl-1931 bdejt naqdi fil-ministeru bħala pijunier full-time. Kelli nibda eżatt wara konvenzjoni li saret f’Londra. Madankollu, matul il-ħin tal-brejk, Ħuna Joseph Rutherford, li kien jindokra x-xogħol dak iż-żmien, xtaq ikellimni. Hu kien qed jagħmel pjanijiet biex jintbagħat pijunier fl-Afrika. “Tixtieq tmur int?” staqsieni. Għalkemm ħasadni xi ftit, b’determinazzjoni rnexxieli ngħidlu: “Iva, immur.”
Dak iż-żmien il-mira prinċipali tagħna kienet li nqassmu kemm jistaʼ jkun letteratura mill-Bibbja, u dan kien ifisser li nivvjaġġaw il-ħin kollu. Ħeġġewni biex ma niżżewwiġx, bħalma kienu jagħmlu ħafna aħwa rġiel li kellhom responsabbiltajiet taʼ indokrar dak iż-żmien. It-territorju tiegħi beda f’Cape Town, fin-nofsinhar taʼ l-Afrika, u kien mifrux tul in-naħa tal-lvant tal-kontinent, inkluż il-gżejjer mal-kosta taʼ l-Oċean Indjan. Biex nivvjaġġa lejn il-punent kelli ngħaddi mir-ramel jaħraq tad-Deżert Kalahari u ’l fuq ħdejn is-sors tax-Xmara Nil f’Lake Victoria. Flimkien maʼ xi ħadd li jakkumpanjani, għal darba wara l-oħra kelli nagħmel sitt xhur f’wieħed jew iktar mill-pajjiżi Afrikani li jinsabu f’dan il-post enormi.
Mitejn Kaxxa t’Għana Spiritwali
Meta wasalt Cape Town, ġejt muri 200 kaxxa letteratura li kellha tintbagħat lejn l-Afrika tal-Lvant. Il-letteratura kienet stampata b’erbaʼ lingwi Ewropej u erbaʼ lingwi Asjatiċi, iżda ma kien hemm xejn stampat b’xi waħda mil-lingwi Afrikani. Meta staqsejt għala din il-letteratura kollha waslet qabli, qaluli li kellha tkun għal Frank u Gray Smith, żewġ pijunieri li reċentement kienu marru l-Kenja jippridkaw. Kważi eżatt malli waslu l-Kenja, it-tnejn li huma qabdithom il-malarja, u b’dispjaċir, Frank miet.
Għalkemm din l-aħbar ġagħlitni naħseb, ma qatgħetlix qalbi. Jien u sieħbi, David Norman, tlaqna minn Cape Town bil-vapur lejn l-ewwel inkarigu tagħna fit-Tanzanija, xi 5,000 kilometru ’l bogħod. Aġent taʼ l-ivvjaġġar f’Mombasa, il-Kenja, ħa ħsieb il-ħażna tagħna tal-letteratura u kien jibagħtilna l-kaxxi fejn konna ngħidulu. Għall-ewwel, konna nagħtu xiehda fl-inħawi tan-negozju—fil-ħwienet u fl-uffiċċji—taʼ kull raħal. Parti mill-ħażna tal-letteratura tagħna kienet tikkonsisti f’settijiet taʼ 9 kotba u 11-il fuljett, li minħabba l-kuluri differenti tagħhom saru magħrufa bħala s-settijiet tal-qawsalla.
