Bijografija
Il-Privileġġ li Nieħu Sehem fit-Tkabbir taʼ Wara l-Gwerra
KIF RAKKONTATA MINN FILIP S. HOFFMANN
Kienet għadha kif spiċċat it-Tieni Gwerra Dinjija, f’Mejju taʼ l-1945. Ftit wara f’Diċembru, Nathan H. Knorr, li kien jindokra l-attività taʼ l-ippridkar madwar id-dinja tax-Xhieda taʼ Jehovah, żar id-Danimarka mas-segretarju tiegħu, Milton G. Henschel, li kellu 25 sena. Inkriet sala kbira għal din iż-żjara mistennija b’tant ħerqa. Għalina ż-żgħażagħ, it-taħdita taʼ Ħuna Henschel qanqlitna b’mod speċjali, peress li hu kien taʼ l-età tagħna u għażel it-tema: “Ftakar f’min ħalqek f’jiem żgħożitek.”—Koħèlet 12:1.
MATUL din iż-żjara, sirna nafu li kienu qed iseħħu affarijiet eċċitanti biex ix-xogħol taʼ l-ippridkar jingħata spinta madwar id-dinja u li aħna stajna ninvolvu ruħna fihom. (Mattew 24:14) Per eżempju, infetħet skola ġdida fl-Istati Uniti biex tħarreġ liż-żgħażagħ irġiel u nisa għax-xogħol missjunarju. Ħuna Knorr enfasizza l-fatt li jekk niġu mistidnin biex nattendu din l-iskola, konna se ningħataw “biljett ’l hemm biss,” u li ma konniex se nkunu nafu fejn se nispiċċaw. Xorta waħda, xi wħud minna applikajna.
Qabel ma niddeskrivi l-esperjenzi tiegħi taʼ qabel it-Tieni Gwerra Dinjija, ħalli mmur lura għal meta twelidt jien fl-1919. Kien hemm bosta ġrajjiet qabel u waqt il-gwerra li effettwawli ħajti bil-kbir.
Il-Verità tal-Bibbja Mingħand il-Paljazza tal-Familja
Meta ommi kien se jkollha lili—l-ewwel tarbija tagħha—hi talbet li jekk inkun tifel, insir missjunarju. Ħuha kien student tal-Bibbja, bħalma kienu magħrufin ix-Xhieda taʼ Jehovah dak iż-żmien, iżda l-familja tagħha kienu jqisuh bħala l-paljazza tal-familja. Darna kienet tinsab qrib Kopenħagen, u meta l-Istudenti tal-Bibbja kien ikollhom il-konvenzjonijiet annwali f’dan il-post, ommi kienet tistieden liz-ziju Thomas, li kien jgħix ’il bogħod, biex jiġi joqgħod magħna. Sa l-1930, bl-għarfien taʼ l-għaġeb li kellu mill-Bibbja u bil-mod loġiku li bih kien jirraġuna, iz-ziju kkonvinċa ’l ommi biex issir Studenta tal-Bibbja.
Ommi kienet tħobbha l-Bibbja. Fi qbil mal-kmand li nsibu f’Dewteronomju 6:7, hi għallmet lili u ’l oħti ‘meta kienet tkun f’darha, u meta kienet tkun miexja fit-triq, u meta kienet timtedd, u meta kienet tqum.’ Maż-żmien bdejt nieħu sehem fl-ippridkar minn dar għal dar. Kont inħobb niddiskuti fuq suġġetti li kienu jiġu mgħallmin fil-knejjes, bħall-immortalità tar-ruħ u l-infern. Stajt nuri b’mod effettiv mill-Bibbja li tagħlim bħal dan kien żbaljat.—Salm 146:3, 4; Koħèlet 9:5, 10; Eżekjel 18:4, Karm Żammit.
