LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w02 10/15 pp. 19-21
  • Żmien taʼ Ferħ fil-Balkani

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Żmien taʼ Ferħ fil-Balkani
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Sottitli
  • Tkabbir Spiritwali fil-​Balkani
  • Il-​Poplu taʼ Jehovah Għandu Għalfejn Jifraħ
  • Proġett Uniku
  • Ġurnata taʼ Ferħ
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
w02 10/15 pp. 19-21

Żmien taʼ Ferħ fil-​Balkani

Kienet is-​sena 1922. F’Innsbruck, l-​Awstrija, kienet qed issir laqgħa taʼ l-​Istudenti Sinċieri tal-​Bibbja, kif kienu magħrufin ix-​Xhieda taʼ Jehovah dak iż-​żmien. Fl-​udjenza kien hemm Franz Brand, żagħżugħ minn Apatin ġewwa Vojvodina, is-​Serbja. Fil-​ħin li l-​kelliemi semma l-​isem t’Alla, Jehovah, ċorma nies bdew jibbuwjaw, u ma ħallewhx ikompli. Għalhekk, il-​laqgħa kellha tintemm ħesrem. Madankollu, dak li semaʼ Franz għamel impatt kbir fuqu, tant li beda jippriedka l-​aħbar tajba tas-​Saltna. Dan kien il-​bidu żgħir taʼ tkabbir spiritwali eċċitanti f’wieħed mill-​pajjiżi tal-​Balkani.

ILLUM, għal ħafna min-​nies l-​isem Jugoslavja jġib quddiem għajnejhom xeni taʼ gwerra u qtil. F’moħħ dak li jkun jiġu xeni taʼ qsim il-​qalb taʼ massakri terribbli, refuġjati ddisprati, djar meqrudin, u orfni mnikktin. M’hemmx kliem biex tiddeskrivi l-​uġigħ taʼ qalb kbir u l-​miżerja li ġabet magħha l-​gwerra li ħarbtet il-​Peniżola Balkanika mill-​1991 sa l-​1995 u li kissret kull tama li l-​bniedem jistaʼ qatt jerġaʼ jġib futur prosperuż u ħieles mill-​ansjetà. Minħabba l-​gwerra, in-​nies taʼ l-​ex-Jugoslavja qed ikollhom ibatu diffikultajiet ekonomiċi u faqar li jbikkik.a

Minħabba li hemm daqshekk sofferenza, wieħed żgur ma jistenniex li jsib nies ferħana f’din il-​parti tad-​dinja. Imma għalkemm tistaʼ tidher ħaġa stramba, nies bħal dawn jeżistu tassew. Fil-​fatt, nies ferħana bħal dawn esperjenzaw ġurnata taʼ ferħ speċjali lejn it-​tmiem tas-​seklu 20. Kif kien involut f’dan kollu Franz Brand, iż-​żagħżugħ li ssemma fil-​bidu?

Tkabbir Spiritwali fil-​Balkani

Franz Brand kien eċċitat dwar il-​veritajiet ġodda li kien semaʼ u ddeċieda li kellu jxerred l-​aħbar tajba. Hu sab jaħdem bħala barbier f’Maribor, belt fis-​Slovenja qrib il-​fruntiera taʼ l-​Awstrija, u beda jippriedka lill-​klijenti tiegħu, li ħafna drabi kienu joqogħdu bil-​qiegħda jisimgħu bi kwiethom waqt li kien iqaxxrilhom il-​leħja. Minħabba l-​isforzi tiegħu, grupp żgħir taʼ proklamaturi tas-​Saltna ġie fformat f’Maribor għall-​aħħar tas-​snin għoxrin. Taħditiet Bibliċi kienu jsiru f’restorant, li iktar tard b’mod xieraq beda jissejjaħ Restorant tal-​Ħut Novi svet (Dinja Ġdida).

Maż-​żmien, l-​aħbar tajba xterdet mal-​pajjiż kollu. L-​użu tal-​“Photo-Drama of Creation” (preżentazzjoni taʼ tmien sigħat li kien fiha films, slajds, u rikordings) kien t’għajnuna kbira għal din l-​espansjoni. Imbagħad fis-​snin 30, meta x-​Xhieda taʼ Jehovah fil-​Ġermanja kienu taħt persekuzzjoni ħarxa, ix-​Xhieda fis-​Saltna tal-​Jugoslavja ġew imsaħħin minn pijunieri Ġermaniżi li ħarbu minn pajjiżhom. Dawn warrbu fil-​ġenb il-​kumditajiet persunali, u għamlu kull sforz biex jilħqu l-​iktar partijiet imwarrbin taʼ dan il-​pajjiż muntanjuż bl-​ippridkar. Għall-​ewwel, ftit li xejn beda jkollhom respons għall-​messaġġ tagħhom. Fil-​bidu tas-​snin 40, 150 pubblikatur biss irrapportaw is-​servizz taʼ l-​għalqa.