Imbagħad, iddeċidejna li nżuru l-gżira taʼ Zanzibar, xi 30 kilometru ’l barra mill-kosta tal-lvant. Għal sekli sħaħ, Zanzibar kienet ċentru tal-bejgħ taʼ l-ilsiera iżda kienet magħrufa wkoll għall-imsiemer tal-qronfol, li kienu jinxtammu kulfejn tmur fil-belt. Konna naqtgħu daqsxejn qalbna biex induru mal-belt, għaliex din kienet mibnija mingħajr pjan. It-toroq imserrpin kienu jħawduk u malajr konna nintilfu. Il-lukanda fejn qgħadna kienet biżżejjed għall-bżonnijiet tagħna, iżda kellha bibien kollhom imsiemer u ħitan ħoxnin u iktar kienet tidher qisha ħabs milli lukanda. Madankollu, hemmhekk kellna riżultati tajbin u konna kuntenti li stajna nsibu Għarab, Indjani, u oħrajn li aċċettaw mill-qalb il-letteratura tagħna.
Ferroviji, Dgħajjes, u Karozzi
F’dak iż-żmien ma kienx faċli tivvjaġġa fl-Afrika tal-Lvant. Per eżempju, fi triqitna minn Mombasa lejn il-muntanji tal-Kenja, il-ferrovija li konna fuqha kellha tieqaf minħabba qatgħa kbira ġradijiet. Miljuni taʼ ġradijiet għattew l-art u l-linji tal-ferrovija, u minħabba f’hekk dawn il-linji bdew jiżolqu wisq biex ir-roti tal-ferrovija jaqbdu magħhom. L-unika soluzzjoni kienet li jinħaslu l-linji taʼ quddiem il-ferrovija bl-ilma jagħli mil-lokomottiva. B’dan il-mod, il-ferrovija mxiet biċ-ċlikki ċlikki sakemm fl-aħħar għaddejna mill-qatgħa ġradijiet. U x’serħan meta l-ferrovija bdiet tielgħa iktar ’il fuq u stajna ngawdu l-klima iktar friska tal-muntanji!
Waqt li faċilment stajna naslu fl-irħula taʼ mal-kosta bil-ferrovija u bil-vapur, l-aħjar mod biex immorru fl-irħula tal-kampanja kien bil-karozza. Fraħt meta ħija George ngħaqad miegħi, għax imbagħad stajna nixtru vann kbir mhux ħażin, spazjuż biżżejjed biex ikollna s-sodod, il-kċina, fejn nerfgħu l-affarijiet, u twieqi li minnhom ma setax jgħaddi n-nemus. Kellna wkoll il-loudspeakers imwaħħlin mas-saqaf. Peress li konna mgħammrin tajjeb, stajna nagħtu xiehda minn dar għal dar matul il-jum u nistiednu lin-nies biex jiġu għat-taħditiet taʼ fil-għaxija li konna nagħtu fil-pjazez tal-monti. Taħdita rekordjata li konna nsemmgħu spiss kien jisimha “L-Infern Jaħraq?” Ivvjaġġajna mill-Afrika t’Isfel sal-Kenja, vjaġġ taʼ 3,000 kilometru bid-“dar tar-roti” tagħna, u konna kuntenti li s’issa kellna varjetà taʼ fuljetti bil-lingwi Afrikani, u li n-nies tal-lokal kienu jiħdulna b’ħerqa kbira.
Esperjenza mill-isbaħ għalina kienet li f’dawn il-vjaġġi stajna naraw ħafna annimali salvaġġi Afrikani. M’għandniex xi ngħidu, għas-sigurtà tagħna konna noqogħdu fil-vann meta jaqaʼ d-dlam, iżda l-fidi verament kienet tissaħħaħ meta konna naraw varjetà daqshekk kbira t’annimali li ħalaq Jehovah fl-istat naturali tagħhom.