Il-Familja Tagħna Saret Magħquda
Wara l-konvenzjoni li saret f’Kopenħagen fl-1937, kien hemm bżonn t’għajnuna temporanja fil-maħżen tal-letteratura fl-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Jehovah fid-Danimarka. Kont għadni kif spiċċajt l-istudji tiegħi f’kulleġġ tal-kummerċ u ma kellix xi jżommni, allura offrejt li ngħin fil-maħżen. Meta s-servizz fil-maħżen intemm, talbuni biex ngħin fl-uffiċċju tal-fergħa. Ftit wara dan, tlaqt mid-dar u mort ngħix fil-fergħa taʼ Kopenħagen, għalkemm kont għadni miniex mgħammed. Sħubija taʼ kuljum maʼ Kristjani maturi għenitni nagħmel progress spiritwali. Is-sena taʼ wara, fl-1 taʼ Jannar, 1938, issimbolizzajt id-dedikazzjoni tiegħi lil Alla Jehovah permezz tal-magħmudija fl-ilma.
F’Settembru taʼ l-1939, bdiet it-Tieni Gwerra Dinjija. Imbagħad, fid-9 t’April, 1940, l-armati Ġermaniżi ħadu lid-Danimarka f’idejhom. Minħabba li d-Daniżi tħallew ikollhom libertà persunali konsiderevoli, aħna stajna nkomplu l-attivitajiet tagħna taʼ l-ippridkar.
Imbagħad seħħet xi ħaġa meraviljuża. Missieri sar Xhud leali u attiv u dan ġab l-akbar ferħ lill-familja tagħna. Għalhekk, meta jien, flimkien maʼ erbaʼ Daniżi oħra, ġejt mistieden nattendi t-tmien klassi taʼ l-Iskola taʼ Gilgħad, il-familja tiegħi kollha appoġġatni. Il-kors taʼ l-iskola, li beda f’Settembru taʼ l-1946 u dam sejjer ħames xhur, sar fil-kampus mill-isbaħ barra South Lansing fl-istat taʼ New York.
It-Taħriġ f’Gilgħad u Wara
Gilgħad tatni opportunitajiet biex nagħmel ħbieb ġodda mill-aqwa. Darba minnhom fil-għaxija waqt li kont qed nagħmel żewġ passi fil-kampus maʼ Harold King mill-Ingilterra, bdejna nitkellmu dwar fejn stajna nintbagħtu meta jintemm it-taħriġ. “Nemmen li din m’hijiex l-aħħar darba li rajt il-white cliffs taʼ Dover,” qal Harold. Kellu raġun, imma kellhom jgħaddu 17-il sena qabel ma reġaʼ rahom, u erbaʼ snin u nofs minnhom qattagħhom f’ċella għalih waħdu f’ħabs fiċ-Ċina!a
Wara l-gradwazzjoni, intbgħatt f’Texas, fl-Istati Uniti, biex naqdi bħala indokratur li jivvjaġġa, u nżur il-kongregazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Jehovah biex ngħinhom spiritwalment. Ġejt milqugħ b’kordjalità li ma bħalha. Għall-aħwa taʼ Texas, kienet xi ħaġa interessanti li jkollhom magħhom żagħżugħ mill-Ewropa li għadu kif attenda l-Iskola taʼ Gilgħad. Iżda wara li kont ili f’Texas sebaʼ xhur biss, talbuni mmur fil-kwartieri ġenerali tax-Xhieda taʼ Jehovah fi Brooklyn, ġewwa New York. Hemmhekk Ħuna Knorr inkarigani naħdem fl-uffiċċji, u tani istruzzjonijiet biex nitgħallem kif għandu jimxi x-xogħol fid-dipartimenti kollha. Imbagħad, meta mort lura d-Danimarka, kelli napplika dak li tgħallimt, waqt li qgħadt attent li kollox kien qed isir bl-istess mod kif isir fi Brooklyn. L-intenzjoni kienet li x-xogħol fil-fergħat mad-dinja kollha jingħaqad sabiex isir iktar effiċjenti. Iktar tard, Ħuna Knorr bagħatni l-Ġermanja.
L-Istruzzjonijiet Applikati fil-Fergħat
Meta wasalt f’Wiesbaden, ġol-Ġermanja, f’Lulju taʼ l-1949, ħafna mill-bliet Ġermaniżi kienu għadhom ħerba. Dawk li kienu minn taʼ quddiem fix-xogħol taʼ l-ippridkar kienu rġiel li ġew persegwitati minn Hitler meta dan beda jmexxi fl-1933. Xi wħud minnhom qabel kienu fil-ħabsijiet jew fil-kampijiet tal-konċentrament għal tmien jew għaxar snin jew iktar! Ħdimt maʼ qaddejja taʼ Jehovah bħal dawn għal tliet snin u nofs. L-eżempju tagħhom li tant jispikka jfakkarni f’kumment li għamel Gabriele Yonan, studjuż Ġermaniż taʼ l-istorja, li qal: “Mingħajr l-eżempju taʼ dan il-grupp taʼ Kristjani leali taħt id-dittatorjat Soċjalista Nazzjonali, kien ikollna—wara Auschwitz u l-Olokawst—niddubitaw jekk qattx kien possibbli li jitwettaq it-tagħlim Kristjan taʼ Ġesù.”
Xogħli fil-fergħa kien l-istess bħal dak li kelli fid-Danimarka: li nintroduċi mod ġdid u konsistenti taʼ kif jitmexxew l-affarijiet taʼ l-organizzazzjoni. Malli l-aħwa Ġermaniżi fehmu li l-aġġustamenti ma kienu b’ebda mod xi kritika għal xogħolhom—iżda li kien wasal iż-żmien biex ikun hemm kooperazzjoni iktar mill-qrib bejn id-diversi fergħat u l-kwartieri ġenerali—huma mtlew bl-entużjażmu u bi spirtu taʼ kooperazzjoni mill-aqwa.
Fl-1952 waslet ittra mill-uffiċċju taʼ Ħuna Knorr li fiha ġejt mitlub biex immur fil-fergħa taʼ Bern, ġewwa l-Isvizzera. Ġejt inkarigat biex naqdi bħala l-indokratur taʼ din il-fergħa, mill1 taʼ Jannar, 1953.
Iktar Ferħ fl-Isvizzera
Ftit wara li wasalt l-Isvizzera, iltqajt maʼ Esther waqt konvenzjoni, u f’qasir żmien tgħarrasna. F’Awissu taʼ l-1954, Ħuna Knorr talabni biex immur naqdi fi Brooklyn, fejn urewni tip taʼ xogħol ġdid u eċċitanti. Peress li n-numru u d-daqs taʼ l-uffiċċji tal-fergħa madwar id-dinja kien tant kiber, ġie introdott arranġament ġdid. Id-dinja ġiet maqsuma f’żoni, u indokratur taż-żona ġie maħtur biex jaqdi f’kull waħda minnhom. Ġejt assenjat biex naqdi fi tnejn minn dawn iż-żoni: L-Ewropa u l-inħawi tal-Mediterran.
Ftit wara ż-żjara qasira tiegħi fi Brooklyn, mort lura l-Isvizzera u ħejjejt ruħi għax-xogħol taż-żona. Jien u Esther iżżewwiġna, u hi bdiet taqdi miegħi fl-uffiċċju tal-fergħa fl-Isvizzera. Fl-ewwel żjara tiegħi żort id-djar missjunarji u l-fergħat fl-Italja, fil-Greċja, f’Ċipru, f’pajjiżi tal-Lvant Nofsani u mal-kosta taʼ l-Afrika taʼ Fuq, u fi Spanja u fil-Portugall—13-il pajjiż b’kollox. Wara li morna lura għal żjara f’Bern, komplejt bil-vjaġġi tiegħi u mort lejn il-pajjiżi l-oħrajn kollha taʼ l-Ewropa, fil-punent tal-Purtiera tal-Ħadid. Matul l-ewwel sena taż-żwieġ tagħna, domt sitt xhur sħaħ ’il bogħod mid-dar naqdi lil ħutna l-Kristjani.
Bidliet fiċ-Ċirkustanzi
Fl-1957, Esther indunat li kienet qed tistenna tarbija, u peress li l-fergħa m’hijiex post fejn jgħixu l-ġenituri bit-tfal, iddeċidejna li mmorru noqogħdu d-Danimarka, fejn missieri laqagħna biex noqogħdu għandu. Esther ħadet ħsieb kemm tat-tifla tagħna, Rakel, kif ukoll taʼ missieri, waqt li jien kont ngħin fix-xogħol fl-uffiċċju tal-fergħa l-ġdid li kien għadu kif inbena. Qdejt bħala għalliem taʼ l-Iskola tal-Ministeru tas-Saltna għall-indokraturi tal-kongregazzjonijiet u wkoll komplejt naqdi bħala indokratur taż-żona.
Ix-xogħol taż-żona kien ifisser li kelli nivvjaġġa għal perijodi twal, u sfortunatament minħabba f’hekk kont indum ħafna ma nara lil binti. Dan il-fatt ġab il-konsegwenzi. Darba minnhom qattajt xi żmien f’Pariġi, fejn stabbilejna stamperija żgħira. Esther u Rakel ġew bil-ferrovija biex jarawni u waslu fil-Gare du Nord. Jien u Léopold Jontès, li wkoll kien jaħdem fil-fergħa, morna nilqgħuhom. Rakel qagħdet fuq it-tarġa tal-ferrovija, ħarset lejn Léopold, imbagħad lejja, u reġgħet ħarset lejn Léopold, u bdiet tgħannaq lil Léopold!
Bidla drammatika oħra seħħet meta, fl-età taʼ 45 sena, tlaqt il-ministeru full-time sabiex naħdem b’mod sekulari biex immantni lill-familja tiegħi. Bl-esperjenza li kelli bħala ministru tax-Xhieda taʼ Jehovah, stajt nikseb xogħol bħala maniġer fl-esportazzjoni. Wara li kont ili naħdem maʼ l-istess kumpanija għal madwar disaʼ snin u Rakel kienet spiċċat l-iskola, iddeċidejna li nwieġbu għall-inkuraġġiment biex immorru ngħixu fejn kien hemm bżonn akbar għall-predikaturi tas-Saltna.
Wara li ħadt idea taʼ l-opportunitajiet li kienet toffri n-Norveġja, staqsejt f’aġenzija taʼ l-impjiegi dwar il-possibbiltà li nsib xogħol. It-tweġiba ma tantx qawwietli qalbi. Ma tantx kien hemm tama għal xi ħadd li għandu 55 sena. Xorta waħda, ikkuntattjajt l-uffiċċju tal-fergħa f’Oslo u mbagħad krejt dar qrib il-belt taʼ Drøbak, fiduċjuż li kien se jkolli opportunità taʼ xogħol. U veru hekk ġara, u b’hekk gawdejt żmien mill-isbaħ fis-servizz tas-Saltna fin-Norveġja.
L-aħjar żminijiet kienu meta flimkien maʼ ħafna mill-kongregazzjoni tagħna konna nivvjaġġaw lejn it-tramuntana biex naħdmu territorju li ma jkunx assenjat. Konna nikru djar żgħar f’post apposta fejn jikkampjaw in-nies, u kuljum konna nżuru l-irziezet imferrxin fil-muntanji maestużi. Kienet verament pjaċevoli li ngħidu lil dawn in-nies dħulin dwar is-Saltna t’Alla. Konna nqassmu ħafna letteratura, iżda ż-żjajjar lura kellhom jistennew sas-sena taʼ wara. Madankollu, in-nies ma kinux jinsewna! Esther u Rakel għadhom jiftakru ż-żmien meta konna mmorru lura u dawn kienu jgħannquna magħhom qisna xi membri tal-familja li ilhom ħafna ma jarawhom. Wara li għamilna tliet snin fin-Norveġja, morna lura d-Danimarka.