Fl-1941 bdiet persekuzzjoni ħarxa li damet sejra sa l-​1952. X’ferħ kien hemm meta fl-​aħħar, fid-​9 taʼ Settembru, 1953, taħt ir-​reġim Komunist tal-​Ġeneral Titu, ix-​Xhieda taʼ Jehovah ġew reġistrati legalment! Dik is-​sena kien hemm 914-il pubblikatur taʼ l-​aħbar tajba, u n-​numru kiber ġmielu. Sa l-​1991, in-​numru taʼ pubblikaturi kien żdied għal 7,420, u f’dik is-​sena attendew 16,072 għall-​Mafkar.

Mis-​16 sat-​18 t’Awissu, 1991, inżammet l-​ewwel konvenzjoni internazzjonali tax-​Xhieda taʼ Jehovah f’dan il-​pajjiż. Din saret f’Żagreb, il-​Kroazja. L-​attendenza kienet taʼ 14,684 mill-​istess pajjiż u minn pajjiżi oħra. Din il-​konvenzjoni li ma tintesa qatt ippreparat lill-​poplu taʼ Jehovah għall-​provi li kienu ġejjin iktar ’il quddiem. Fost l-​aħħar karozzi li għaddew mill-​post taʼ identifikazzjoni bejn il-​Kroazja u s-​Serbja kien hemm il-​karozzi tal-​linja li kienu qed iwasslu lura d-​dar lid-​delegati Serbi. Wara li għaddiet l-​aħħar karozza tal-​linja, il-​fruntiera ġiet magħluqa u bdiet il-​gwerra.

Il-​Poplu taʼ Jehovah Għandu Għalfejn Jifraħ

Is-​snin tal-​gwerra kienu żmien taʼ prova kbira għax-​Xhieda taʼ Jehovah fil-​Balkani. Madankollu, għandhom għalfejn jifirħu għaliex Jehovah bierek lill-​poplu tiegħu b’żjieda mill-​aqwa. Mill-​1991 ’l hawn, in-​numru taʼ pubblikaturi tas-​Saltna fl-​ex-Jugoslavja telaʼ b’iżjed minn 80 fil-​mija. Is-​sena taʼ servizz 2001 kellha quċċata taʼ 13,472 pubblikatur.

Qabel, kienu l-​uffiċċji f’Żagreb u Belgrad (is-Serbja) li kienu jieħdu ħsieb ix-​xogħol tax-​Xhieda taʼ Jehovah fl-​ex-Jugoslavja kollha. Imma kemm minħabba ż-​żjieda kif ukoll it-​taqlib politiku, sar neċessarju li jkun hemm uffiċċji ġodda f’Ljubljana (is-Slovenja), u fi Skopje (il-Maċedonja), u jinstabu uffiċċji ġodda f’Belgrad u Żagreb. Madwar 140 persuna qed jaqdu f’dawn l-​uffiċċji. Ħafna minnhom huma żgħar fl-​età u mimlija mħabba u żelu għal Jehovah. Ħafna minnhom jieħdu sehem fit-​traduzzjoni t’għajnuniet għall-​istudju tal-​Bibbja bil-​Kroat, Maċedoni, Serbjan, u Sloven. X’barka li r-​rivisti u l-​letteratura tax-​Xhieda taʼ Jehovah b’dawn il-​lingwi qed jiġu pubblikati kważi kollha fl-​istess żmien maʼ l-​edizzjoni oriġinali bl-​Ingliż! Dawn il-​pubblikazzjonijiet jgħinu lil ħafna nies isibu l-​faraġ u t-​tama.

Raġuni oħra għal ferħ hi l-​għajnuna mingħajr egoiżmu li tingħata minn numru taʼ qaddejja full-time minn pajjiżi oħra. F’dawn l-​aħħar snin, inbnew ħafna Swali tas-​Saltna mill-​isbaħ li qed iżidu l-​ferħ tal-​kongregazzjonijiet. Madankollu, kien hemm iżjed ferħ jistenniehom. Dan kif setaʼ jkun?

Proġett Uniku

Taʼ spiss ħafna pubblikaturi staqsew, ‘Tgħid għad ikollna n-​New World Translation bil-​lingwa tagħna?’ Sena wara l-​oħra ħarsu ’l quddiem bil-​ħerqa li jisimgħu avviż dwar dan fil-​konvenzjoni distrettwali. Imma, kif setaʼ jinbeda proġett daqshekk kbir, meta tqis li t-​timijiet tat-​traduzzjoni b’dawn il-​lingwi ilhom ifformati biss ftit snin u t-​tradutturi kienu ftit fin-​numru?