Tibda l-Oppożizzjoni
Waqt li konna attenti minħabba l-annimali salvaġġi, dan ma kien xejn meta mqabbel maʼ dak li kellna nagħmlu meta ffaċċjajna diversi uffiċjali tal-gvern u xi mexxejja reliġjużi. Dawn taʼ l-aħħar kienu inkorlati għalina u bdew jopponu fil-beraħ ix-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna. Problema kbira li kellna nissieltu magħha kienet dik taʼ fanatiku li kien isejjaħ lilu nnifsu Mwana Lesa, jiġifieri “Bin Alla,” u l-grupp tiegħu magħruf bħala Kitawala, li sfortunatament tfisser “Torri taʼ l-Għassa.” Ftit qabel wasalna, dan l-individwu kien għarraq bosta Afrikani, bl-iskuża li qed jgħammidhom. Sa fl-aħħar arrestawh u għallquh. Iktar tard, kelli l-opportunità nitkellem maʼ dak li għallqu biex nispjegalu li dan ir-raġel bl-ebda mod ma kien konness mas-soċjetà tagħna, il-Watch Tower Society.
Ukoll, kellna xi diffikultajiet minħabba xi Ewropej li ma kinux kuntenti bix-xogħol tagħna tat-tagħlim, prinċipalment għal raġunijiet finanzjarji. Ċertu sid taʼ maħżen beda jilmenta: “Jekk il-bojod iridu jibqgħu f’dan il-pajjiż, l-Afrikani m’għandhomx jiskopru kemm qed jiġi sfruttat ix-xogħol tagħhom bi ħlas baxx.” Għall-istess raġuni, sid kumpanija taʼ minjiera tad-deheb ordnali biex nitlaq minnufih mill-uffiċċju tiegħu. Imbagħad bir-rabja kollha wassalni barra sat-triq.
Żgur li l-gvern taʼ Rhodesia (illum Żimbabwe) ġie influwenzat bil-kbir minn dawn l-uħud reliġjużi u l-kummerċjanti li opponew, u wasal biex ordnalna nitilqu mill-pajjiż. Għamilna appell fil-qorti minħabba din id-deċiżjoni u rnexxielna niksbu l-permess biex nibqgħu hemm, bil-kundizzjoni li ma nippridkawx lill-Afrikani. Ir-raġuni li ngħatat minn ċertu uffiċjal kienet li l-letteratura tagħna “ma kinitx addattata għall-mod taʼ ħsieb taʼ l-Afrikani.” Madankollu, f’pajjiżi oħrajn ix-xogħol edukattiv tagħna fost l-Afrikani ma twaqqafx, anzi ġie milqugħ. Wieħed minn dawn il-pajjiżi kien is-Sważiland.
Merħba Rjali fis-Sważiland
Is-Sważiland huwa pajjiż żgħir u indipendenti li jkopri 17,364 kilometru kwadru u jinsab fin-nofsinhar taʼ l-Afrika. Hawnhekk iltqajna mar-Re tant elokwenti Sobhuza II, li semmejt fil-bidu taʼ dan ir-rakkont. Hu kien jaf l-Ingliż sew, għaliex tgħallmu meta attenda università Britannika. Liebes b’mod informali, hu laqagħna b’idu miftuħa.
Il-konversazzjoni tagħna miegħu kienet prinċipalment dwar il-Ġenna taʼ l-art li Alla għandu l-iskop li jġib għan-nies li għandhom attitudni tajba. Għalkemm ma tantx kien interessat f’dan is-suġġett, hu wriena biċ-ċar li kien konċernat ħafna dwar xi ħaġa li kellha x’taqsam. Ir-re kien determinat li jtejjeb il-livelli t’għajxien tan-nies foqra u mingħajr skola. Hu kien jistmerr l-attivitajiet taʼ ħafna missjunarji tal-Kristjaneżmu, li kienu jidhru iktar interessati li jkollhom iktar membri fil-knisja milli li jedukaw lin-nies. Madankollu, ir-re kien jaf bl-attività taʼ ħafna mill-pijunieri tagħna, u faħħarna għax-xogħol tagħna taʼ tagħlim mill-Bibbja, speċjalment minħabba li konna lesti nagħmlu dan mingħajr ma nitolbu ħlas jew obbligazzjonijiet oħra.
L-Edukazzjoni tal-Bibbja Tiżdied
Fl-1943 l-Iskola taʼ Gilgħad (Watchtower Bible School of Gilead) ġiet stabbilita għat-taħriġ tal-missjunarji. F’din l-iskola saret enfasi biex il-missjunarji jmorru lura fejn jinstab l-interess minflok ma jikkonċentraw prinċipalment fuq li jħallu l-letteratura Biblika. Fis-sena 1950, jien u George ġejna mistidnin nattendu s-16-il klassi taʼ Gilgħad. Hemmhekk iltqajt għall-ewwel darba maʼ Jean Hyde, oħt Awstraljana mill-aħjar li ġiet inkarigata fuq xogħol missjunarju fil-Ġappun wara li t-tnejn li aħna ggradwajna. Kienet għadha xi ħaġa komuni dak iż-żmien li ħu jibqaʼ għażeb, allura l-ħbiberija tagħna ma komplietx tiżviluppa.
Wara t-taħriġ tagħna f’Gilgħad, jien u George ngħatajna l-inkarigu missjunarju fil-Mawrizju, gżira fl-Oċean Indjan. Għamilna ħbieb man-nies, tgħallimna l-lingwa tagħhom, u kkonduċejna magħhom studji tal-Bibbja fid-djar. Iktar tard, ħija ż-żgħir William u martu Muriel, ukoll ggradwaw minn Gilgħad. Huma ntbagħtu fit-territorju taʼ l-ippridkar li kelli qabel—il-Kenja.
Malajr għaddew tmien snin, u mbagħad fil-konvenzjoni internazzjonali fi New York fl-1958, erġajt iltqajt maʼ Jean Hyde. Erġajna sirna ħbieb u mbagħad tgħarrasna. L-inkarigu missjunarju tiegħi nbidel mill-Mawrizju għall-Ġappun, u hemm jien u Jean iżżewwiġna fl-1959. Imbagħad, hemmhekk bdejna perijodu hieni taʼ xogħol missjunarju f’Hiroshima, fejn f’dak iż-żmien kien hemm biss kongregazzjoni żgħira. Illum, hemm 36 kongregazzjoni f’din il-belt.
Insellmu lill-Ġappun
Hekk kif għaddew is-snin, is-servizz missjunarju beda jsir iktar u iktar diffiċli għalina minħabba problemi taʼ saħħa, u maż-żmien kellna nitilqu mill-Ġappun u nissetiljaw fejn trabbiet Jean, fl-Awstralja. Il-jum li fih tlaqna minn Hiroshima kien wieħed taʼ niket. Fl-istazzjon tal-ferrovija, sellimna lill-ħbieb għeżież kollha tagħna.
Issa ninsabu setiljati fl-Awstralja, u bl-aħjar mod li nistgħu, qed inkomplu naqdu lil Jehovah mal-Kongregazzjoni taʼ Armidale fl-istat taʼ New South Wales. X’ferħ li stajna naqsmu t-teżor tal-verità Kristjana maʼ tant nies għal kważi tmenin sena! Rajt it-tkabbir meraviljuż tal-programm taʼ tagħlim mill-Bibbja u rajt b’għajnejja stess ħafna ġrajjiet spiritwali sinifikanti. L-ebda bniedem jew grupp taʼ nies ma jistaʼ jieħu l-kredtu għal dan. Verament, biex nissellef il-kliem tas-salmista, “bis-saħħa tal-Mulej seħħ dan: ħaġa taʼ l-għaġeb f’għajnejna.”—Salm 118:23.
[Stampa f’paġna 28]
Ħija George bil-karozza dar li kellna
[Stampa f’paġna 28]
Jien ħdejn Lake Victoria
[Stampa f’paġna 29]
Studenti taʼ skola sekondarja li attendew taħdita pubblika fis-Sważiland fl-1938
[Stampi f’paġna 30]
Maʼ Jean fil-jum tat-tieġ tagħna fl-1959 u llum