Il-Ferħ tal-Ħajja tal-Familja
Ftit wara, Rakel tgħarrset lil Niels Højer, ministru u pijunier full-time żeluż. Wara li żżewġu, Niels u Rakel komplew jaqdu bħala pijunieri sakemm kellhom it-tfal. Niels kien raġel miżżewweġ eżemplari kif ukoll missier mill-aqwa, u kien jieħu interess sinċier fil-familja tiegħu. Darba minnhom, kmieni fil-għodu mar maʼ ibnu bir-rota sal-bajja biex jaraw ix-xemx tielgħa. Wieħed mill-ġirien staqsa lit-tifel x’qagħdu jagħmlu hemmhekk. Hu wieġbu: “Qgħadna nitolbu lil Jehovah.”
Ftit tas-snin wara, jien u Esther konna preżenti għall-magħmudija taʼ l-ewwel żewġ neputijiet tagħna, Benjamin u Nadja. Fost dawk li kienu qed jarawhom kien hemm Niels, li f’daqqa waħda sibt ruħi wiċċ imbwiċċ miegħu. Ħares lejja u qalli, “L-irġiel veri ma jibkux.” Lanqas laħaq spiċċa l-kelma, spiċċajna t-tnejn nibku u ngħannqu lil xulxin. Kemm hu taʼ ferħ li jkollok ir-raġel taʼ bintek li miegħu tistaʼ kemm tidħaq kif ukoll tibki!
Nerġgħu Naddattaw Ruħna għaċ-Ċirkustanzi
Barka oħra kienet dik meta jien u Esther ġejna mitlubin nerġgħu mmorru naqdu fl-uffiċċju tal-fergħa tad-Danimarka. Madankollu, sa dak iż-żmien kienu qed isiru xi tħejjijiet sabiex tinbena faċilità tal-fergħa ħafna akbar f’Holbæk. Kelli l-privileġġ li nieħu sehem f’li nindokra x-xogħol tal-bini, li sar kollu minn ħaddiema volontiera mingħajr ħlas. Minkejja x-xitwa kiefra, sa l-aħħar taʼ l-1982, il-proġett kien bażikament lest, u lkoll konna ferħanin meta morna noqogħdu ġol-faċilitajiet li huma aħjar u akbar!
Malajr ġejt imqabbad naħdem fl-uffiċċju, u dan ix-xogħol tani sodisfazzjon kbir, waqt li Esther kienet taħdem fuq is-sistema tat-telefon. Madankollu, maż-żmien kellha tagħmel operazzjoni f’ġenbejha, u sena u nofs wara, kellha tagħmel l-operazzjoni tal-marrara. Minkejja t-tħassib b’qalb tajba li wrewna l-aħwa tal-fergħa, iddeċidejna li jkun aħjar għal kulħadd li ma nkomplux naqdu fil-fergħa. Morna fil-kongregazzjoni fejn kien hemm it-tifla tagħna u l-familja tagħha.
Illum is-saħħa taʼ Esther ma tantx hija tajba. Madankollu, nistaʼ verament ngħid li matul is-snin kollha taʼ servizz tagħna flimkien, b’tant bidliet fiċ-ċirkustanzi tagħna, hi kienet tant taʼ appoġġ u sieħba meraviljuża. Minkejja li saħħitna dejjem sejra lura, it-tnejn li aħna għadna nieħdu sehem kemm nistgħu fix-xogħol taʼ l-ippridkar. Meta nirrifletti fuq ħajti, bi gratitudni niftakar fil-kliem tas-salmista: “O Alla, sa minn żgħożiti int għallimtni.”—Salm 71:17.
[Nota taʼ taħt]
a Ara The Watchtower, 15 taʼ Lulju, 1963, paġni 437-42.
[Stampa f’paġna 24]
Qed inħottu l-letteratura li waslet bil-baħar fil-fergħa tal-Ġermanja li kienet qed tinbena fl-1949
[Stampa f’paġna 25]
Sħabi tax-xogħol kienu jinkludu Xhieda bħal dawn li ġew lura mill-kampijiet tal-konċentrament
[Stampi f’paġna 26]
Maʼ Esther illum u fil-ġurnata tat-tieġ tagħna fil-Betel taʼ Bern, f’Ottubru taʼ l-1955