Wara li rat sew kif kienu l-​affarijiet, il-​Ġemgħa li Tiggverna approvat proġett li fih it-​timijiet tat-​traduzzjoni tal-​Kroazja, il-​Maċedonja, u s-​Serbja kellhom jikkooperaw mill-​qrib bejniethom, u b’hekk jibbenefikaw mix-​xogħol u l-​ideat taʼ xulxin. It-​tim tal-​Kroazja kellu jmexxi lill-​oħrajn.

Ġurnata taʼ Ferħ

Ix-​Xhieda taʼ Jehovah fil-​Balkani m’huma se jinsewha qatt id-​data tat-​23 taʼ Lulju, 1999. Is-​serje taʼ Konvenzjonijiet Distrettwali “Il-​Kelma Profetika t’Alla” kellha ssir fl-​istess żmien f’Belgrad, Sarajevo (il-Bosnia-Ħerzegovìna), Skopje, u Żagreb. Għal xi żmien kien hemm inċertezza jekk il-​konvenzjoni setgħetx issir f’Belgrad minħabba li waqt il-​bumbardamenti min-​NATO, ma setgħet issir l-​ebda laqgħa pubblika. Kemm ferħu l-​aħwa li setgħu jassoċjaw flimkien wara xhur taʼ inċertezza! Madankollu, ir-​realtà sebqet dak li kienu qed jistennew.

Il-Ġimgħa wara nofsinhar, sar avviż speċjali fl-​erbat ibliet tal-​konvenzjoni. It-​13,497 delegat kienu fis-​skiet, b’antiċipazzjoni taʼ dak li kien se jiġri. Meta finalment il-​kelliemi semma l-​ħruġ tan-​New World Translation of the Christian Greek Scriptures bil-​Kroat u s-​Serbjan u qal lill-​udjenza li t-​traduzzjoni bil-​Maċedoni kienet miexja ’l quddiem, id-​delegati ma setgħux jikkontrollaw l-​emozzjonijiet tagħhom. L-​applaws qawwi li kien hemm lanqas ħalla lill-​kelliemi jispiċċa l-​avviż tiegħu. Fil-​konvenzjoni taʼ Sarajevo kien hemm skiet perfett fl-​udjenza, għax kienet sorpriża kbira għalihom. Imbagħad is-​skiet inkiser b’applaws twil. F’Belgrad, dmugħ taʼ ferħ beda jġelben maʼ ħafna wċuħ, u l-​kelliemi kien interrott minn applaws kontinwu qabel ma setaʼ jispiċċa l-​avviż. X’ferħ kien qed iħoss kulħadd!

Dan ir-​rigal kien meqjus bħala teżor doppju minħabba l-​fatt li x-​Xhieda taʼ Jehovah kienu kisbu d-​drittijiet taʼ l-​istampar għat-​traduzzjoni tal-​Bibbja bil-​Kroat kif ukoll bis-​Serbjan. B’hekk, in-​New World Translation of the Christian Greek Scriptures b’dawn iż-​żewġ lingwi ġiet miġbura f’volum wieħed flimkien mat-​traduzzjoni taʼ l-​Iskrittura Ebrajka bl-​istess lingwa. Iżjed minn hekk, il-​Bibbja bis-​Serbjan ġiet stampata kemm bil-​kitba Rumana kif ukoll b’dik Ċirillika.

Grazzi għall-​barkiet u l-​gwida li rċivew, il-​poplu taʼ Jehovah fil-​Balkani japprezza verament il-​kliem taʼ David: “Mqar jekk nimxi f’wied mudlam, ma nibżax mill-​ħsara, għax inti [Jehovah] miegħi.” Minkejja t-​tbatijiet kollha li jkomplu jiffaċċjaw, huma determinati li jagħmlu ‘l-​ferħ tal-​Mulej il-​qawwa tagħhom.’—Salm 23:4; Neħemija 8:10.

[Nota taʼ taħt]

a L-ex-Jugoslavja kienet tikkonsisti minn sitt repubbliki—il-​Bosnia-Ħerzegovìna, il-​Kroazja, il-​Maċedonja, il-​Montenegro, is-​Serbja, u s-​Slovenja.

[Stampa f’paġna 20]

L-​ewwel grupp taʼ pubblikaturi minn Maribor, is-​Slovenja, jippriedka fl-​iktar territorju mbiegħed

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja